Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Kif tressaq kawża quddiem il-qorti

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Jista’ jkun aħjar li tintuża s-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim qabel ma wieħed jirrikorri għall-qorti.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

Il-limiti ta’ żmien ivarjaw minn kawża għal oħra. Għandek tikseb parir mingħand avukat dwar il-limiti ta’ żmien.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Ara l-iskeda informattiva dwar “il-ġurisdizzjoni tal-Qrati – L-Awstrija”.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Ara l-iskeda informattiva dwar “Il-ġurisdizzjoni tal-Qrati – L-Awstrija”.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Ara l-iskeda informattiva dwar “Il-ġurisdizzjoni tal-Qrati – L-Awstrija”.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

F’kawżi ċivili u kummerċjali li jridu jiġu riżolti permezz tal-qrati, il-pretensjonijiet ippreżentati fil-Qrati Distrettwali (Bezirksgerichte), li bħala regola għandhom ġurisdizzjoni għal ammonti inkwistjoni ta’ EUR 15 000 jew inqas, jridu jiġu ffirmati minn avukat jekk l-ammont inkwistjoni jkun aktar minn EUR 5 000. Dan l-obbligu tal-avukat ma japplikax għal kawżi li għandhom jitressqu fil-Qrati Distrettwali irrispettivament mill-ammont inkwistjoni (jiġifieri anki jekk l-ammont jaqbeż il-EUR 15 000). Iżda japplika f'tilwim partikolari fir-rigward ta’ parentela, pagamenti ta' manutenzjoni statutorji u divorzju, tilwim bejn il-konjuġi jew bejn il-ġenituri u t-tfal, tilwim dwar il-konfini tal-art, akkomodazzjoni pprovduta minnhom u dispożizzjoni għal bdiewa rtirati, it-tilwim dwar interferenza ma’ pussess, tilwim li jirriżulta minn ftehim ta’ kiri jew liċenzji għal bini residenzjali u kummerċjali, inklużi l-ispazji għall-parkeġġ u l-garaxxijiet, u minn kirjiet ta’ proprjetà u intrapriżi li jippossjedu l-proprjetà u tilwim li jinqala’ minn kuntratti bejn il-baħħara, it-trasportaturi u l-ħaddiema tal-lukandi u l-impjegaturi tagħhom, il-passiġġieri jew il-mistednin).

Barra minn hekk, l-obbligu tal-avukat lanqas ma japplika għal pretensjonijiet magħmula fi proċedimenti mhux kontenzjużi.

Fejn it-rappreżentanza ġuridika quddiem il-Qrati Distrettwali ma tkunxx obbligatorja, kwalunkwe persuna tista’ tressaq pretensjoni bil-miktub jew applikazzjoni li tniedi l-proċedimenti quddiem il-qorti.

Biex kawżi ċivili u kummerċjali jinġiebu quddiem il-qrati, pretensjonijiet ippreżentati quddiem il-Qrati Reġjonali (Landesgerichte) normalment, iridu dejjem jiġu ffirmati minn avukat. Il-Qrati Reġjonali għandhom ġurisdizzjoni għall-pretensjonijiet kollha li għalihom il-Qrati Distrettwali ma għandhomx ġurisdizzjoni, irrispettivament mill-ammont inkwistjoni, bħal tilwim dwar il-liġi tal-proprjetà industrijali, il-kompetizzjoni inġusta u azzjoni għal inġunzjonijiet ippreżentati mill-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

Mhuwiex meħtieġ avukat biex jiffirma l-pretensjonijiet taħt il-liġi tas-sigurtà soċjali jew tal-impjieg (proċedimenti taħt l-Att dwar il-Qorti Soċjali u l-Impjieg– ASGG) li jitressqu quddiem il-Qrati Reġjonali. Dan japplika b’mod partikolari għal pretensjonijiet minn impjegati kontra l-impjegaturi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ impjieg tagħhom.

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Pretensjonijiet bil-miktub iridu jintbagħtu fl-indirizz tal-Qorti għall-korrispondenza.

Madankollu, parti mhux rappreżentata minn avukat tista’ wkoll tirreġistra pretensjoni oralment f'kull Open Day tal-Qorti (“Amtstag”, ġeneralment darba fil-ġimgħa) fid-dipartiment addattat tal-Qorti Distrettwali b’ġurisdizzjoni għal tilwim jew fil-Qorti Distrettwali li fid-distrett tiegħu tkun qed tirresjedi l-parti kurrentement (fiż-żewġ każijiet taħt il-kontroll tal-imħallef). Id-dipartiment xieraq tal-Qorti huwa determinat minn qabel skont l-allokazzjoni tal-kawżi tal-Qorti u jistgħu jiġu aċċertati bit-telefown jew personalment fil-qorti matul fil-ħinijiet tal-uffiċċju. Il-ħinijiet tal-Open Day tal-Qorti Distrettwali (mill-inqas nofs ġurnata fil-ġimgħa) huma elenkati fuq il-websajt tal-Ministeru Federali għall-Ġustizzja taħt “Gerichte”, jew jistgħu jinkisbu – mill-inqas matul il-ħinijiet tal-uffiċju (normalment mit-08:00 sal-16:00 mit-Tnejn sal-Ġimgħa ħlief fil-festi pubbliċi) – permezz ta' telefonata l-Qorti.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Il-lingwa uffiċjali fil-qrati kollha hija l-Ġermaniż. Xi qrati jippermettu wkoll l-użu tal-Kroat ta' Burgenland, l-Ungeriż jew is-Sloven bħala lingwi uffiċjali għal gruppi lingwistiċi minoritarji.

Il-pretensjonijiet jew l-applikazzjonijiet għat-tnedija ta' proċedimenti għandom jiġu preżentati bil-miktub. Jekk ma għandhom għalfejn jiġu ffirmati minn avukat, jistgħu wkoll jiġu rreġistrati oralment mal-Qorti Distrettwali b’ġuriżdizzjoni, kif spjegat taħt il-Mistoqsija 7 hawn fuq. Fejn il-pretensjonijiet huma mibgħuta lill-Qorti permezz ta’ faks jew email, il-qorti tista’ tagħti struzzjonijiet biex dawn jiġu kkoreġuti. Il-pretensjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati onlajn permezz tas-sistema magħluqa tal-pjattaforma tal-Ġustizzja elettronika tal-Awstrija (ERV), li għaliha jeħtieġ li wieħed jirreġistra (dan huwa biss finanzjarjament vijabbli għal dawk li jippreżentaw numri kbar ta’ pretensjonijiet quddiem il-qrati Awstrijaċi).

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

L-uniċi formoli obbligatorji li huma disponibbli huma dawk għal applikazzjonijiet għal ordnijiet ta’ ħlas kundizzjonali (Mahnklagen). Il-pretensjonijiet kollha ta’ pagamenti sa EUR 75 000 għandhom jiġu ppreżentati fil-forma ta’ applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas skont din il-proċedura (Mahnverfahren). Il-formoli xierqa jistgħu jinkisbu mill-qorti jew billi jiġu stampati mil-websajt tal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja (http://www.justiz.gv.at/).

Hemm forom fakultattivi għal ordni tal-qorti li jtemm kuntratt ta’ lokazzjoni ta’ abitazzjoni jew ta’ kiri kummerċjali għal stabbiliment kummerċjali wieħed jew aktar.

Bħala regola, kull pretensjoni tista’ tkun akkumpanjata minn kwalunkwe dokumenti (ġustifikattivi) li jappoġġaw il-pretensjoni (li għandhom jiġu ppreżentati fl-istess numru ta’ kopji bħall-pretensjoni nnifisha, ara l-Mistoqsija 12). Kull ftehim bil-miktub dwar iċ-ċentru ta’ ġurisdizzjoni jew forum domestiku (ftehimiet ta’ ġuriżdizzjoni) jista' jintehmeż mal-pretensjoni. L-istess japplika għal ftehimiet bil-miktub fil-post ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt, jekk ir-rikorrent jixtieq iserraħ fuq l-istabbiliment ta’ ġurisdizzjoni, u għal fatti partikolari oħra rilevanti għall-ġurisdizzjoni jew proċeduri speċjali (pereżempju, il-proċedura għall-infurzar ta’ pagament ta’ kambjala).

