Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura għal Talbiet Żgħar

Litwanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Litwanja

Introduzzjoni

X’tariffi huma applikabbli?

Kemm se nħallas?

X’jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qorti fil-ħin?

Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?

X’għandi nagħmel wara l-ħlas?

Introduzzjoni

Fir-rigward ta’ talbiet żgħar Ewropej, tiġi imposta t-taxxa tal-boll tal-qorti fl-ammont speċifikat fl-Artikolu 80(1)(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Litwan (Civilinio proceso kodeksas).

Skont ir-Riżoluzzjoni Nru 1240 tal-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja, tas-27 ta’ Ottubru 2011, li tapprova r-Regoli għall-kalkolu, il-ħlas, it-tpaċija u l-ħlas lura tat-taxxa tal-boll tal-qorti, dan id-dazju jista’ jitħallas ukoll b’mezzi elettroniċi.

X’tariffi huma applikabbli?

It-taxxa tal-boll tal-qorti titħallas fl-ammont speċifikat fil-paragrafu li jmiss.

Kemm se nħallas?

Skont l-ammont tal-pretensjoni, 3%, iżda mhux inqas minn LTL 50. Jekk l-atti proċedurali u l-annessi tagħhom jiġu ppreżentati l-qorti b’mod elettroniku biss, jiġi impost ammont ugwali għal 75% tat-taxxa tal-boll applikabbli għall-att proċedurali rispettiv, iżda mhux inqas minn LTL 10.

X’jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qorti fil-ħin?

Ir-rikors irid ikun akkumpanjat minn dokumenti u provi oħrajn li jservu bħala bażi għat-talbiet tar-rikorrent, kif ukoll prova li t-taxxa tal-boll tal-qorti tkun tħallset.

Meta t-taxxa tal-boll tal-qorti ma tkunx tħallset, il-qorti toħroġ ordni li tistabbilixxi limitu ta’ żmien adegwat għall-konformità, li ma jistax ikun iqsar minn sebat ijiem. L-ordni tintbagħat sa mhux aktar tard mill-jum tax-xogħol ta’ wara l-ħruġ tagħha.

Jekk il-parti fil-proċedimenti li tippreżenta l-att proċedurali tkun ikkonformat mal-istruzzjonijiet tal-qorti fil-limitu ta’ żmien speċifikat, l-att proċedurali jitqies li jkun ġie ppreżentat fid-data meta jkun ġie ppreżentat inizjalment lill-qorti. Inkella, l-att proċedurali jitqies li ma jkunx ġie ppreżentat u, sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol mit-tmiem tal-limitu taż-żmien għal konformità, l-imħallef joħroġ ordni li jirritorna l-att proċedurali, flimkien ma’ kull dokument li jakkumpanjah, lill-persuna li tkun ippreżentatu.

Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?

It-taxxa tal-boll tal-qorti titħallas fil-kont tad-dħul tal-baġit tal-Ispettorat tat-Taxxa Statali taħt il-Ministeru tal-Finanzi bil-mod magħżul mill-persuna ikkonċernata (e-banking, ħlas fi flus kontanti, trasferiment bankarju, eċċ.).

X’għandi nagħmel wara l-ħlas?

Il-prova tal-ħlas tat-taxxa tal-boll tal-qorti tingħata mill-ordni ta’ ħlas jew minn dokument ieħor li jikkonferma l-ħlas, li jrid ikun fih id-dettalji li ġejjin:

  1. l-isem, il-kunjom u n-numru tal-identifikazzjoni personali ta’ min qed iħallas (għall-persuni ġuridiċi: l-isem u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-korporazzjoni);
  2. l-isem, il-kunjom u n-numru ta’ identifikazzjoni personali tal-parti l-oħra (l-intimat, id-debitur, eċċ.) (għall-persuni ġuridiċi: l-isem u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-korporazzjoni);
  3. id-data tal-ħlas;
  4. il-kodiċi tal-ħlas;
  5. l-ammont imħallas;
  6. l-iskop tal-ħlas (indikat bħala “bolla tat-taxxa tal-qorti”, u l-isem tal-qorti li l-proċedimenti qed jinfetħu fiha).

Meta t-taxxa tal-boll tal-qorti titħallas minn rappreżentant tal-parti fil-proċedimenti (avukat, assistent ta’ avukat jew persuna oħra li tirrappreżenta l-interessi tal-parti), l-ordni tal-ħlas jew dokument ieħor li jikkonferma l-ħlas għandu jinkludi, minbarra d-dettalji elenkati hawn fuq, l-isem, il-kunjom u n-numru ta’ identifikazzjoni personali (għall-persuni ġuridiċi: l-isem u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-korporazzjoni) tal-parti rrappreżentata.

Jekk it-taxxa tal-boll tal-qorti titħallas b’mezzi elettroniċi, ma jkun meħtieġ l-ebda dokument biex jikkonferma l-ħlas.

L-aħħar aġġornament: 02/04/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna