Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Jista’ jkun aħjar li wieħed jirrikorri għal mezzi alternattivi għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim qabel ma wieħed jirreferi għall-Qorti.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

It-termini preskrittivi jvarjaw skont il-każ. Din il-kwistjoni għandha tiġi ċċarata meta jingħata parir legali.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Ara 'Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli?'.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Ara 'Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli? - l-Awstrija'.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Ara 'Il-qorti ta' liema pajjiż hija responsabbli? - l-Awstrija'.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

F’materji ċivili u kummerċjali, li jridu jitressqu quddiem il-qrati, il-kawżi li jiġu ppreżentati fil-Qrati Distrettwali (Bezirksgerichten) (li normalment ikollhom il-ġuriżdizzjoni meta l-valur tat-tilwima jasal sa EUR 15 000), iridu jiġu ffirmati minn avukat meta l-valur tat-tilwima jaqbeż il-EUR 5 000. Dan l-obbligu ta’ rappreżentanza minn avukat ma japplikax għal kawżi li jridu jitressqu quddiem il-Qrati Distrettwali irrispettivament mill-ammont ikkontestat (jiġifieri anki jekk jaqbeż l-EUR 15 000); każijiet bħal dawn jinkludu tilwim bejn konjuġi, sħab ċivili u membri tal-familja, tilwim dwar il-konfini tal-artijiet, tilwim dwar interferenza bil-pussess, tilwim dwar il-pussess ta’ proprjetà, tilwim li jirriżulta minn kuntratti bejn baħħara, trasportaturi u sidien u l-prinċipali, passiġġieri jew mistednin tagħhom, u tilwim dwar difetti fil-bhejjem.

L-obbligu li jridu jiġu ppreżentati minn avukat ma jgħoddx lanqas għal talbiet li jsiru fi proċedimenti mhux kontenzjużi (proċedimenti ġudizzjarji ċivili, li huma aktar flessibbli u inqas formali mill-proċedimenti kontenzjużi skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili - Zivilprozessordnung, ZPO), b’mod partikolari, kawżi mhux kontenzjużi bejn konjuġi, jew sħab ċivili u kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tat-tfal, kwistjonijiet ta’ protezzjoni/drittijiet tal-adulti mingħajr kapaċità legali, kwistjonijiet ta’ wirt, reġistri tal-artijiet u ta’ proprjetà, kwistjonijiet dwar il-kotba ta’ kumpaniji, kwistjonijiet dwar drittijiet ta’ okkupazzjoni residenzjali, eċċ.

Sa fejn ma hemmx obbligu legali ta' rappreżentenza minn avukat quddiem il-Qrati Distrettwali, it-talbiet individwali u l-proċedimenti preliminari jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti minn kwalunkwe persuna.

F’materji ċivili u kummerċjali, li jinġiebu quddiem il-Qrati Reġjonali (Landesgerichten) it-talbiet għandhom normalment jiġu ffirmati minn avukat. It-talbiet kollha mressqa quddiem il-Qrati Reġjonali li ma jaqgħux taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qrati Distrettwali u, irrispettivament mill-ammont tat-talba, jinkludu tilwim dwar drittijiet ta’ proprjetà industrijali, kompetizzjoni inġusta u kawżi għal mandat ta’ inibizzjoni minn assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

Mhuwiex meħtieġ li avukat jiffirma t-talbiet skont il-liġi industrijali jew tas-sigurtà soċjali (proċedimenti skont l-Att dwar il-Qrati Industrijali u Soċjali – ASGG) li jridu jitressqu quddiem il-Qrati Reġjonali. Dan japplika b’mod partikolari għal talbiet minn impjegati kontra l-impjegaturi tagħhom minħabba l-kuntratt ta’ impjieg tagħhom.

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

It-talbiet bil-miktub iridu jintbagħtu fl-indirizz tal-Qorti għall-korrispondenza. Jekk waħda mill-partijiet tixtieq tippreżenta talba quddiem il-Qorti, hija tista’ twassalha fir-reception tal-Qorti jew tinpostaha fil-kaxxa postali tal-Qorti stess.

Jekk ma jkun hemm l-ebda obbligu ta’ rappreżentanza minn avukat u l-parti ma tkunx irrappreżentata minn avukat, it-talba tista’ tiġi rreġistrata bil-fomm fi kwalunkwe jum miftuħ għall-pubbliku (Amtstag, ġeneralment darba fil-ġimgħa) fil-Qorti Distrettwali li jkollha ġuriżdizzjoni fuq il-kawża jew fil-Qorti Distrettwali fid-distrett fejn tirrisjedi l-parti.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Il-lingwa Ġermaniża għandha tintuża bħala lingwa uffiċjali quddiem il-qrati kollha. Xi qrati jippermettu wkoll l-użu tal-Kroat tal-Burgenland, l-Ungeriż jew is-Sloven, bħala lingwi uffiċjali għall-minoranzi lingwistiċi.

L-appell jew ir-rikorsi biex jingħata bidu għall-proċedimenti jridu jitressqu bil-miktub u jiġu ffirmati bil-miktub. Jekk ma jkunx hemm l-obbligu ta’ rappreżentanza minn avukat u l-parti ma tkunx rappreżentata minn avukat, it-talba jew ir-rikors jista’ wkoll jiġi ddikjarat bil-fomm, kif indikat fil-mistoqsija 7, quddiem il-Qorti Distrettwali kompetenti. It-talbiet jistgħu jsiru online permezz tas-sistema magħluqa tal-pjattaforma E-Ġustizzja Awstrijaka (ERV), li meħtieġ li wieħed jirreġistra għaliha (din hija finanzjarjament vijabbli biss għal dawk b’għadd kbir ta’ proċedimenti quddiem il-Qrati Awstrijaċi). Is-sottomissjoni bil-posta elettronika hija inammissibbli u talba preżentata permezz ta’ email ma tistax tiġi rettifikata wara d-data tal-għeluq. It-talbiet ippreżentati permezz ta’ faks ma jissodisfawx ir-rekwiżiti formali previsti mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (ZPO). Iżda jekk talba tintbagħat bil-faks, l-oriġinali tista’ tiġi ppreżentata aktar tard, u jitqies li tkun ġiet irrispettata d-data tal-għeluq.

Mill-bidu tal-2013, kien possibbli li jitressqu sottomissjonijiet u dokumenti mehmuża lill-qrati u lill-prosekuturi pubbliċi b’mod elettroniku bl-użu tal-funzjoni tal-kard taċ-ċittadin (Bürgerkarte) (kard b’ċippa jew firma tal-mowbajl) bl-użu tal-formoli online disponibbli fis-sit web tal-Ministeru Federali Awstrijak għall-Ġustizzja (“Elektronische Eingaben an Gerichte und Staatsanwaltschaften”).

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

L-uniċi formoli li l-użu tagħhom hu obbligatorju huma dawk għal talbiet għal pagamenti li nħarġet ordni ta’ ħlas kundizzjonali għalihom (Mahnklagen). It-talbiet għal pagamenti sa EUR 75 000 iridu jsiru fil-forma ta’ ordni ta’ ħlas taħt din il-proċedura (Mahnverfahren). Il-formoli applikabbli jistgħu jinkisbu mill-qrati jew jiġu stampati mis-sit web tal-Ministeru Federali għall-Ġustizzja. Il-formoli applikabbli jistgħu jinkisbu mill-qrati jew jiġu stampati mis-sit web tal-Ministeru Federali għall-Ġustizzja.

Jeżistu formoli fakultattivi għal ordni tal-Qorti biex jintemm ftehim ta’ kiri residenzjali jew lokazzjoni ta’ proprjetà kummerċjali għal bini ta’ negozju wieħed jew aktar.

Kwalunkwe talba tista’, fil-prinċipju, tkun akkumpanjata minn kwalunkwe dokument mehmuż li jsostni t-talba (id-dokumenti jridu jiġu ppreżentati fl-istess għadd ta’ kopji bħat-talba nnifisha, ara l-mistoqsija 12). Kwalunkwe ftehim bil-miktub dwar il-ġuriżdizzjoni jew ġuriżdizzjoni domestika (ftehimiet li jikkonferixxu l-ġuriżdizzjoni) jista’ jinthemeż flimkien mat-talba. L-istess japplika għal ftehimiet bil-miktub dwar il-post ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt jekk ir-rikorrent jixtieq joqgħod fuq dik il-ġuriżdizzjoni, kif ukoll fil-każ ta’ oqsma partikolari oħra li jistgħu jkunu rilevanti għall-ġuriżdizzjoni jew proċeduri speċjali ta’ ġuriżdizzjoni (pereżempju l-proċedura għall-infurzar ta’ pagament ta’ kambjala).