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

It-tariffi tal-qorti jitħallsu meta tiġi ppreżentata pretensjoni ċivili lill-qorti; dawn huma maħsuba biex ikopru l-ispiża globali tal-kawża fl-ewwel istanza u huma, bħala regola, indipendenti mir-riżultat sussegwenti tal-pretensjoni. It-tariffi huma normalment iggradati skont l-ammont inkwistjoni. Huma għandhom jitħallsu meta l-pretensjoni tiġi ppreżentata (personalment fil-qorti, fi flus kontanti jew b’karta ta’ kreditu jew ta’ debitu, jew mill-bogħod permezz ta’ trasferiment bankarju fil-kont tal-qorti, bir-referenza, “tariffi tal-qorti”, flimkien mal-ismijiet tal-partijiet).

It-tariffi tal-avukat jitħallsu skont kif miftiehem individwalment; l-istess japplika għall-ammont imħallas f’tariffi (sakemm ma jkunx sar il-ħlas skont l-Att dwar it-Tariffi Ġuridiċi (Rechtsanwaltstarifgesetz) jew il-Linji Gwida Generali għat-Tariffi (Allgemeine Honorar-Kriterien). Ir-rimborż normalment jista' biss jintalab mill-kontroparti ladarba tkun inqatgħet is-sentenza finali, u dan jiddependi fuq kemm kienet ta' suċċess il-kawża.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

L-għajnuna legali tingħata lil persuni li ma jistgħux iħallsu l-ispejjeż tal-proċedimenti mingħajr ma jipperikolaw l-għajxien tagħhom. Applikazzjoni għal għajnuna legali tista’ tiġi ppreżentata oralment jew bil-miktub mal-qorti li quddiemu l-proċedimenti jkunu qed jiġu jew se jiġu mwettqa. Jekk is-sede ta’ dik il-qorti ikun barra d-distrett tal-Qorti Distrettwali li fih il-persuna tkun qed tirrisjedi permanentement jew temporanjament, l-applikazzjoni tista’ wkoll tiġi reġistrata oralment fil-Qorti Distrettwali fil-post ta’ residenza tagħha.

Jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet finanzjarji u sostantivi, persuna tista' tapplika għall-għajnuna legali qabel tiġi ppreżentata l-pretensjoni, bl-iskop li tiġi ppreżentata l-pretensjoni u/jew il-proċedimenti sussegwenti kollha.

Informazzjoni addizzjonali dwar għajnuna legali hija disponibbli taħt ‘Bürgerservice’ fil-websajt tal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja http://www.justiz.gv.at/). Il-formoli ta’ applikazzjoni, li jkun fihom informazzjoni u pariri addizzjonali, jistgħu jitniżżlu wkoll mill-websajt.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Pretensjoni titqies li ġiet ippreżentata meta tkun waslet il-Qorti bil-ġurisdizzjoni (mill-inqas b'mod teoretiku). Pretensjoni titqies li ġiet debitament ippreżentata jekk din ma tagħtix raġunijiet għal rifjut immedjat jew għal korrezzjoni immedjata mill-qorti (fi kliem ieħor, jekk ikun jidher li hija pretensjoni li tista' tiġi trattata bi qbil mar-regoli ta’ proċedura). Il-pretensjonijiet bil-miktub għandhom jitressqu f’numru ta’ kopji skont kemm ikun hemm partijiet fil-proċedimenti (kopja waħda għal kull kontroparti u kopja waħda għall-Qorti). Jekk il-pretensjoni jkun fiha xi żbalji fil-forma u/jew fil-kontenut, il-Qorti probabbilment toħroġ istruzzjonijiet biex dawn jiġu kkoreġuti. Dawk l-istruzzjonijiet jindikaw il-konsegwenzi tan-nuqqas milli jsiru l-korrezzjonijiet sad-data meħtieġa. Konferma tal-wasla ta’ pretensjoni tinħareġ normalment biss wara talba, sakemm din ma tkunx ġiet ippreżentata permezz tal-pjattaforma elettronika tal-Ġustizzja Awstrijaka, f’liema każ il-konferma hija awtomatika.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Fi proċedimenti għal ordni ta’ ħlas (Mahnverfahren), il-formola tal-pretensjoni diġà fiha applikazzjoni għal kopja infurzabbli tal-ordni ta’ ħlas. Ir-rikorrent għalhekk awtomatikament jirċievi jew kopja infurzabbli tal-ordni ta’ ħlas (mandat ta’ eżekuzzjoni -Exekutionstitel) jew kopja jew avviż ta’ kull oġġezzjoni ppreżentata fil-ħin mill-parti l-oħra, normalment flimkien ma' konvokazzjoni għal seduta orali (li tibda l-proċedimenti ordinarji). Sa issa għad ma hemm l-ebda perjodu minimu ta’ konvokazzjoni fi proċedimenti quddiem il-Qrati Distrettwali; madankollu, fil-proċedimenti quddiem il-Qrati Reġjonali, il-perjodu minimu huwa mill-inqas ta' 3 ġimgħat.

Fi proċedimenti għal ordni tal-qorti li ttemm ftehim ta’ kiri ta’ stabbiliment residenzjali jew ta’ kiri kummerċjali, sid il-kera għandu japplika separatament għal kopja infurzabbli tal-ordni ta' terminazzjoni. Jekk il-persuna li qed tingħata l-avviż tippreżenta oġġezzjoni fil-ħin (fi żmien erba’ ġimgħat), sid il-kera jiġi awtomatikament infurmat (is-soltu flimkien ma' konvokazzjoni għal smigħ).

Ħlief fi proċeduri speċjali (bħal proċeduri sabiex tinkiseb ordni għal ħlas ta’ dejn, pagament ta’ kambjala jew avviż ta' tmiem ta' sid il-kera), meta pretensjoni tkun waslet (u kull proċedura ta' korrezzjoni tkun mitmuma) f’kawżi quddiem il-Qorti Distrettwali b’ġuriżdizzjoni, il-qorti normalment isservi l-pretensjoni lill-konvenut awtomatikament, flimkien ma’ konvokazzjoni għas-seduta u, fl-istess ħin, tibgħat lill-pretendent konvokazzjoni għas-smigħ. F’każijiet quddiem il-Qrati Reġjonali, il-konvenut jiġi awtomatikament mitlub jippreżenta difiża għal-pretensjoni bil-miktub (u mfakkar li din trid tiġi ffirmata minn avukat) meta l-ilment jiġi servut. Jekk il-konvenut jonqos milli jiddefendi l-pretensjoni fil-ħin, tinħareġ deċiżjoni mogħtija f'kontumaċja wara talba mir-rikorrent; inkella l-proċedimenti jiġu sospiżi. Jekk id-difiża tasal fil-ħin, ir-rikorrent jirċievi kopja tagħha, sikwit flimkien ma’ konvokazzjoni għas-seduta.

Il-partijiet jistgħu jiksbu informazzjoni dwar is-sekwenza preċiża tal-istadji tal-proċedimenti diġà deċiżi mill-Qorti jew l-istat attwali tal-proċedimenti direttament (f'kull stadju tal-proċedimenti) billi jċemplu lid-dipartiment adattat tal-Qorti (ir-reġistru = Kanzlei) waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju u jikkwotaw in-numru tal-fajl.

Waqt il-laqgħa preparatorja (l-ewwel taqsima fil-proċedimenti orali), it-twaqqit u l-ordni sussegwenti tal-proċedimenti jiġu diskussi mal-partijiet, li normalment ikollhom jattendu personalment, ħlief jekk ir-rappreżentanti tagħhom jkunu ġew infurmati biżżejjed dwar il-fatti, u mbagħad jiġu deċiżi mill-Qorti. Din l-iskeda hija inkluża fir-reġistru fil-forma ta’ skeda ta' każ u l-partijiet (jew ir-rappreżentanti tagħhom) jirċievu kopja tar-reġistrazzjoni. Bidliet fl-iskeda tal-każ iridu jiġu nnotifikati lill-partijiet u, fejn xieraq, diskussi magħhom meta konvenjenti.

L-aħħar aġġornament: 13/11/2015

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna