Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

il-Kroazja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Il-partijiet jistgħu jsolvu tilwima fil-qorti, iżda jeżistu wkoll metodi ta’ soluzzjoni tat-tilwim barra l-qorti. Fil-Kroazja, metodi bħal dawn jinkludu arbitraġġ, medjazzjoni u azzjonijiet fil-qorti f’sens usa’ mmirati sabiex jiksbu soluzzjoni bil-qorti.

Il-medjazzjoni f’tilwimiet li jirriżultaw minn tilwimiet ċivili, kummerċjali, dawk relatati max-xogħol u oħrajn rigward drittijiet li jistgħu jiġu eżerċitati liberament mill-partijiet hija rregolata mill-Att dwar il-Medjazzjoni (Zakon o mirenju) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nru 18/11). Medjazzjoni (mediare bil-Latin = medjazzjoni) tfisser kwalunkwe proċedura, irrispettivament mill-isem użat (mirenje, medijacija, posredovanje, koncilijacija) li fiha l-partijiet jagħmlu ħilithom sabiex isolvu t-tilwima tagħhom billi jaslu għal ftehim reċiproku, jiġifieri billi jilħqu ftehim aċċettabbli b’mod reċiproku li jkun konformi mal-ħtiġijiet u l-interessi tagħhom, bl-għajnuna ta’ parti terza newtrali – medjatur wieħed jew aktar (posrednik, medijator, koncilijator), li jgħinu lill-partijiet jilħqu ftehim, mingħajr is-setgħa li jimponu soluzzjoni vinkolanti. Il-medjazzjoni titmexxa b’mod maqbul mill-partijiet; il-proċedura hija kkaratterizzata min-natura mhux obbligatorja tagħha, mill-awtonomija tal-partijiet fil-proċedura, mill-fatt li hija volontarja u kunsenswali, informali u kunfidenzjali, u mill-ugwaljanza tal-partijiet fil-proċedimenti.

Min-naħa l-oħra, l-arbitraġġ (arbitraža jew izbrano suđenje) huwa proċess li jsir quddiem qorti tal-arbitraġġ, irrispettivament minn jekk ix-xogħol tiegħu jiġix ipprovdut minn persuna ġuridika jew mill-korp ta’ persuna ġuridika responsabbli mill-organizzazzjoni u t-tmexxija tax-xogħol tal-qrati tal-arbitraġġ. L-arbitraġġ huwa mod volontarju, rapidu, effiċjenti u mhux pubbliku ta’ kif jissolvew it-tilwimiet, fejn il-partijiet jistgħu jagħmlu l-arranġamenti fuq min se jaġixxi bħala mħallef f’każ li tinħoloq tilwima, il-post tal-arbitraġġ, il-liġi proċedurali u sostantiva applikabbli, il-lingwa/i li biha/bihom jitmexxa l-arbitraġġ u d-deċiżjoni ta’ qorti tal-arbitraġġ dwar il-fatti tal-każ għandha s-saħħa ta’ deċiżjoni definittiva tal-qorti.

L-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri 53/91, 91/92, 112/99, 129/00, 88/01, 117/03, 88/05, 2/07, 96/08, 84/08, 123/08, 57/11, 25/13 u 89/14; minn hawn ’il quddiem: ZPP) jistipula li qorti tista’ tipproponi lill-partijiet, fi kwalunkwe ħin matul proċeduri ta’ qorti ċivili, li jsolvu t-tilwima tagħhom permezz ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, kemm jekk fil-qorti u kemm jekk barra minnha. Barra minn hekk, waqt is-seduta ta’ smigħ preliminari, il-qorti tipproponi li l-partijiet isolvu t-tilwima fi proċedura ta’ medjazzjoni, jiġifieri l-partijiet jiġu mgħarrfa dwar il-possibbiltà ta’ soluzzjoni bil-qorti.

F’ċerti każijiet (il-preżentata ta’ azzjoni kontra r-Repubblika tal-Kroazja), il-persuna li jkollha l-ħsieb li tippreżenta azzjoni bħal din hija obbligata, qabel tippreżentaha, li tikkuntattja lill-uffiċċju tal-avukat tal-Istat li għandu ġuriżdizzjoni ratione materiae u territorjali għal rappreżentanza quddiem qorti fejn se tiġi ppreżentata azzjoni kontra r-Repubblika tal-Kroazja, u titlob li tinstab soluzzjoni bonarja tat-tilwima, ħlief f’każijiet fejn regolamenti speċifiċi jiddeterminaw data ta’ skadenza għall-preżentata ta’ rikors. It-talba għal soluzzjoni bonarja ta’ tilwima jrid ikun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa għal rikors standard fil-qorti.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

It-terminu għat-tressiq ta’ azzjoni fil-qorti jiddependi fuq it-tip u n-natura legali tal-azzjoni. Pereżempju, għall-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet relatati max-xogħol, hemm skadenza ta’ ħmistax-il jum sa meta l-impjegat irid jippreżenta rikors lill-qorti kompetenti sabiex jipproteġi d-dritt miksur, wara li jkun ippreżenta talba għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-impjegat lil min iħaddmu, ħlief fil-każ ta’ pretensjoni għad-danni jew pretensjoni monetarja oħra li tinħoloq mir-relazzjonijiet tax-xogħol.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Iva. Fil-Kroazja, fi proċeduri ċivili, il-qrati jiddeċiedu fil-limiti tal-ġuriżdizzjoni ratione materiae tagħhom, kif definita mil-liġi, u l-awtorità ġudizzjarja tiġi eżerċitata minn qrati ordinarji u speċjalizzati u mill-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja.

Il-qrati ordinarji huma l-qrati muniċipali u l-qrati tal-pajjiż. Il-qrati speċjalizzati huma l-qrati kummerċjali (trgovački sudovi), il-qrati amministrattivi (upravni sudovi), il-qrati kriminali (prekršajni sudovi), il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja (Visoki upravni sud Republike Hrvatske) u l-Qorti Superjuri tal-Maġistrati tar-Repubblika tal-Kroazja (Visoki prekršajni sud Republike Hrvatske).

L-ogħla qorti tal-Kroazja hija l-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja (Vrhovni sud Republike Hrvatske).

Il-liġi tista’ tistabbilixxi qrati ordinarji u speċjalizzati oħrajn skont il-ġuriżdizzjoni ratione materiae tagħhom jew skont ċerti oqsma legali.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Ir-regola ġenerali tgħid li l-qorti kompetenti hija l-qorti b’ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali għall-konvenut, jiġifieri l-qorti li tkopri ż-żona fejn il-konvenut ikollu r-residenza permanenti tiegħu. Jekk il-konvenut ma jkollu ebda residenza permanenti fir-Repubblika tal-Kroazja, il-qorti b’ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali hija dik li tkopri ż-żona fejn il-konvenut ikollu r-residenza temporanja tiegħu.

Jekk il-konvenut, minbarra residenza permanenti, ikollu wkoll residenza temporanja fi kwalunkwe post ieħor, u minħabba ċ-ċirkostanzi jkun jista’ jiġi dedott li huwa se jirrisjedi hemmhekk għal perjodu ta’ żmien itwal, il-qorti fil-post tar-residenza temporanja jkollha ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali.

Għall-proċessi f’tilwimiet kontra ċittadin Kroat residenti b’mod permanenti barra l-pajjiż, fejn huwa ġie assenjat sabiex jaħdem għal awtorità nazzjonali jew entità ġuridika, il-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali hija tal-qorti li tkopri l-aħħar residenza permanenti magħrufa tiegħu fir-Repubblika tal-Kroazja.

F’tilwimiet b’elementi internazzjonali, qorti fir-Repubblika tal-Kroazja hija kompetenti għall-proċess meta dan ikun definit espliċitament mil-liġi jew minn trattat internazzjonali. Jekk il-liġi jew it-trattat internazzjonali ma jiddikjarawx espliċitament li qorti Kroata hija kompetenti għal tip speċifiku ta’ tilwima, mela qorti Kroata hija kompetenti għal proċess meta dan jirriżulta mid-dispożizzjonijiet legali rigward il-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qrati fil-Kroazja.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Dak imsemmi hawn fuq jiddependi fuq it-tip ta’ tilwima u d-dispożizzjonijiet taz-ZPP li jirregolaw materji ta’ ġuriżdizzjoni ratione materiae u territorjali.

Il-valur ta’ suġġett ta’ tilwima mhuwiex kriterju distint li jaffettwa l-ġuriżdizzjoni ratione materiae u territorjali tal-qrati fil-Kroazja.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Skont l-organizzazzjoni attwali tal-proċess ta’ litigazzjoni kif stabbilit miz-ZPP, kwalunkwe parti – persuna ġuridika jew fiżika – tista’ tagħżel liberament jekk tridx tirrappreżenta lilha nnifisha fil-proċedimenti, jew inkella tużax intermedjarju, ġeneralment avukat, sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor miz-ZPP.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 91 (ZPP) jillimitaw b’mod sinifikanti d-dritt tal-partijiet li jirrappreżentaw lilhom infushom: jekk, f’tilwimiet li jinvolvu pretensjonijiet tal-proprjetà, l-ammont fit-tilwima jkun ta’ aktar minn HRK 50 000, l-aġenti għall-persuni ġuridiċi jistgħu jkunu biss persuni li jkunu għaddew mill-eżami tal-avukatura.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 91 taz-ZPP jistipulaw li l-partijiet jippreżentaw rikors għal rieżami permezz tar-rappreżentant tagħhom, jiġifieri avukat, jew, b’mod eċċezzjonali, huma jistgħu jirrappreżentaw lilhom infushom, jekk ikunu għaddew minn eżami tal-avukatura jew jekk it-talba għal rieżami tkun tista’ ssir f’isimhom minn persuna li tkun awtorizzata f’konformità maz-ZPP jew ma’ kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra sabiex tirrappreżentahom f’din il-kapaċità, minkejja li ma tkunx avukat, iżda tkun għaddiet mill-eżami tal-avukatura.

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Il-proċeduri ta’ qorti ċivili jinbdew permezz tal-preżentata ta’ azzjoni quddiem qorti kompetenti, direttament fl-uffiċċju tar-reġistru tal-qorti, bil-posta jew b’mod elettroniku.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Il-proċeduri ta’ qorti ċivili jitmexxew bil-lingwa Kroata u bl-użu tal-alafabett Latin, sakemm ma jkunx ġie introdott l-użu ta’ lingwa jew alfabetti ieħor fi qrati individwali.

Il-partijiet u parteċipanti oħrajn fil-proċedimenti jippreżentaw l-azzjonijiet, id-denunzji u sottomissjonijiet oħrajn tagħhom lill-qorti bil-lingwa Kroata u bl-alfabett Latin.

Azzjoni tista’ tiġi ppreżentata direttament fl-uffiċċju tar-reġistru tal-qorti, bil-posta jew b’mod elettroniku (telegrafski), għalkemm huwa l-aktar komuni li hija tiġi ppreżentata direttament fl-uffiċċju tar-reġistru jew bil-posta.

L-Att dwar il-Proċedura Ċivili jipprevedi l-possibbiltà li d-dokumenti għat-tilwimiet jiġu ppreżentati b’mod elettroniku quddiem il-qrati kummerċjali. Id-dokumenti ppreżentati b’mod elettroniku jridu jiġu ffirmati bl-użu ta’ firem elettroniċi avvanzati f’konformità ma’ regolamenti speċjali. Minħabba li għadha trid tiġi implimentata sistema tal-IT unifikata, dawn id-dispożizzjonijiet għadhom mhumiex applikati fil-prattika.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Il-formoli jintużaw biss għall-proċeduri għal talbiet żgħar Ewropej. Aktar dettalji dwar dan huma disponibbli fil-fuljett intitolat “Talbiet Żgħar – Ir-Repubblika tal-Kroazja”.

L-Att dwar il-Proċedura Ċivili jistipula x’għandu jinkludi r-rikors, kif ġej: pretensjoni speċifika rigward il-merti u l-pretensjonijiet inċidentali, il-fatti li l-attur jibbaża l-pretensjoni fuqhom, l-evidenza li tappoġġa dawn il-fatti u informazzjoni oħra li trid tiġi mehmuża ma’ kull sottomissjoni (l-Artikolu 106 taz-ZPP).

Kull sottomissjoni, inklużi r-rikorsi, trid tinkludi dawn li ġejjin: l-isem tal-qorti, l-isem, il-mestier u r-residenza permanenti jew temporanja tal-partijiet, tar-rappreżentanti legali u tal-aġenti tagħhom, jekk ikun hemm, in-numru tal-identifikazzjoni personali tal-parti tal-preżentazzjoni, is-suġġett tat-tilwima u l-firma tad-dikjarazzjoni tal-parti tal-preżentazzjoni.

Il-parti jew ir-rappreżentant tagħha jiffirmaw l-ismijiet tagħhom fl-aħħar tas-sottomissjoni.

Jekk id-dikjarazzjoni jkun fiha pretensjoni, il-parti trid tiddikjara fis-sottomissjoni l-fatti li fuqhom tibbaża l-pretensjoni tagħha u l-evidenza, meta meħtieġ.

Il-qorti tipproċedi fuq it-talba anki jekk l-attur ma jkunx iddikjara r-raġunijiet legali għat-talba; anki jekk l-attur ikun iddikjara r-raġunijiet legali, il-qorti ma tkunx marbuta b’dan.

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

Il-partijiet iridu jħallsu t-tariffi tal-qorti rregolati mill-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (Zakon o sudskim pristojbama) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nru 74/95, 57/96, 137/02, 125/11, 112/12, 157/13, 110/15; minn hawn ’il quddiem: ZSP).

It-tariffi tal-qorti preskritti miz-ZSP japplikaw għall-persuni li fuq talba tagħhom jew li fl-interess tagħhom jitwettqu ċerti azzjonijiet preskritti mil-liġi.

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor miz-ZSP, hemm tariffi tal-qorti:

• għal sottomissjonijiet (rikorsi, rimedji legali, rikorsi għall-eżekuzzjoni, eċċ.): fil-mument tal-preżentazzjoni; u għal sottomissjonijiet imdaħħlin fir-reġistru - meta r-reġistru jkun komplet,

• għal sottomissjonijiet fid-difiża: wara t-terminazzjoni finali tal-proċedimenti għal kull parti, b’mod proporzjonali għas-suċċess tagħhom fil-kawża,

• għal traskrizzjonijiet tal-qorti: meta jintalbu,

• għal deċiżjonijiet ġudizzjarji: meta l-parti jew ir-rappreżentant tagħha jiġu nnotifikati b’kopja tad-deċiżjoni,

• għal ċertifikati ta’ suċċessjoni: meta jsiru finali,

• fi proċedimenti ta’ soluzzjoni sfurzata, falliment u likwidazzjoni: mal-ħruġ ta’ deċiżjoni dwar id-diviżjoni ewlenija jew mal-ħruġ ta’ deċiżjoni li tapprova soluzzjoni sfurzata,

• għal azzjonijiet oħrajn: meta jintalbu jew meta tiġi invokata l-qorti.

Ir-regola ġenerali għall-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ litigazzjoni hija li l-parti li titlef il-kawża fl-intier tagħha trid tkopri l-ispejjeż tal-parti opposta u tal-intervenjent tagħha.

L-ispejjeż tar-rappreżentanza minn avukati u r-rimunerazzjoni u r-rimborż tal-ispejjeż tal-avukati huma rregolati mill-Att dwar il-Professjoni Legali (Zakon o odvjetništvu) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nru 9/94, 117/08 traduzzjoni, 50/09, 75/09 u 18/11; minn hawn ’il quddiem ZO).

Avukat huwa intitolat li jitħallas għas-servizzi legali li jipprovdi u għar-rimborż ta’ kwalunkwe spejjeż imġarrba b’konnessjoni max-xogħol imwettaq, skont it-tariffa stabbilita mill-Assoċjazzjoni tal-Avukatura u approvata mill-ministru għall-ġustizzja, u l-avukati joħorġu fattura lill-klijent malli jitwettaq is-servizz. Fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew tħassir tal-prokura, l-avukat joħroġ fattura fi żmien 30 jum minn dakinhar li tiġi kkanċellata jew titħassar il-prokura.

F’materji li jikkonċernaw il-liġi tal-proprjetà, l-avukati jistgħu jagħmlu l-arranġamenti sabiex jiksbu rimunerazzjoni għax-xogħol tagħhom mal-parti tagħhom b’mod proporzjonali għas-suċċess tagħhom fil-proċedimenti, jiġifieri fl-azzjonijiet legali li jwettqu f’isem il-parti, f’konformità mat-tariffa uffiċjali. Kuntratt bħal dan huwa validu biss jekk ikun ġie konkluż bil-miktub.

Għalhekk, f’materji li jikkonċernaw il-liġi tal-proprjetà, il-partijiet jistgħu jirregolaw ir-relazzjoni tagħhom mal-avukat tagħhom f’kuntratt bil-miktub.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Jekk parti tkun teħtieġ għajnuna legali professjonali, hija tista’ tirrikorri għal avukati sabiex jagħtuha pariri legali, li, f’konformità mal-Artikolu 3 taz-ZO, huma awtorizzati fil-Kroazja sabiex jipprovdu kull forma ta’ għajnuna legali, speċjalment f’termini tal-għoti ta’ pariri legali, it-tħejjija ta’ azzjonijiet, denunzji, mozzjonijiet, talbiet, rikorsi, rimedji legali straordinarji u trattazzjonijiet oħrajn, kif ukoll sabiex jirrappreżentaw lill-partijiet.

Barra minn hekk, il-partijiet għandhom il-possibbiltà li jagħmlu użu minn għajnuna legali mingħajr ħlas. Dan ifisser li l-Att dwar l-Għajnuna Legali Mingħajr Ħlas (Zakon o besplatnoj pravnoj pomoći) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nru 143/2013) jipprevedi l-possibbiltà li tingħata għajnuna legali mingħajr ħlas liċ-ċittadini li ma jkunux jistgħu jiksbu għajnuna legali huma stess, iżda li jkollhom bżonnha. Għalhekk, sabiex tingħata d-dritt għal għajnuna legali mingħajr ħlas, jeħtieġ li l-parti tikkuntattja lill-uffiċċju tal-amministrazzjoni tal-Istat kompetenti f’pajjiżha u li tippreżenta talba sabiex tingħata għajnuna legali mingħajr ħlas.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Proċedura ċivili tinbeda billi tiġi ppreżentata azzjoni u titressaq billi l-azzjoni tiġi nnotifikata lill-konvenut.

Wara li tiġi ppreżentata azzjoni, isiru t-tħejjijiet għall-proċess.

Dawn it-tħejjijiet jinkludu, fost l-oħrajn, eżami preliminari tal-azzjoni u, jekk l-azzjoni ma tkunx komprensibbli jew jekk ma jkunx fiha dak kollu meħtieġ sabiex tittieħed azzjoni fuqha, il-qorti tordna lill-parti tal-preżentazzjoni sabiex tikkoreġi l-preżentata, jiġifieri temendaha f’konformità mal-istruzzjonijiet ipprovduti u tirritornaha għall-fini ta’ korrezzjoni jew emenda.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Il-partijiet, l-avukati u r-rappreżentanti tagħhom jiġu infurmati bil-progress tal-kawża mill-uffiċjal tal-uffiċċju tal-iskrivan fuq il-bażi tal-informazzjoni fir-reġistru u l-fajl.

L-informazzjoni tkun limitata għad-data rigward l-istadju tal-proċedimenti u l-imħallfin uniċi, il-presidenti tal-awla, il-membri tal-kunsill u s-segretarji legali li jkunu qegħdin jisimgħu l-kawża.

Meta tiġi pprovduta l-informazzjoni, huwa pprojbit li jsiru dikjarazzjonijiet dwar il-korrettezza ta’ azzjonijiet individwali fil-qorti, kif ukoll dwar l-eżitu probabbli tal-proċedimenti.

L-informazzjoni tista’ tingħata bit-telefon, bil-posta elettronika u bil-miktub.

Il-partijiet jistgħu, permezz tal-internet, jiksbu aċċess għal informazzjoni rigward il-progress tal-proċedimenti u l-imħallfin uniċi, il-presidenti tal-awla, il-membri tal-kunsill u s-segretarji legali li jkunu qegħdin jisimgħu l-kawża, jekk ikun qed jintuża s-servizz ta’ Aċċess Pubbliku għal Informazzjoni Bażika dwar il-Kawżi / Kawżi elettroniċi tal-Qorti (Javni pristup osnovnim podacima o sudskim predmetima - usluga e-Predmet) għall-kawża inkwistjoni.

L-iskadenzi sabiex il-partijiet jidhru quddiem il-qorti u passi oħrajn meħuda mill-partijiet jew mill-qorti huma preskritti miz-ZPP.

Aktar informazzjoni dwar l-iskadenzi u t-tipi ta’ skadenzi hija disponibbli fil-pakkett ta’ informazzjoni intitolat “Termini proċedurali – Ir-Repubblika tal-Kroazja”.

L-aħħar aġġornament: 23/08/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna