Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura għal Talbiet Żgħar

Bulgarija

Il-kontenut ipprovdut minn
Bulgarija

Introduzzjoni

X’tariffi huma applikabbli?

Kemm se nħallas?

X’jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qorti fil-ħin?

Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?

X’għandi nagħmel wara l-ħlas?

Introduzzjoni

Id-dispożizzjonijiet dwar il-ħlas tat-tariffi tal-qorti u l-ispejjeż fi proċedimenti ċivili huma stabbiliti rispettivament fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u fl-Iskeda ta’ tariffi tal-Istat miġbura mill-qrati skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (GPK).

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili:

“Kapitolu Tmienja. Tariffi u Spejjeż, Taqsima I — Il-valur tal-kawża

Spejjeż tal-kawża
Artikolu 68. Il-valur monetarju tas-suġġett tal-kawża għandu jkun il-valur tal-kawża.

L-ammont tal-valur tal-kawża
Artikolu 69. (1) L-ammont tal-valur tal-kawża għandu jkun:
1. f’kawżi li jikkonċernaw pretensjonijiet monetarji: is-somma pretiża;

Determinazzjoni tal-valur tal-kawża:
Artikolu 70. (1) Il-valur tal-kawża għandha tkun speċifikata mill-attur. Il-valur tal-kawża jista’ jiġi kkontestat jew mill-konvenut jew mill-qorti ex officio, mhux aktar tard mill-ewwel seduta għall-eżami tal-kawża. F’każ ta’ diskrepanza bejn il-valur indikat u l-valur reali, il-qorti għandha tiddetermina l-valur tal-kawża.
(2) Deċiżjoni tal-qorti li żżid il-valur tal-kawża tista’ tiġi kkontestata b’appell interlokutorju.
(3) Meta jkun diffiċli li tiddetermina l-valur tal-kawża fil-mument meta tinfetaħ il-kawża, il-qorti tiddetermina valur tal-kawża approssimattiv u wara jiġi impost ħlas addizzjonali jew il-ħlas żejjed jitħallas lura skont il-valur iddeterminat mill-qorti ladarba ssolvi l-każ.

Taqsima II. Spejjeż u tariffi tal-Istat

Responsabbiltà għat-tariffi u għall-ispejjeż
Artikolu 71. (1) It-tariffi tal-Istat fuq il-valur tal-kawża u l-ispejjeż tal-qorti għandhom jinġabru għas-smigħ tal-kawża. Meta l-kawża ma tkunx tista’ tiġi evalwata, l-ammont tat-tariffa tal-Istat għandu jiġi ddeterminat mill-qorti.

Tariffi tal-Istat
Artikolu 73. (3) It-tariffi tal-Istat għandhom jinġabru, skont l-iskeda adottata mill-Kunsill tal-Ministri, meta tiġi ppreżentata talba għal protezzjoni jew faċilitazzjoni u meta jinħareġ id-dokument li l-ħlas irid isir għalih.

Annessi mat-talba
Artikolu 128. Dan li ġej għandu jiġi ppreżentat mat-talba:
1. il-prokura, meta d-dikjarazzjoni tiġi ppreżentata minn mandatarju;
2. prova dokumentata tal-ħlas tat-tariffi u l-spejjeż tal-Istat, meta jkunu dovuti;
3. kopji tat-talba u l-annessi tagħha f’għadd ekwivalenti għall-għadd ta’ konvenuti.

Verifika tat-talba
Artikolu 129. (1) Il-qorti għandha tivverifika l-konformità tat-talba.
(2) Meta t-talba ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 127(1) u fl-Artikolu 128, l-attur għandu jingħata struzzjonijiet biex jirrimedja n-nuqqasijiet ta’ konformità fi żmien ġimgħa u jiġi infurmat bil-possibbiltà li juża l-għajnuna legali, jekk l-attur ikollu bżonn u jkun intitolat għal dik l-għajnuna. Meta l-indirizz tal-attur ma jkunx indikat u ma jkunx magħruf mill-qorti, il-komunikazzjoni għandha ssir bit-twaħħil ta’ avviż f’post nominat għal dan l-għan fil-qorti għal ġimgħa.
(3) Meta l-attur jonqos milli jirrimedja n-nuqqasijiet ta’ konformità, it-talba u l-annessi għandhom jintbagħtu lura, u meta l-indirizz ma jkunx magħruf, it-talba għandha tibqa’ fl-uffiċċju tal-qorti għad-dispożizzjoni tal-attur. Jista’ jitressaq appell interlokutorju kontra r-rinviju tat-talba mingħajr ma tiġi ppreżentata kopja tan-notifika.”

Skeda ta’ tariffi tal-Istat miġbura mill-qrati skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili
“Taqsima I
Tariffi Kollettivi fi proċedimenti fil-qrati
Artikolu 1. Għandha tinġabar tariffa ta’ 4 % tal-valur tal-kawża iżda ta’ mhux inqas minn BGN 50 għal talba, kontrotalba jew talba minn terzi bi drittijiet indipendenti.”

It-tariffi tal-qorti jitħallsu biss permezz ta’ trasferiment bankarju fil-kont tal-qorti.

X’tariffi huma applikabbli?

It-tariffi tal-Istat jinġabru meta tinfetaħ il-kawża. L-attur irid jakkumpanja t-talba b’evidenza dokumentata tal-ħlas ta’ kwalunkwe spiża u tariffa tal-Istat dovuti.

Kemm se nħallas?

It-tariffa tal-Istat fir-Repubblika tal-Bulgarija għal kawżi bħal dawn hija ta’ 4 % tal-valur tal-kawża iżda ta’ mhux inqas minn BGN 50.

X’jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qorti fil-ħin?

Jekk l-attur ma jakkumpanjax it-talba bi prova dokumentata tal-ħlas tat-tariffi tal-Istat dovuti meta tinfetaħ il-kawża, il-qorti tibgħat komunikazzjoni lill-attur li tordnalu jħallas it-tariffi tal-Istat fi żmien ġimgħa. Meta l-indirizz tal-attur ma jkunx indikat u ma jkunx magħruf mill-qorti, il-komunikazzjoni ssir bit-twaħħil ta’ avviż f’post nominat għal dan l-għan fil-qorti għal ġimgħa.
Meta l-attur jonqos milli jirrimedja n-nuqqasijiet ta’ konformità, it-talba u l-annessi jintbagħtu lura, u meta l-indirizz ma jkunx magħruf, it-talba tibqa’ fl-uffiċċju tal-qorti għad-dispożizzjoni tal-attur. F’każijiet bħal dawn, il-kawża tingħalaq.

Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?

It-tariffi tal-qorti jitħallsu biss permezz ta’ trasferiment bankarju fil-kont tal-qorti, u d-dokument tal-ħlas irid jiġi ppreżentat lill-imħallef/imħallfin li jkunu qed jisimgħu l-kawża permezz tar-reġistru tal-qorti. It-tariffa tal-qorti ma tistax titħallas fi flus kontanti lill-kaxxier tal-qorti. Kull qorti għandha kuntratt ma’ bank li jipprovdi servizzi lill-qorti. Il-kontijiet tal-bank jinsabu fis-sit web uffiċjali tal-qorti.

X’għandi nagħmel wara l-ħlas?

It-tariffi tal-qorti jitħallsu biss permezz ta’ trasferiment bankarju fil-kont tal-qorti, u d-dokument tal-ħlas irid jiġi ppreżentat lill-imħallef/imħallfin li jkunu qed jisimgħu l-kawża permezz tar-reġistru tal-qorti.

L-aħħar aġġornament: 20/07/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.