Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura tal-ħlas Ewropea

Spanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

Introduzzjoni

X'tariffi japplikaw?

Kemm ikolli nħallas?

X'jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi ġudizzjarji fil-ħin?

Kif nista' nħallas?

Xi rrid nagħmel wara li nħallas?

Introduzzjoni

It-tariffa tal-qorti f'kawżi ċivili, li jinkludu l-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea, hija taxxa Statali li titħallas mal-ftuħ ta' proċediment wara l-preżentata minn parti. It-tariffa hija rregolata mil-Liġi 10/2012 tal-20 ta' Novembru 2012 li tikkonċerna ċerti tariffi fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-Istitut Nazzjonali tat-Tossikoloġija u x-Xjenza Forensika (Ley 10/2012, de 20 de noviembre, por la que se regulan determinadas tasas en el ámbito de la Administración de Justicia y del Instituto Nacional de Toxicología y Ciencias Forenses), emendata b'Digriet Liġi Rjali 3/2013 tat-22 ta' Frar 2013 u bl-Ordni HAP/2662/2012 tat-13 ta' Diċembru 2012 (emendata bl-Ordni HAP/490/2013 tas-27 ta' Marzu 2013).

Hija rregolata wkoll mid-Digriet Liġi Rjali 1/2015 tas-27 ta' Frar 2015 dwar il-mekkaniżmi tat-tieni opportunità, it-tnaqqis tal-piż finanzjarju u miżuri oħrajn tas-sigurtà soċjali (Real Decreto Ley 1/2015 de 27 de febrero, de mecanismos de segunda oportunidad, reducción de carga financiera y otras medidas de orden social) li emenda ulterjorment il-Liġi 10/2012 imsemmija fuq.

It-tariffa għandha titħallas permezz tal-Aġenzija tat-Taxxi (Agencia Tributaria) b'formola li titniżżel onlajn li trid timtela kif ġej (agħfas hawn) jew permezz ta' applikazzjoni li tiġi ġġenerata ladarba tiddaħħal id-dejta (agħfas hawn) u li tippermetti l-ħlas onlajn (bħalissa din il-possibbiltà hija miftuħa biss għal impriżi kbar).

Il-ħlas għandu jsir wara li tiġi ppreżentata l-formola ta' applikazzjoni A. Il-ħlas jista' jsir mir-rappreżentant legali jew l-avukat f'isem il-persuna taxxabbli, b'mod partikolari jekk din ma tkunx residenti Spanja. Persuna mhux residenti ma hemmx għalfejn tikseb numru ta' identifikazzjoni tat-taxxa qabel l-awtovalutazzjoni. Ir-rappreżentant legali jew l-avukat ma għandux obbligazzjoni ta’ taxxa għal dan il-ħlas.

X'tariffi japplikaw?

Fil-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea, il-persuna li tinstiga l-attività ġudizzjarja li tipproduċi fatt taxxabbli tkun responsabbli għall-ħlas tat-tariffa, jiġifieri il-persuna li tippreżenta talba jew kontrotalba permezz tal-Formola A, meta t-talba tkun ibbażata fuq dokument li jikkostitwixxi strument eżekutorju ekstraġudizzjarju skont l-Artikolu 517 tal-Liġi 1/2000 tas-7 ta' Jannar 2000 dwar il-proċedura ċivili (Ley 1/2000, de 7 de enero, de Enjuiciamiento Civil) u li tkun taqbeż l-EUR 2 2000. Jekk ikun strument proċedurali eżekutorju, ikun eżenti mill-ħlas. Bl-istess mod, il-persuni fiżiċi u l-entitajiet ġuridiċi kollha li jkunu intitolati għall-għajnuna legali huma eżentati sakemm ikunu jistgħu juru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għajnuna legali stipulati fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

Kemm ikolli nħallas?

