Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura għal Talbiet Żgħar

Autriche

Din il-paġna tipprovdi informazzjoni dwar it-tariffi tal-qrati Awstrijaċi.

Contenu fourni par
Autriche

Introduzzjoni

Skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, l-att promotur jissejjaħ talba (Klage), kif previst ukoll fid-dritt nazzjonali. Għalhekk, il-liġi Awstrijaka dwar it-tariffi tal-qorti ma fihiex dispożizzjoni nazzjonali separata għat-talbiet skont dan ir-Regolament. It-talba u l-proċedimenti sussegwenti fl-ewwel istanza jaqgħu taħt l-Entrata 1 tat-Tariffi (Tarifpost 1) tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti Awstrijak (Gerichtsgebührengesetz (GGG)), li japplika għall-proċedimenti ċivili nazzjonali kollha.

Liema tariffi japplikaw?

Fi proċedimenti relatati ma’ talbiet skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar fl-ewwel istanza, tapplika l-Entrata 1 tat-Tariffi tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti, skont in-Nota 1 tal-Entrata 1 tat-Tariffi tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti. Din it-tariffa b'rata fissa trid titħallas irrispettivament minn jekk il-proċedimenti jkunux tlestew. Ikun hemm tnaqqis biss:

  • fil-każ ta’ rtirar jew ċaħda immedjata tat-talba qabel in-notifika lill-kontroparti (it-tariffa titnaqqas għal kwart; In-Nota 3 tal-Entrata 1 tat-Tariffi tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti); jew
  • fil-każ ta’ rtirar tat-talba wara n-notifika lill-kontroparti, qabel jew fl-ewwel seduta (it-tariffa titnaqqas bin-nofs; In-Nota 4(a) tal-Entrata 1 tat-Tariffi tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti); jew
  • jekk il-kawża tiġi solvuta fl-ewwel seduta jew fil-bidu tat-tieni seduta bis-saħħa ta’ medjazzjoni mibdija mhux aktar tard minn dik is-seduta, u dik is-soluzzjoni ssir legalment effettiva (it-tariffa titnaqqas bin-nofs; In-Nota 4(b) tal-Entrata 1 tat-Tariffi tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti).

Skont is-sistema tat-tariffi tal-qorti Awstrijaka, ir-rikors li jagħti bidu għall-proċedimenti (f'dan il-każ, it-talba skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar) huwa soġġett għal tariffa fi proċedimenti ċivili fl-ewwel istanza. Ma hemm l-ebda tariffa addizzjonali tal-qorti għal proċedimenti ulterjuri fl-ewwel istanza.

Skont l-Artikolu 2(1)(a) tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti, l-obbligu li jitħallsu t-tariffi jinħoloq meta t-talba skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tiġi ppreżentata lill-qorti. (Jekk l-azzjoni tiġi sussegwentement estiża, l-obbligu li jitħallsu t-tariffi jinħoloq mal-preżentata ta’ noti ta’ sottomissjonijiet. Fin-negozjati, l-obbligu li jitħallsu t-tariffi jinħoloq mar-reġistrazzjoni tal-estensjoni tat-talba jew ta’ soluzzjoni li tmur lil hinn mis-suġġett tat-talba). It-tariffa għandha titħallas f'dan iż-żmien. L-applikazzjonijiet għal eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti jridu jiġu ppreżentati wkoll permezz tal-għajnuna legali (fl-Awstrija: Verfahrenshilfe) sa mhux aktar tard minn dan iż-żmien, dment li l-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati.

Ir-rikorsi għal stħarriġ skont l-Artikolu 18 tar-Regolament huma bla ħlas.

Kemm għandi nħallas?

Il-kalkolu tat-tariffi tal-qorti għall-proċedimenti fl-ewwel istanza jiddependi fuq il-valur tas-suġġett tat-talba (l-ammont fit-tilwima kif indikat fit-talba jew aktar tard fl-estensjoni tat-talba) u n-numru ta’ partijiet. Bħala eżempju, ara hawn taħt it-tabella sħiħa tar-rati skont l-Entrata 1 tat-Tariffi tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (fl-1 ta’ Mejju 2021; ikklikkja hawnhekk għall-verżjoni kurrenti tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti):

Entrata 1 tat-Tariffi

Il-valur tas-suġġett tat-talba

It-tariffa li għandha titħallas

ma taqbiżx

EUR 150

EUR 25

taqbeż

EUR 150 iżda ma taqbiżx

EUR 300

EUR 48

taqbeż

EUR 300 iżda ma taqbiżx

EUR 700

EUR 68

taqbeż

EUR 700 iżda ma taqbiżx

EUR 2 000

EUR 114

taqbeż

EUR 2 000 iżda ma taqbiżx

EUR 3 500

EUR 182

taqbeż

EUR 3 500 iżda ma taqbiżx

EUR 7 000

EUR 335

taqbeż

EUR 7 000 iżda ma taqbiżx

EUR 35 000

EUR 792

taqbeż

EUR 35 000 iżda ma taqbiżx

EUR 70 000

EUR 1 556

taqbeż

EUR 70 000 iżda ma taqbiżx

EUR 140 000

EUR 3 112

taqbeż

EUR 140 000 iżda ma taqbiżx

EUR 210 000

EUR 4 670

taqbeż

EUR 210 000 iżda ma taqbiżx

EUR 280 000

EUR 6 227

taqbeż

EUR 280 000 iżda ma taqbiżx

EUR 350 000

EUR 7 783

taqbeż

EUR 350 000

1,2 % tal-ammont tat-tilwima b’żieda ta’ EUR 4 203 miegħu

Jekk ikun hemm aktar minn żewġ partijiet, jista’ jiżdied ħlas addizzjonali għal ħafna partijiet ta’ bejn 10 % u 50 % skont l-Artikolu 19a tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti.

X’jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qorti fil-ħin?

Fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas, trid titħallas penali fissa, li bħalissa tammonta għal EUR 23 (mill-1 ta’ Mejju 2021) skont l-Artikolu 31 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti. Madankollu, id-dewmien fil-ħlas tat-tariffa tal-qorti m’għandu l-ebda effett fuq l-eżekuzzjoni tal-proċedimenti ċivili nfushom. Il-proċedimenti tal-qorti ma jiddependux fuq il-ħlas tat-tariffi tal-qorti – dawn isiru b’mod kompletament indipendenti.

L-irkupru tat-tariffi tal-qorti mill-awtorità ġudizzjarja huwa rregolat mill-Att dwar l-Irkupru tal-Ħlasijiet tal-Qorti (Gerichtliches Einbringungsgesetz (GEG)). Jekk, bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ ħlas, ikollha tinħareġ ordni ta’ ħlas (titolu eżekuttiv għall-irkupru tat-tariffi tal-qorti) mill-awtorità ġudizzjarja skont l-Artikolu 6a tal-Att dwar l-Irkupru tal-Ħlasijiet tal-Qorti, tapplika tariffa addizzjonali li bħalissa tammonta għal EUR 8 (mill-1 ta’ Jannar 2014).

Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?

Il-metodu ta’ ħlas huwa stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti. Dan jipprevedi li t-tariffi jistgħu jitħallsu b’kard bankarja b’funzjoni ta’ ATM jew b’kard ta’ kreditu, billi l-ammont jitħallas jew jiġi ttrasferit fil-kont tal-qorti kompetenti, jew fi flus kontanti fil-qorti kompetenti. Id-dettalji tal-bank tal-qorti huma disponibbli fuq is-sit web tal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja (Bundesministerium für Justiz, fit-tab “Qrati” (Gerichte)).

Barra minn hekk, it-tariffi kollha jistgħu jitħallsu wkoll b’debitu dirett jekk il-qorti (jew, b’mod ġenerali, is-sistema ġudizzjarja Awstrijaka) tkun ġiet awtorizzata tiġbor it-tariffi tal-qorti minn kont notifikat mill-parti li għandha tħallas it-tariffi, u tiddepożitahom f’kont tal-qorti. F’dan il-każ, ir-rikors (it-talba skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar) għandu jindika l-kont li minnu għandhom jinġabru t-tariffi u l- awtorizzazzjoni biex jinġabru, pereżempju billi tiġi inkluża r-referenza “Gebühreneinzug!” (Ġbir ta tariffi) jew “AEV!” (“Ordinanza dwar id-Debitu Dirett”). Għal awtorizzazzjoni limitata, ir-rikors jista’ jindika wkoll l-ammont massimu li għandu jiġi ddebitat (l-Artikoli 5 u 6 tal-Ordinanza dwar id-Debitu Dirett (Abbuchungs- und Einziehungs-Verordnung)).

It-tariffi għandhom jitħallsu permezz ta’ debitu dirett meta tiġi ppreżentata talba skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar bl-użu tas-sistema elettronika Awstrijaka tal-Ġustizzja (Elektronischer Rechtsverkehr (ERV)). F'dan il-każ, l-ammont massimu li għandu jiġi ddebitat ma jistax jiġi speċifikat.

X'għandi nagħmel wara l-pagament?

Jekk l-awtoritajiet federali jkunu intitolati jitolbu t-tariffi tal-qorti mal-preżentata tar-rikors (it-talba skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar) u ma jkun hemm l-ebda awtorizzazzjoni għal debitu dirett, allura għandha tinhemeż prova tal-ħlas tat-tariffi (prova tat-trasferiment) mar-rikors (l-Artikolu 4 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti). Jekk il-ħlas isir permezz ta’ kard bankarja, kard ta’ kreditu, depożitu jew trasferiment fil-kont tal-qorti kompetenti, jew permezz ta’ debitu dirett mill-kont tal-parti, l-Aġenzija Federali Awstrijaka tal-Kontabilità (Buchhaltungsagentur des Bundes) tinforma lill-awtorità ġudizzjarja dwar l-ikkreditar tal-ħlasijiet lill-kont tal-qorti fi stadju aktar tard biss. Il-proċedura relatata mal-avviż tat-tariffi tal-qorti tispiċċa meta tingħata prova tal-pagament (sħiħ).

Fil-każ ta’ ħlas żejjed, tista’ ssir talba għar-rimborż ta’ tariffi żejda lill-qorti (l-Artikolu 6c(1)(1) tal-Att dwar l-Irkupru tal-Pagamenti tal-Qorti) fi żmien 5 snin.

L-aħħar aġġornament: 18/10/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.