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

It-tariffi tal-qorti huma applikabbli minnufih għal kull talba ppreżentata quddiem il-Qorti, dawn huma maħsuba li jkopru l-ispiża ġenerali tal-kawża fl-ewwel Istanza. Bħala regola, it-tariffi huma maqsuma f’saffi gradwali skont l-ammont ikkontestat. Dawn għandhom jitħallsu meta titressaq l-azzjoni, u dan l-aħjar isir billi jiġi awtorizzat it-tnaqqis tal-ammont ikkonċernat (eż. billi jiġi indikat “ħlas ta’ tariffa” bħala l-iskop tal-pagament, u jiġi previst kodiċi IBAN, u, f’pagamenti internazzjonali, kodiċi BIC ukoll) fl-ewwel paġna tat-talba.

Kif jitħallsu t-tariffi tal-avukat jiddependi fuq ftehim individwali; l-istess japplika għall-ammont li jrid jitħallas bħala onorarji tal-avukat (fejn ir-remunerazzjoni hija maqbula f’konformità mal-Att dwar it-Tariffi Legali (Rechtsanwaltstarifgesetz) jew il-Linji Gwida Ġenerali dwar it-Tariffi (Allgemeine Honorar-Kriterien)). Ir-rimborż jista’ jinkiseb mingħand il-parti avversarja ladarba tkun ingħatat is-sentenza finali, dejjem jiddependi wkoll mis-suċċess tal-kawża.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

L-għajnuna legali tingħata lill-persuni li ma jistgħux iħallsu għall-proċedimenti mingħajr ma jpoġġu l-għajxien tagħhom f’pożizzjoni prekarja. L-applikazzjoni għal għajnuna legali għandha tiġi ppreżentata bil-fomm jew bil-miktub lill-Qorti li l-proċedimenti jkunu se jitmexxew jew għandhom jitmexxew fiha. Jekk is-sede ta’ dik il-qorti jkun barra mid-distrett tal-post ta’ residenza li l-persuna tirrisjedi fih b’mod permanenti jew temporanju, l-applikazzjoni tista’ tiġi rreġistrata wkoll oralment fil-Qorti Distrettwali fil-post ta’ residenza tagħha.

Jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet finanzjarji u sostantivi, l-għajnuna legali tista’ tiġi applikata qabel ma tiġi ppreżentata t-talba, għall-appell u/jew għall-proċedimenti sussegwenti kollha.

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar l-għajnuna legali fis-sit web tal-Ministeru Federali għall-Ġustizzja taħt “Service” (Helpdesk). Il-formola li għandha tintuża għall-applikazzjoni tista’ titniżżel mis-sit web, u fiha informazzjoni addizzjonali u pariri.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Talba titqies li ġiet ippreżentata meta tirċeviha l-Qorti b’ġuriżdizzjoni (tal-inqas fit-teorija) fuqha. Talba titqies li tkun ġiet ippreżentata kif xieraq jekk ma tagħtix lok għal ċaħda immedjata jew proċedura ta’ korrezzjoni mill-qorti (fi kliem ieħor, jekk ikun evidenti li t-talba tkun tista’ tiġi ttrattata skont ir-regoli tal-proċedura). It-talbiet bil-miktub iridu jiġu ppreżentati f’daqstant kopji daqs kemm hemm partijiet għall-proċedimenti (kopja waħda għal kull parti opposta u kopja għall-Qorti). Jekk it-talba jkun fiha xi żbalji fl-għamla u/jew fil-kontenut, il-Qorti aktarx toħroġ struzzjonijiet biex dawn l-iżbalji jiġu kkoreġuti. Dawk l-istruzzjonijiet jindikaw il-konsegwenzi jekk il-korrezzjonijiet ma jsirux sad-data meħtieġa. Il-konferma li tkun waslet talba normalment tinħareġ biss fuq talba, sakemm ma tkunx ġiet ippreżentata fuq il-pjattaforma tal-Ġustizzja elettronika Awstrijaka, f’liema każ il-konferma tkun awtomatika.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Fi proċedimenti ta’ ordni ta’ ħlas (Mahnverfahren) il-formola tat-talba diġà titlob is-sottomissjoni ta’ kopja valida tal-ordni ta’ ħlas. Għalhekk, ir-rikorrent awtomatikament jirċievi kopja eżegwibbli tal-ordni ta’ ħlas (titolu ta’ eżekuzzjoni – Exekutionstitel) jew kopja jew notifika ta’ kwalunkwe oġġezzjoni ppreżentata fil-ħin mill-parti avversarja, normalment flimkien ma’ ċitazzjoni għal seduta orali (li tagħti bidu għal proċedimenti ordinarji). Għadu ma jeżistix perjodu minimu għaċ-ċitazzjoni fil-proċedimenti quddiem il-Qorti Distrettwali, iżda fil-proċedimenti quddiem il-Qorti Reġjonali, il-perjodu huwa ta’ mill-inqas tliet ġimgħat.

Fil-proċedimenti għat-terminazzjoni ġudizzjarja ta’ ftehim ta’ kera għal proprjetà residenzjali jew bini ta’ negozju, għandha tiġi ppreżentata applikazzjoni separata mis-sid għal kopja eżegwibbli tal-avviż ta’ terminazzjoni. Jekk titqajjem oġġezzjoni fi żmien xieraq mill-persuna li tirċievi l-avviż (fi żmien erba’ ġimgħat), is-sid jiġi informat awtomatikament (normalment flimkien ma’ ċitazzjoni għas-seduta orali).

Għajr f’każijiet ta’ proċedimenti speċifiċi (bħall-proċedimenti għall-kisba ta’ ordni għal ħlas ta’ dejn, ħlas ta’ kambjala jew notifika ta’ terminazzjoni mingħand is-sid), hekk kif tasal it-talba (u tkun saret il-proċedura ta’ korrezzjoni) f’kawżi quddiem il-Qorti Distrettwali kompetenti, il-Qorti toħroġ talba lill-konvenut b’mod awtomatiku, flimkien ma’ ċitazzjoni għas-seduta ta’ smigħ u fl-istess ħin, tibgħat ċitazzjoni għas-seduta orali lill-konvenut. F’kawżi quddiem il-Qorti Reġjonali, il-konvenut awtomatikament jintalab jipprovdi r-risposti għat-talba bil-miktub (u jitfakkar li din trid tiġi ffirmata minn avukat) meta jiġi notifikat bl-ilment. Jekk il-konvenut jonqos milli jwieġeb it-talba fiż-żmien preskritt, tingħata sentenza f’kontumaċja fuq talba tal-attur li fin-nuqqas tagħha jiġu sospiżi l-proċedimenti. Jekk ir-risposta tasal fil-ħin, l-attur għandu jirċievi kopja tagħha, normalment flimkien ma’ kopja taċ-ċitazzjoni għas-seduta orali.

Fil-laqgħa preparatorja (l-ewwel sessjoni fil-proċedimenti orali), il-perjodu ta’ żmien sussegwenti u l-ordni tal-proċedimenti jiġu diskussi mal-partijiet, li jridu normalment jattendu personalment sakemm ir-rappreżentant tagħhom ma jkunx infurmat kif xieraq bil-fatti, u mbagħad jiġu deċiżi mill-Qorti. Iż-żmien u l-ordni tal-proċedimenti huma inklużi wkoll fir-rekord tal-proċedimenti, bħala l-iskeda tal-kawża. Kopja tar-rekord tal-proċedimenti għandha tintbagħat lill-partijiet (jew lir-rappreżentanti tagħhom). Il-partijiet għandhom jiġu avżati dwar kwalunkwe tibdil fl-iskeda ta’ żmien tal-kawża u, fejn xieraq, dan għandu jiġi diskuss magħhom meta konvenjenti.

L-aħħar aġġornament: 22/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.