Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura għal Talbiet Żgħar

Portugall

Il-kontenut ipprovdut minn
Portugall

Introduzzjoni

Il-leġiżlazzjoni Portugiża dwar it-tariffi tal-qorti (ir-Regolament dwar I-ispejjeż tal-Proċedimenti (Regulamento das Custas Processuais)) ma tinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-talbiet skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Dan ifisser li japplikaw ir-regoli ġenerali tar-Regolament dwar l-Ispejjeż tal-Proċedimenti, li jqisu l-ammont involut u l-kumplessità tal-kawża.

X’tariffi huma applikabbli?

  • F’kawżi fejn l-ammont involut ikun sa EUR 2 000.00: EUR 102 (1 unità tal-kont);
  • F’kawżi fejn l-ammont ikun ogħla minn EUR 2 000.00 iżda mhux aktar minn EUR 5 000.00: EUR 204 (2 unitajiet tal-kont).

Jekk il-kawża tirriżulta li hija partikularment kumplessa, l-imħallef jista’ jiddeċiedi li japplika l-ispejjeż li ġejjin:

  • F’kawżi fejn l-ammont involut ikun sa EUR 2 000.00: EUR 153 (1.5 unità tal-kont);
  • F’kawżi fejn l-ammont ikun ogħla minn EUR 2 000.00 iżda mhux aktar minn EUR 5 000.00: EUR 306 (3 unitajiet tal-kont).

(L-Artikolu 6(1) u (5) tar-Regolament dwar l-Ispejjeż tal-Proċedimenti, approvat bid-Digriet-Liġi (Decreto-Lei) Nru 34/2008 tas-26 ta’ Frar 2008, kif emendat l-aħħar.)

Jekk, skont l-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006, skont il-proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas, il-konvenut idaħħal dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni u l-proċedimenti jkomplu, l-ammont imħallas skont dik il-proċedura jitnaqqas bl-ammont tal-ispejjeż tal-proċedimenti dovuti għall-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, fil-każ tal-attur.

It-tnaqqis jista’ jkun ta’ EUR 102 (1 unità tal-kont) jew ta’ EUR 153 (1.5 unità tal-kont). (L-Artikolu 7(6) tar-Regolament dwar l-Ispejjeż tal-Proċedimenti, approvat bid-Digriet-Liġi Nru 34/2008 tas-26 ta’ Frar 2008, kif emendat l-aħħar).

Fejn ikun hemm kontrotalba – f’liema każ l-ammonti involuti fiż-żewġ pretensjonijiet jiżdiedu flimkien għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispejjeż, li jista’ jwassal għal każijiet fejn l-ammont involut ikun sa EUR 10 000.00 – l-ispejjeż għal każijiet fejn l-ammonti involuti jkunu ta’ bejn EUR 8 000.01 u EUR 10 000.00 se jkunu 3 unitajiet tal-kont (EUR 306.00) jew 4.5 unitajiet tal-kont (EUR 459.00) għal każijiet partikularment kumplessi. Għal każijiet fejn l-ammont involut ikun bejn EUR 5 000.01 u EUR 8 000.00, l-ispejjeż jinżammu għal 2 unitajiet tal-kont (EUR 204.00) jew 3 unitajiet tal-kont (EUR 306.00) f’każijiet partikularment kumplessi (l-Artikolu 11 tar-Regolament dwar l-Ispejjeż tal-Proċedimenti, approvat bid-Digriet-Liġi Nru 34/2008 tas-26 ta’ Frar 2008, kif emendat l-aħħar, flimkien mal-Artikoli 145(5), 530(2), 299(1) u (2) u 297(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Código de Processo Civil)).

Kemm għandi nħallas?

Ara t-tweġiba preċedenti.

X’jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qorti fil-ħin?

Skont l-Artikolu 642 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, tingħata struzzjonijiet mir-reġistru tal-qorti sabiex tagħmel il-ħlas li ma sarx fi żmien 10 ijiem, u tħallas multa addizzjonali ta’ ammont ugwali li jikkorrispondi għal mhux anqas minn 1 unità tal-kont u mhux aktar minn 5 unitajiet tal-kont. Jekk tonqos milli tipprovdi prova tal-ħlas tat-tariffi tal-qorti dovuti u tal-multa fi żmien 10 ijiem, il-qorti tordna l-irtirar tal-pretensjoni, tat-talba jew tal-appell li tkun ippreżentajt.

Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?

Permezz ta’ trasferiment bankarju.

X’għandi nagħmel wara l-ħlas?

Skont l-Artikolu 22 tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali (Portaria) Nru 419-A/2009 tas-17 ta’ April 2009, “inti jeħtieġlek tippreżenta dokument bħala prova ta’ ħlas jew inkella tipprovdi prova ta’ ħlas, flimkien mas-sottomissjonijiet jew it-talba korrispondenti, ħlief jekk ikun previst mod ieħor skont l-Ordni Ministerjali ta’ Implimentazzjoni Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013.

L-aħħar aġġornament: 18/12/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.