Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura għal Talbiet Żgħar

Belġju

Il-kontenut ipprovdut minn
Belġju

Introduzzjoni

X'inhuma t-tariffi applikabbli?

Kemm għandi nħallas?

X'jiġri jekk ma nħallasx fil-ħin it-tariffi tal-qorti?

Kif nista' nħallas it-tariffi tal-qorti?

X'għandi nagħmel wara l-pagament?

Introduzzjoni

Dan is-suġġett huwa rregolat mill-Artikoli 1017 sa 1022 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan (Code judiciaire) u mill-Artikolu 953 ta’ dak il-Kodiċi fir-rigward tal-ħlas ta’ tariffi tax-xhieda. Huwa rregolat ukoll mill-Kodiċi Belġjan tat-tariffi ta’ Reġistrazzjoni, tal-Ipoteki u tar-Reġistru tal-Qorti (Code des droits d'enregistrement, d'hypothèque et de Greffe), u b’mod partikolari l-Artikoli 142 et seq. u 268 et seq. fir-rigward tat-tariffi ta' reġistrazzjoni.

X'inhuma t-tariffi applikabbli?

L-Artikolu 1018 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan jispeċifika n-natura tal-ispejjeż:

1° Reġistru tal-Qorti, reġistrazzjoni u tariffi oħra. It-tariffi tar-reġistru tal-Qorti jinkludu t-tariffi tal-elenkar, it-tariffi tal-abbozzar u t-tariffi tal-kopji ċċertifikati (ara l-Artikoli 268 et seq. tal-Kodiċi Belġjan tat-tariffi ta’ Reġistrazzjoni, tal-Ipoteki u tar-Reġistru tal-Qorti). It-tariffa tal-elenkar hija bejn EUR 30 u EUR 100, skont il-qorti. It-tariffa tal-abbozzar hija ta’ EUR 35.

It-tariffi tar-reġistrazzjoni huma pagabbli għal deċiżjonijiet f'każijiet fejn l-ammont prinċipali jkun aktar minn EUR 12,500 (minbarra t-tariffi tal-qorti). Dawn huma stabbiliti għal 3% ta' dan l-ammont. Għalhekk, ma japplikawx għal talbiet żgħar;

2° L-ispiża tal-proċessi tal-qorti u s-salarji u l-emolumenti relatati.

3° L-ispiża ta' kopja ċċertifikata tas-sentenza: bejn EUR 0,85 u EUR 5,75 għal kull paġna;

4° L-ispejjeż ta' kull mezz ta' kif tingħata jew tinkiseb evidenza, inklużi t-tariffi tal-esperti u ta' xhieda oħra. Id-Digriet Reġju tas-27 ta' Lulju 1972 stabbilixxa dan l-ammont ta' BEF 200 għal kull xhud, li issa huwa ekwivalenti għal madwar EUR 5. Ma' dan jiżdied l-indennizz tal-ivvjaġġar (EUR 0,0868 għal kull kilometru).

Jekk jissejjaħ xhud espert, huwa jkun liberu li jistabbilixxi l-ispejjeż u t-tariffi tiegħu stess. Madankollu, il-metodu ta' kalkolu jrid jiġi ddikjarat b'mod ċar u l-ammont jista', jekk meħtieġ (pereżempju, fejn l-ispejjeż ikunu saru bla bżonn), jitnaqqas mill-qorti fl-evalwazzjoni dettaljata tat-tariffi tal-qorti.

5° Spejjeż għall-ivvjaġġar u ta’ sussistenza tal-imħallfin, tal-iskrivani u l-partijiet fil-każ, meta l-ivvjaġġar tagħhom ikun ġie ordnat mill-qorti, u l-ispejjeż tal-atti, meta dawn ikunu saru biss għall-iskopijiet tal-kawża.

6° Tariffa għall-preparazzjoni tal-kawża (l-Artikolu 1022 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan). Din titħallas mill-parti telliefa u hija kontribuzzjoni fissa għall-ispejjeż u t-tariffi legali tal-parti rebbieħa. L-ammonti huma bbażati fuq l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur u jiżdiedu jew jitnaqqsu b'10% jekk l-indiċi jogħla jew jinżel b'10 punti perċentwali.

L-ammont tat-talba

Ammont
bażiku

Ammont
minimu

Ammont
massimu

EUR 250,00 jew inqas

EUR 180,00

EUR 90,00

EUR 360,00

EUR 250,01 sa EUR 750,00

EUR 240,00

EUR 150,00

EUR 600,00

EUR 750,01 sa EUR 2,500,00

EUR 480,00

EUR 240,00

EUR 1,200,00

It-tribunal tal-impjieg (regoli speċjali)

L-ammont tat-talba

Ammont
bażiku

Ammont
minimu

Ammont
massimu

EUR 250,00 jew inqas

EUR 43,75

EUR 31,75

EUR 55,75

EUR 620,00 jew inqas

EUR 87,43

EUR 69,43

EUR 105,43

EUR 2,500,00 jew inqas

EUR 131,18

EUR 107,18

EUR 155,18

7° It-tariffi, l-emolumenti u l-ispejjeż tal-ombudsman maħtur skont l-Artikolu 1734 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan.

Kemm għandi nħallas?

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-ammont li għandu jitħallas jiddependi kompletament fuq kull każ, skont jekk tirbaħx jew le, jekk issejħux xhieda esperti, jekk tħarrkux xhieda oħra, jekk l-imħallfin kellhomx jivvjaġġaw barra mill-pajjiż, jekk kienx involut ombudsman, eċċ.

X'jiġri jekk ma nħallasx fil-ħin it-tariffi tal-qorti?

It-tariffi tar-reġistri tal-Qorti għandhom jitħallsu bil-quddiem, inkella l-każ ma jiġix elenkat.

Ix-xhieda esperti dejjem jeħtieġu ħlas bil-quddiem qabel ma jibdew ix-xogħol.

Jekk titlob is-smigħ ta' xhud, l-ewwel ikollok tħallas l-ammont dovut lill-iskrivan. Jekk ma tħallasx dan l-ammont, wieħed jassumi li m'għadx għandek bżonn li jinstema’ x-xhud.

Kif nista' nħallas it-tariffi tal-qorti?

Il-pagament jista' jsir permezz ta' trasferiment ta' kreditu jew ordni ta' ħlas, trasferiment elettroniku, flus kontanti jew ċekk pagabbli lir-reġistru tal-qorti (l-għażla tal-aħħar hija riżervata għall-prattikanti legali u l-marixxalli).

X'għandi nagħmel wara l-pagament?

Kwalunkwe prova tal-ħlas għandha tinżamm f'post sigur sabiex tkun tista' tiġi ppreżentata immedjatament fuq talba.

L-aħħar aġġornament: 26/02/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna