Faċilitajiet fil-pajjiżi tal-UE

Irlanda

Il-kontenut ipprovdut minn
Irlanda

1 Huwa possibbli li l-kumpilazzjoni tax-xhieda ssir b’vidjokonferenza bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?

Huwa possibbli li l-kumpilazzjoni tax-xhieda ssir b’vidjokonferenza fil-qrati tal-Irlanda bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fi Stat Membru ieħor jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru. Il-proċeduri jinkludu l-High Court Practice Direction “HC45 - Use of video conferencing link for taking evidence in civil cases” (HC45 - L-użu ta’ link ta’ vidjokonferenza għall-kumpilazzjoni tax-xhieda f’kawżi ċivili).

2 Hemm xi restrizzjonijiet fir-rigward tat-tip ta’ persuna li tista’ tinstema’ permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jinstemgħu b’dan il-mod?

Ma hemm l-ebda restrizzjoni tat-tip issuġġerit fir-rigward tat-tip ta’ persuna li tista’ tinstema’.

3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fir-rigward tat-tip ta’ provi li jistgħu jinkisbu bil-vidjokonferenza?

Le, ma hemm l-ebda restrizzjoni fir-rigward tat-tip ta’ provi li jistgħu jinkisbu.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fir-rigward tal-post fejn persuna għandha tinstema’ bil-vidjokonferenza – jiġifieri trid tkun fil-qorti?

Ma hemm l-ebda restrizzjoni, soġġett għall-kunsens tal-imħallef.

5 Huwa permess li s-seduti ta’ smigħ bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Fl-Irlanda hemm faċilità li s-seduti ta’ smigħ bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati. L-aċċess għal tali rekordjar għandu jkun ordnat mill-qorti.

6 B’liema lingwa għandha ssir is-seduta ta’ smigħ: (a) meta jsiru talbiet skont l-Artikoli 10 sa 12; u (b) fejn ikun hemm kumplikazzjoni diretta tax-xhieda skont l-Artikolu 17?

Is-seduta ta’ smigħ għandha ssir bl-Ingliż jew bl-Irlandiż jekk issir fl-Irlanda. Madankollu, fil-każ li s-seduta ta’ smigħ issir barra mill-Irlanda ma hemm l-ebda restrizzjoni fir-rigward tal-lingwa.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom fiż-żewġ tipi ta’ seduti ta’ smigħ u fejn għandhom ikunu l-interpreti?

Jekk il-qorti tkun fl-Irlanda l-interpretu jiġi pprovdut mill-awtoritajiet tal-qorti fl-Irlanda jekk il-kwistjoni tkun relatata ma’ materja tal-Liġi tal-Familja jew waħda kriminali. F’materji ċivili hija r-responsabbiltà tal-partijiet li jqabbdu interpretu.

Jekk il-qorti rikjedenti ma tifhimx l-Ingliż jew l-Irlandiż hija r-responsabbiltà ta’ dik il-qorti li tipprovdi l-interpretazzjoni tagħha.

Ma hemm l-ebda restrizzjoni fir-rigward ta’ fejn għandu jkun l-interpretu.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-seduta ta’ smigħ u biex il-persuna li għandha tinstema’ tiġi nnotifikata dwar il-post u l-ħin? Kemm għandu jingħata żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-seduta ta’ smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien biex tiġi nnotifikata?

L-arranġamenti kollha jiġu miftiehma bejn iż-żewġ qrati. Huwa rakkomandat li l-link tiġi ttestjata qabel is-seduta ta’ smigħ sabiex jiġi żgurat li taħdem sew.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?

L-ispejjeż ivarjaw u jiddependu fuq għadd ta’ ċirkostanzi fosthom il-post tal-vidjokonferenza (jiġifieri jekk issirx f’qorti jew f’bini ieħor); il-ħin tas-seduta ta’ smigħ (jiġifieri jekk issir barra mill-ħinijiet normali tal-qorti l-persunal ikun meħtieġ idum aktar); jekk hemmx bżonn ta’ xi proċeduri speċjali; u jekk ikunx hemm xi spejjeż oħra minħabba l-użu tat-tagħmir. Il-qorti rikjesta tinforma lill-qorti rikjedenti dwar l-ispejjeż. Il-ħlas għandu jsir f’Euro.

10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Hija r-responsabbiltà tal-qorti rikjedenti li tinforma lix-xhieda.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?

Huwa d-dmir tal-qorti li tivverifika l-identità tal-persuna li se tinstema’.

12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda skont l-Artikolu 17?

Il-ġurament għandu jittieħed skont il-proċeduri normali għall-qrati fl-Irlanda.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-seduta ta’ smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?

Din hija kwistjoni li għandha tiġi miftiehma bejn iż-żewġ qrati.

14 Liema informazzjoni addizzjonali, jekk hemm, hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?

L-ebda informazzjoni addizzjonali ħlief jekk ikun hemm xi talbiet speċjali (eż. lingwa tas-sinjali, aċċess għal siġġu tar-roti, rekwiżiti reliġjużi speċjali għall-ġurament, eċċ.).

L-aħħar aġġornament: 12/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.