Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura tal-ħlas Ewropea

Ungerija

Il-kontenut ipprovdut minn
Ungerija

Introduzzjoni

Liema tariffi huma applikabbli?

Kemm se nħallas?

X’jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qorti fil-ħin?

Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?

X’għandi nagħmel wara l-ħlas?

Introduzzjoni

Fil-proċeduri għal Ordni ta’ Ħlas Ewropea li jinbdew fl-Ungerija, trid titħallas tariffa għall-proċedura notarili sabiex pretensjoni finanzjarja mhux kontestata tiġi eżegwita skont ir-Regolament (KE) 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea, li l-ammont tagħha huwa stabbilit bl-Att L tal-2009 dwar il-proċeduri tal-ordni ta’ ħlas u d-Digriet Nru 14/1991 tas-26 ta’ Novembru 1991 tal-Ministru għall-Ġustizzja dwar it-tariffi notarili. Skont dawn ir-regoli, trid titħallas tariffa notarili ta’ 3% tal-valur tal-pretensjoni meta tinbeda l-proċedura. Ir-rikorrent jista’ jagħżel li jħallas b’kontanti jew permezz tal-karta tal-kreditu/tad-debitu fl-uffiċċju tan-nutar, jew permezz ta’ trasferiment fil-kont bankarju tan-nutar, jew permezz ta’ ordni postali.

Liema tariffi huma applikabbli?

Meta tinbeda l-proċedura trid titħallas tariffa notarili.

Kemm se nħallas?

L-ammont tat-tariffa notarili huwa 3% tal-ammont tal-pretensjoni finanzjarja bl-esklużjoni tal-imposti (imgħax, spejjeż); għal diversi pretensjonijiet, it-tariffa notarili hija 3% tas-somma tal-ammonti, iżda minn tal-anqas HUF 5 000 u mhux aktar minn HUF 300 000. Jekk ikunu involuti aktar minn ħames persuni fil-proċedura, it-tariffa minima hija HUF 1000 immultiplikata bl-għadd tal-partijiet. Jekk il-pretensjoni finanzjarja tkun f’denominazzjoni li mhijiex HUF, it-tariffa trid titħallas għall-ekwivalenti f’HUF tal-pretensjoni – kkalkulata abbażi tar-rata tal-kambju uffiċjali tal-bank ċentrali ta’ dakinhar li ssir it-talba.

X’jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qorti fil-ħin?

Jekk ir-rikorrent ma jħallasx it-tariffa notarili meta tinbeda l-proċedura, in-nutar li jipproċedi jitlob lir-rikorrent iħallas it-tariffa notarili. Jekk ir-rikorrent jonqos milli jikkonforma mat-talba sal-iskadenza mogħtija, in-nutar jiċħad it-talba.

Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qorti?

Ir-rikorrent jista’ jagħżel kwalunkwe wieħed mill-modi elenkati hawn taħt biex iħallas it-tariffi notarili:

  1. Il-ħlas jista’ jsir f’kontanti lin-nutar li jipproċedi.
  2. Il-ħlas jista’ jsir permezz ta’ ordni postali provduta min-nutar lill-kont ta’ ħlas tan-nutar li jipproċedi fi kwalunkwe uffiċċju tal-posta.
  3. Il-ħlas jista’ jsir permezz ta’ trasferiment fil-kont tal-bank tan-nutar.
  4. Jekk ikun hemm il-faċilitajiet adegwati disponibbli fl-uffiċċju tan-nutar li jipproċedi, il-ħlas jista’ jsir permezz tal-karta tal-kreditu/tad-debitu.

X’għandi nagħmel wara l-ħlas?

Jekk it-tariffa tan-nutar titħallas f’kontanti jew permezz tal-karta tal-kreditu/tad-debitu fl-uffiċċju tan-nutar, ir-rikorrent mhuwiex obbligat li jipprovdi prova ta’ ħlas.

Jekk ir-rikorrent iħallas it-tariffa tan-nutar permezz ta’ ordni postali, ir-riċevuta li sservi ta’ prova tal-ħlas trid tinhemeż mat-talba għal Ordni ta' Ħlas Ewropea.

Jekk it-tariffa tan-nutar titħallas permezz ta’ trasferiment fil-kont tal-bank tan-nutar, jeħtieġ li mat-talba għal Ordni ta' Ħlas Ewropea jinhemeż rendikont tal-bank tal-ġurnata jew kopja tiegħu, li jipprova li l-ammont ikun ġie ddebitat.

L-aħħar aġġornament: 03/04/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna