Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura tal-ħlas Ewropea

Estónsko

Jekk it-tariffa tal-Istat trid titħallas abbażi ta’ sentenza tal-qorti, din trid titħallas fil-kont imsemmi fis-sentenza u bl-użu tan-numru ta’ referenza indikat fis-sentenza.

Autor obsahu
Estónsko

Introduzzjoni

Jekk tippreżenta rikors il-qorti fl-Estonja fi proċedura Ewropea għal talbiet żgħar, ikollok tħallas l-istess tariffa tal-istat daqslikieku ppreżentajt rikors nazzjonali. It-tariffi tal-Istat u spejjeż proċedurali oħrajn huma rregolati mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u mill-Att dwar it-Tariffi tal-Istat. It-tariffi tal-Istat u l-ispejjeż proċedurali li jridu jitħallsu lill-qorti jistgħu jitħallsu biss bi trasferiment bankarju.

X’tariffi huma applikabbli?

Meta tippreżenta r-rikors tiegħek, ikollok tħallas tariffa tal-istat biex tkopri l-ispejjeż tal-proċedimenti. Matul il-proċedimenti jistgħu jinqalgħu wkoll spejjeż proċedurali oħrajn, bħall-ispejjeż tan-notifika tal-atti proċedurali u l-ispejjeż tal-interpretazzjoni jew tat-traduzzjoni.

Kemm ikolli nħallas?

Jekk tippreżenta rikors il-qorti fl-Estonja fil-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar, it-tariffa tal-istat li jkollok tħallas tkun l-istess daqslikieku ppreżentajt rikors nazzjonali. L-ammont tat-tariffa tal-istat jiddependi mill-ammont ta’ flus li tkun qed titlob. Pereżempju, ikollok tħallas tariffa tal-istat ta’ EUR 140 għal pretensjoni ta’ EUR 500, tariffa tal-istat ta’ EUR 245 għal pretensjoni ta’ EUR 1 000, tariffa tal-istat ta’ EUR 280 għal pretensjoni ta’ EUR 1 500, u tariffa tal-istat ta’ EUR 315 għal pretensjoni ta’ EUR 2 000.

X’jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qorti fil-ħin?

Trid tħallas it-tariffa tal-istat minn qabel meta tippreżenta rikors. Jekk ma tkunx ħallast it-tariffa tal-istat, il-qorti tagħtik l-opportunità li tħallasha sa data stabbilita mill-qorti. Jekk ma tħallasx it-tariffa tal-istat sa dakinhar, il-qorti tiċħad ir-rikors tiegħek.

Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?

It-tariffi tal-Istat jistgħu jitħallsu biss permezz ta’ trasferiment bankarju. Karti ta’ kreditu mhumiex aċċettati. Għall-ħlasijiet kollha maħsuba li jsiru lill-qrati, il-benefiċjarju huwa l-Ministeru tal-Finanzi.

Jekk tħallas it-tariffa tal-Istat bil-quddiem, trid tuża l-kaxxa ta’ komunikazzjoni tal-ordni ta’ pagament biex tindika bl-iktar mod preċiż possibbli l-proċedura li qed tħallas it-tariffa tal-Istat għaliha. Jekk tippreżenta rikors permezz tal-e-File pubbliku, tista’ tħallas it-tariffa tal-istat fl-istess ambjent billi tuża l-link bankarja online. Jekk it-tariffa tal-Istat trid titħallas abbażi ta’ sentenza tal-qorti, din trid titħallas fil-kont imsemmi fis-sentenza u bl-użu tan-numru ta’ referenza indikat fis-sentenza.

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-kontijiet tat-tariffi tal-istat u n-numri ta’ referenza tal-qrati fis-sit web tal-Qrati Estonjani.

X’għandi nagħmel wara l-ħlas?

Lill-qorti trid tipprovdilha l-informazzjoni li tikkonferma l-ħlas tat-tariffa tal-Istat, sabiex hija tkun tista’ tivverifika li tkun irċeviet it-tariffa tal-istat. Din l-informazzjoni hija kif ġej: isem il-persuna li tħallas it-tariffa tal-istat, id-dettalji dwar il-bank u l-kont li t-tariffa tal-istat tħallset fih, l-ammont imħallas, u d-data tal-ħlas. Il-Qorti tista’ tivverifika li tkun irċeviet il-ħlas b’mod elettroniku, jiġifieri m’għandekx għalfejn tippreżenta l-ordni tal-ħlas li jikkonferma l-ħlas tat-tariffa tal-Istat. Madankollu, il-qorti tista’ titlobha, jekk ikun hemm bżonn.

L-aħħar aġġornament: 14/12/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.