Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura għal Talbiet Żgħar

Rumanija

Il-kontenut ipprovdut minn
Rumanija

Introduzzjoni

X’inhuma t-tariffi applikabbli?

Kemm għandi nħallas?

X’jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qorti fil-ħin?

Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?

X’għandi nagħmel wara l-pagament?

Introduzzjoni

Il-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar hija regolata mir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

Is-sistema tat-tariffi tal-boll tal-qorti hija rregolata mid-Digriet ta’ Emerġenza Nru 80/2013, li ilu fis-seħħ mis-26 ta’ Ġunju 2013. Dan l-att leġiżlattiv ġie adottat wara l-emenda għall-qafas legali għat-twettiq ta’ proċedimenti tal-qorti ċivili permezz tal-adozzjoni tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u l-introduzzjoni ta’ istituzzjonijiet ġodda adottati skont il-Kodiċi Ċivili.

It-tariffi tal-boll tal-qorti għandhom jitħallsu minn kull persuna ġuridika u fiżika u jitħallsu wara kunsiderazzjoni tas-servizzi pprovduti mill-qrati kif ukoll mill-Ministeru tal-Ġustizzja (Ministerul Justiției) u mill-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Qorti Superjuri tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja (Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casație și Justiție).

Fir-Rumanija t-tariffi tal-boll tal-qorti jistgħu jitħallsu online, madankollu, sal-lum is-sistema ta’ ħlas elettroniku għadha mhijiex qed topera.

X’inhuma t-tariffi applikabbli?

It-tariffi tal-boll tal-Qorti għandhom jitħallsu kemm fil-livell tal-ewwel istanza kif ukoll għall-appelli, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi.

Persuni fiżiċi jistgħu jkunu intitolati, fuq talba, għal tnaqqis, eżenzjoni u pagamenti parzjali fuq il-ħlas tat-tariffi tal-boll tal-qorti, skont id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 51/2008 dwar l-għajnuna legali pubblika fi kwistjonijiet ċivili, approvat b’emendi bil-Liġi Nru 193/2008, kif emendata. Persuni ġuridiċi jistgħu jingħataw faċilitajiet għall-ħlas tat-tariffi tal-boll tal-qorti skont l-Artikolu 42(2) tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 80/2013.

Kemm għandi nħallas?

Skont il-leġiżlazzjoni attwali, it-tariffa tal-boll tal-qorti għal rikors għal pretensjoni hija stabbilita skont l-Artikolu 3(1) tad-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 80/2013, kif ġej:

  1. sal-valur ta’ RON 500 - 8 %, iżda mhux inqas minn RON 20;
  2. bejn RON 501 u RON 5 000 - RON 40 + 7 % għal valuri li jaqbżu RON 500;
  3. bejn RON 5 001 u RON 25 000 - RON 355 + 5 % għal valuri li jaqbżu RON 5 000;

X’jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qorti fil-ħin?

Skont id-Digriet ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 80/2013, it-tariffa tal-boll tal-qorti għandha titħallas bil-quddiem. Jekk il-pretendent jonqos milli jissodisfa l-obbligu li jħallas it-tariffa sad-data tal-iskadenza stabbilita mil-liġi jew mill-qorti, ir-rikors jiġi annullat bħala mhux reġistrat jew, fejn applikabbli, din tiġi mħallsa fil-limiti tat-tariffa tal-qorti mħallsa legalment. Barra minn hekk, jekk l-applikazzjoni għall-faċilitajiet għall-ħlas tat-tariffa tal-bolla tal-qorti tkun ġiet miċħuda, u l-pretendent ma jkunx ħallas it-tariffa tal-boll tal-qorti dovuta fi żmien l-iskadenza stabbilita mill-qorti, u ma jkunx inkluda evidenza ta’ ħlas fil-fajl, il-qorti tannulla r-rikors bħala mhux reġistrat.

Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?

Debitur tat-taxxa jista’ jħallas it-tariffa tal-boll tal-Qorti fi flus kontanti, permezz ta’ trasferiment bankarju jew online f’kont separat għad-dħul tal-baġit lokali, “Tariffi tal-boll tal-Qorti u tariffi tal-boll oħra”, tat-taqsima amministrattiva fejn il-persuna fiżika għandha d-domiċilju jew ir-residenza tagħha jew, fejn applikabbli, fejn il-persuna ġuridika għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha. Il-kostijiet tat-trasferiment tat-tariffi jitħallsu mid-debitur tat-tariffa.

Jekk id-debitur tat-tariffa ma jkollux domiċilju, residenza jew uffiċċju reġistrat, fejn applikabbli, fir-Rumanija, it-tariffa tal-boll tal-qorti għandha titħallas fil-kont tal-baġit lokali tat-taqsima amministrattiva tal-qorti fejn tkun inbdiet l-azzjoni jew ikun ġie ppreżentat ir-rikors.

It-tariffi tal-boll tal-qorti għandhom jitħallsu fi flus kontanti fid-Direttorati għat-Taxxi u d-Dazji tat-taqsimiet amministrattivi fejn il-persuna fiżika jkollha d-domiċilju jew ir-residenza tagħha, jew fejn il-persuna ġuridika jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha.

It-tariffi tal-boll tal-qorti jistgħu jitħallsu permezz ta’ trasferiment bankarju u online.

X’għandi nagħmel wara l-pagament?

L-irċevuta tal-ħlas tat-tariffa tal-boll tal-qorti, li tinħareġ għal ħlasijiet fi flus kontanti jew ordni ta’ ħlas, tiġi ppreżentata meta jiġi rreġistrat ir-rikors.

L-irċevuti jew, fejn applikabbli, l-ordnijiet ta’ ħlas għat-tariffi tal-boll tal-qorti ma għandhomx format standard, u jinħarġu fil-forma aċċettata mit-taqsima amministrattiva fejn isir il-ħlas.

Meta l-ħlas tat-tariffa tal-boll tal-qorti jsir wara li l-qorti tkun innotifikat lill-pretendent dwar dan, il-pretendent għandu jżid l-evidenza tal-ħlas tat-tariffa mal-fajl tal-każ fi żmien għaxart ijiem mill-wasla tan-notifika.

L-evidenza tal-ħlas tat-tariffa tal-boll tal-qorti tista’ tiġi ppreżentata personalment fil-qorti jew tintbagħat bil-posta, billi jiġi indikat in-numru tal-fajl (każ) li għalih sar il-ħlas. Dan in-numru jiġi indikat fin-notifika lil l-qorti tkun bagħtet lill-parti kkonċernata.

L-aħħar aġġornament: 02/04/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.