Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura għal Talbiet Żgħar

il-Kroazja

Il-kontenut ipprovdut minn
il-Kroazja

Introduzzjoni

Liema miżati japplikaw?

Kemm se nħallas?

X'jiġri jekk ma nħallasx fil-ħin il-miżati tal-qorti?

Kif nista' nħallas il-miżati tal-qorti?

X'nagħmel ladarba nkun ħallast?

Introduzzjoni

Il-miżati tal-qorti fir-Repubblika tal-Kroazja huma stabbiliti fl-Att dwar il-Miżati tal-Qorti Nru 118/18 (Zakon o sudskim pristojbama) u fid-Digriet dwar it-Tariffa tal-Miżata tal-Qorti (Uredba o tarifi sudskih pristojbi) preskritt mill-Gvern tar-Repubblika tal-Kroazja.

Skont l-Artikolu 5 tal-Att dwar il-Miżati tal-Qorti, il-miżati stipulati mit-Tariffa għandhom jitħallsu bi ħlas mingħajr flus kontanti, f'bolol ta' dħul maħruġa mir-Repubblika tal-Kroazja, jew elettronikament.

Għal petizzjonijiet ippreżentati b'mod elettroniku, skont regolamenti speċjali permezz tas-sistema ta' informazzjoni li tintuża fin-negozju tal-qorti, il-miżata titħallas mal-preżentazzjoni. L-ammont imħallas huwa nofs il-miżata stabbilita mit-tariffa.

Għal deċiżjonijiet nnotifikati minn qorti b'mod elettroniku, skont ir-regolamenti speċjali permezz tas-sistema ta' informazzjoni li tintuża fin-negozju tal-qorti, titħallas nofs il-miżata stabbilita mit-tariffa, jekk titħallas fi żmien tlett ijiem mill-jum tan-notifika elettronika.

Liema miżati japplikaw?

Il-miżati tal-qorti jitħallsu fil-proċedimenti ġudizzjarji ċivili u kummerċjali kollha. Skont l-Artikolu 11 tal-Att dwar il-Miżati tal-Qorti, dawn li ġejjin huma eżentati:

  1. ir-Repubblika tal-Kroazja u l-entitajiet tal-gvern
  2. persuni u korpi li jeżerċitaw awtorità pubblika fi proċedimenti li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta' dawn is-setgħat
  3. ħaddiema f'tilwim u proċeduri oħra relatati mal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-impjieg
  4. impjegati taċ-ċivil u impjegati f’tilwim amministrattiv relatat mal-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-impjieg
  5. veterani tal-gwerra b'diżabbiltà tal-Gwerra Kroata tal-Indipendenza, abbażi ta’ dokumenti xierqa li jixhdu l-istatus tagħhom, kif ukoll persuni b'diżabbiltà, abbażi ta’ dokumenti xierqa tad-Dipartiment tal-Għarfien Espert, ir-Riabilitazzjoni Vokazzjonali u l-Impjieg ta' Persuni b'Diżabbiltà
  6. il-konjuġi, it-tfal u l-ġenituri ta’ suldati li nqatlu, kienu nieqsa u miżmuma fil-Gwerra Kroata tal-Indipendenza, abbażi ta' dokumenti xierqa li jixhdu l-istatus tagħhom
  7. il-konjuġi, it-tfal u l-ġenituri ta' persuni li nqatlu, kienu nieqsa u miżmuma fil-Gwerra Kroata tal-Indipendenza, abbażi ta' dokumenti xierqa li jixhdu l-istatus tagħhom
  8. refuġjati, persuni spustati u persuni rimpatrijati, abbażi ta' dokumenti xierqa li jixhdu l-istatus tagħhom
  9. dawk fuq benefiċċji soċjali li jirċievu indennizz tas-sussistenza
  10. organizzazzjonijiet umanitarji, organizzazzjonijiet li jittrattaw il-protezzjoni tal-familji ta' dawk maqtula, nieqsa u miżmuma fit-twettiq ta' attivitajiet umanitarji u organizzazzjonijiet ta' persuni b'diżabbiltà
  11. tfal bħala partijiet fil-proċedimenti għall-manteniment jew fi proċedimenti li jikkonċernaw talbiet ibbażati fuq dak id-dritt
  12. partijiet li jibdew proċedimenti għad-determinazzjoni tal-maternità jew il-paternità u proċedimenti għall-ispejjeż li jsiru minħabba t-tqala u t-twelid ta' tarbija barra ż-żwieġ
  13. partijiet li jfittxu l-irkupru tal-kapaċità legali
  14. minorenni li jkunu qed ifittxu awtorizzazzjoni biex jiżżewġu
  15. partijiet fil-proċedimenti sabiex jiġi trasferit minorenni u għall-fini li tiġi eżerċitata relazzjoni personali ma’ minorenni
  16. partijiet li jibdew proċeduri dwar drittijiet li jirriżultaw minn pensjoni obbligatorja u minn assigurazzjoni medika ġenerali, dwar id-drittijiet tal-persuni qiegħda skont ir-regolamenti tal-impjieg u drittijiet tal-għajnuna soċjali
  17. partijiet li jibdew proċeduri għall-protezzjoni ta’ drittijiet tal-bniedem u libertajiet tal-bniedem iggarantiti mill-kostituzzjoni kontra atti individwali finali
  18. partijiet f'tilwim dwar kumpens għat-tniġġis ambjentali
  19. trejdjunjins u assoċjazzjonijiet ta' trejdjunjins ta' livell ogħla fi proċedimenti ċivili għall-approvazzjoni ġudizzjarja ta' sostituzzjoni u f'tilwim kollettiv ta' xogħol u rappreżentanti ta' unjins fi proċedimenti ċivili fl-eżerċizzju tal-poteri tal-kunsill tax-xogħol
  20. konsumaturi bħala debituri f'falliment
  21. persuni u korpi oħrajn kif meħtieġ minn liġi speċjali.

Stat barrani huwa eżentat mill-ħlas ta' miżati, jekk dan ikun previst minn trattat internazzjonali jew soġġett għar-reċiproċità.

F'każ ta' dubju dwar il-kundizzjonijiet ta' reċiproċità, il-qorti titlob spjegazzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja.

L-eżenzjoni mill-punt 10 tapplika għal dawk l-organizzazzjonijiet umanitarji li għalihom il-Ministru responsabbli għall-Affarijiet tal-Għajnuna Soċjali joħroġ deċiżjoni xierqa.

L-eżenzjoni mill-ħlas tal-miżati tal-qorti ma tapplikax għall-korpi tal-muniċipalitajiet u l-ibliet sakemm, skont liġi speċjali, l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika jkun ġie ddelegat lilhom.

Fil-proċeduri Ewropej għal Talbiet Żgħar, għandhom jitħallsu l-miżati li ġejjin:

  • għal talba - iħallas l-attur
  • għal preżentata ta' risposta - iħallas il-konvenut
  • għal sentenza - iħallas l-attur
  • għal appell - iħallas l-appellant
  • għal risposta għal appell - tħallas il-persuna li tippreżenta r-risposta (ir-risposta hija fakultattiva)

Kemm se nħallas?

I. Għal talba, kontrotalba, sentenza u oġġezzjoni għal ordni ta' ħlas, għandha titħallas miżata tal-qorti proporzjonata mal-ammont tat-tilwima (ikkalkulata biss għall-ammont tal-applikazzjoni prinċipali mingħajr imgħax u spejjeż), kif ġej:

aktar minn

sa HRK

HRK

0.00

3,000.00

100.00

3,001.00

6,000.00

200.00

6,001.00

9,000.00

300.00

9,001.00

12,000.00

400.00

12,001.00

15,000.00

500.00

Miżata ta' HRK 500.00 għandha titħallas fuq ammonti ta' aktar minn HRK 15,000.00 flimkien ma' 1 % fuq id-differenza ta' aktar minn HRK 15,000.00, iżda mhux aktar minn HRK 5,000.00.

II. Nofs il-miżata msemmija fil-punt I għandha titħallas biex tiġi ppreżentata risposta u għal risposta għal appell.

III. Id-doppju tal-ammont tal-miżati tal-qorti msemmija fil-punt I huwa pagabbli fuq appell minn sentenza.

IV. Miżata tal-qorti ma titħallasx meta tintlaħaq riżoluzzjoni fil-qorti matul il-proċedimenti tal-qorti.

X'jiġri jekk ma nħallasx fil-ħin il-miżati tal-qorti?

Jekk parti tonqos milli tħallas il-miżata fil-limitu ta' żmien stipulat jew tonqos milli tinforma lill-qorti b'dan, il-qorti għandha, fi żmien skadenza ta' 15-il jum ieħor, tehmeż ċertifikat ta' eżegwibilità mad-deċiżjoni dwar il-miżata jew mad-deċiżjoni dwar l-ilment u tippreżentah lill-Aġenzija Finanzjarja għal ħlas infurzat mill-fondi tal-parti skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi li tirregola l-infurzar tad-deċiżjonijiet fuq assi monetarji.

Skont l-Artikolu 28 tal-Att dwar il-Miżati tal-Qorti, il-qorti għandha l-ewwel nett twissi lill-parti fil-kawża quddiem il-qorti bl-obbligu li tħallas il-miżata, u meta l-parti tonqos milli tikkonforma immedjatament mat-twissija, il-qorti għandha tavża lill-parti biex tħallas il-miżata fi żmien tlett ijiem. Jekk il-parti tonqos milli taġixxi fuq it-twissija jew ma kinitx preżenti fil-kawża quddiem il-qorti li għaliha tkun dovuta l-miżata, u tkun naqset milli tħallas il-miżata, il-qorti tadotta deċiżjoni fir-rigward tal-miżata li fuqha jkun pagabbli ħlas addizzjonali ta’ HRK 100.

Kif nista' nħallas il-miżati tal-qorti?

Il-miżati tal-Qorti għandhom jitħallsu bi ħlas mingħajr flus kontanti, fi flus kontanti, f'bolol ta' dħul maħruġa mir-Repubblika tal-Kroazja jew elettronikament.

Il-miżata fi flus kontanti tista' wkoll titħallas fil-kontabilità tal-qorti, f'liema każ il-qorti hija obbligata li tħallas dawk il-flus fid-dħul tal-baġit mill-miżati tal-qorti fi żmien ħamest ijiem mid-data tal-ġbir.

Id-drittijiet jistgħu jitħallsu f'bolol tad-dħul jekk il-miżata tkun inqas minn HRK 100.

Informazzjoni dwar il-metodu ta' ħlas tal-miżati għandha tkun disponibbli fuq is-sit web tal-Bord tal-Bullettin elettroniku, fuq is-siti web tal-qrati u fl-uffiċċji tal-qorti.

Il-miżati tal-qorti jistgħu jitħallsu permezz ta' kwalunkwe uffiċċju bankarju jew postali fil-Baġit tal-Istat tar-Repubblika tal-Kroazja.

Sabiex jitħallsu miżati tal-qorti minn barra l-pajjiż għandha tiġi inkluża l-informazzjoni li ġejja:

SWIFT: NBHRHR2X

IBAN:HR1210010051863000160

Kont giro (CC):1001005-1863000160

Mudell:HR64

Numru ta’ referenza: 5045-20735-PIN (jew numru ieħor ta' identifikazzjoni personali għall-pagatur)

Benefiċjarju: Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Kroazja, f'isem il-Qorti Kummerċjali f'Żagreb

Id-deskrizzjoni tal-ħlas għandha tinkludi l-miżata għall-każ __________ (in-numru tal-fajl tal-każ, u deskrizzjoni tal-ħlas, eż. miżata tal-qorti għal proposta biex tinħareġ l-ordni ta' ħlas Ewropea)

X'nagħmel ladarba nkun ħallast?

Ladarba jsir il-ħlas, għandha tintbagħat prova tal-ħlas lill-qorti li tkun qed tiddeċiedi l-każ li għalih tkun qed titħallas il-miżata, li tinkludi referenza għan-numru tal-każ li jkun qed jiġi mismugħ (jekk in-numru tal-każ ikun magħruf) jew meta applikazzjoni għall-ħruġ ta' ordni ta' ħlas Ewropea tkun għadha kif ġiet ippreżentata, allura prova tal-ħlas bankarju għandha takkumpanja l-applikazzjoni.

Il-partijiet għandhom jippreżentaw dokumenti lill-qorti b’mod regolari bil-posta (kunsinna ta’ pakketti reġistrata jew ordinarja) jew elettronikament, f'forma skont regolamenti speċjali permezz tas-sistema tal-informazzjoni użata fin-negozju tal-qorti.

L-aħħar aġġornament: 02/04/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.