Fil-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea, għandu jitħallas ammont fiss ta' EUR 100 flimkien ma' ammont varjabbli li jiddependi mill-ammont pretiż u li jinkiseb bl-applikazzjoni tar-rata applikabbli mal-bażi tat-taxxa skont it-tabella li ġejja:

Bażi tat-taxxa

Persuna taxxabbli

Rata tat-taxxa

Ammont varjabbli massimu tar-rata

Minn €0 sa €1 000 000

Entità ġuridika

0,50 %


Minn €1 000 000

Entità ġuridika

0,25 %

€10 000

L-ammont taxxabbli huwa l-ammont tal-proċedura ġudizzjarja. Għall-proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea, l-ammont tal-proċedura ġudizzjarja huwa l-ammont tat-talba prinċipali flimkien mal-imgħax u l-penali kuntrattwali.

Għal proċedura tal-ordni ta' ħlas Ewropea ta' EUR 9 000 li tinvolvi entità ġuridika, it-tariffa tkun EUR 100 + EUR 9 000 x 0,50 % = EUR 145.

X'jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi ġudizzjarji fil-ħin?

Jekk ma tiġix ipprovduta prova tal-ħlas mill-bidu nett, l-avukat tal-ġudikatura (Letrado de la Administración de Justicia) jitlob lill-kontribwent jipprovdi dik il-prova u ma jipproċessax il-formola tat-talba qabel ma jirċeviha. In-nuqqas mill-preżentazzjoni tal-prova tal-ħlas ma jipprevjenix l-applikazzjoni tal-limiti taż-żmien stipulati fil-leġiżlazzjoni proċedurali, jiġifieri jekk il-ħlas jibqa' ma jsirx wara t-talba mill-avukat, l-att proċedurali ma jitħalliex jipproċedi u l-proċedimenti jitkomplew jew jingħalqu, skont kif ikun applikabbli.

Kif nista' nħallas?

Il-ħlas irid isir permezz tal-proċedura ta' awtovalutazzjoni qabel il-preżentata tal-att proċedurali mill-parti rilevanti. Il-ħlas għandu jsir permezz tal-formola uffiċjali 696 għall-awtovalutazzjoni tat-tariffa għall-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja, li trid timtela kif ġej (agħfas hawn), jew permezz ta' applikazzjoni li tiġi ġġenerata ladarba tiddaħħal id-dejta (agħfas hawn). Il-ħlas jista' jsir personalment f'kull waħda mill-aġenziji għall-ħlas. Il-formola hija bl-Ispanjol jew bl-Ingliż.

Għalissa, il-ħlas onlajn jista' jsir biss minn impriżi kbar, permezz ta' trasferiment bankarju, karta ta’ kreditu, ħlas mill-kont bankarju, eċċ., peress li l-leġiżlazzjoni dwar it-tariffi ġiet emendata reċentement u għad ma hemmx soluzzjoni teknika fis-seħħ.

It-tariffi tal-qorti huma inklużi fl-għajnuna legali, li hija rregolata fil-Liġi 1/1996 tal-10 ta' Jannar 1996 dwar l-għajnuna legali (Ley 1/1996, de 10 de enero, de asistencia jurídica gratuita), partikolarment fl-Artikoli 1-8 u 46-51.

L-informazzjoni rilevanti tinstab fis-sit https://www.abogacia.es/servicios/ciudadanos/servicios-de-orientacion-juridica-gratuita, fejn tista' tapplika għall-għajnuna legali. Agħżel il-Kamra tal-Avukati (Colegio de Abogados) li tinsab fil-post fejn hemm il-qorti li tittratta l-kwistjoni.

Xi rrid nagħmel wara li nħallas?

Il-Formola A trid tkun akkumpanjata bi prova tal-ħlas tat-tariffa skont il-formola uffiċjali (fuq karta jew elettronika), ivvalidata kif suppost.

Għalissa għadu mhux possibbli fi Spanja li tibgħat formoli tal-ordni ta' ħlas Ewropea elettronikament. Prova ta' ħlas (sew jekk fuq karta u sew jekk elettronika) għandha tintbagħat fuq karta flimkien mad-dokumentazzjoni meħtieġa l-oħra.

Ladarba jkun hemm il-possibbiltà ta' preżentata elettronika, ikun hemm tnaqqis ta’ 10 % tat-tariffa meta tintuża din il-possibbiltà. Il-liġi tistipula rimborż ta' 60 % tat-tariffa fil-każ ta' ftehim jew aċċettazzjoni tat-talba li ttemm it-tilwima.

L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.