Tariffi tal-qorti dwar il-proċedura tal-ħlas Ewropea

Bulgarija

Il-kontenut ipprovdut minn
Bulgarija

Dħul

Liema tariffi huma applikabbli?

Kemm se nħallas?

X’jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qrati fil-ħin?

Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qrati?

X’nagħmel wara l-ħlas?

Dħul

Id-dispożizzjonijiet dwar il-ħlas tat-tariffi tal-qrati u l-ispejjeż fi proċedimenti ċivili, inkluż fil-proċedura ta’ Ordni ta’ Ħlas Ewropea, huma stabbiliti rispettivament fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u fl-Iskeda ta’ tariffi tal-istat miġbura mill-qrati skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (GPK).

Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

“Kapitolu Tmienja. Tariffi u Spejjeż, Taqsima I — Spiża tal-kawża

Spiża tal-kawża
Artikolu 68. Il-valur monetarju tas-suġġett tal-każ għandu jkun l-ispiża tal-kawża.

Spiża tal-kawża
Artikolu 69. (1) L-ammont tal-ispiża tal-kawża għandu jkun:
1. f’kawżi li jikkonċernaw talbiet monetarji: is-somma mitluba;

Determinazzjoni tal-ispiża tal-kawża
Artikolu 70. (1) L-ispiża tal-kawża għandha tiġi speċifikata mir-rikorrent. L-ispiża tal-kawża tista’ tiġi kkontestata jew mill-konvenut jew mill-qorti, li taġixxi ex officio, mhux aktar tard mill-ewwel seduta ta’ smigħ għall-eżami tal-każ. F’każ ta’ diskrepanza bejn l-ispiża indikata u l-ispiża reali, il-qorti għandha tiddetermina l-ispiża tal-kawża.
(2) Id-deċiżjoni tal-qorti li żżid l-ispiża tal-kawża għandha tkun soġġetta għal kontestazzjoni permezz ta’ appell inċidentali.
(3) Fejn l-ispiża ta’ kawża hija diffiċli li ssir valutazzjoni tagħha fiż-żmien meta titressaq il-kawża, spiża approssimattiva ta’ kawża għandha tiġi ddeterminata mill-qorti u għandha sussegwentement tiġi imposta tariffa addizzjonali jew għandha tiġi imposta tariffa żejda li tkun tiddependi fuq l-ispiża li tiġi ddeterminata mill-qorti meta tkun qed tagħti d-deċiżjoni tagħha.

Taqsima II. Tariffi u spejjeż tal-Istat

Min hu responsabbli mill-ħlas tat-tariffi u tal-ispejjeż
Artikolu 71. (1) It-tariffi tal-Istat għall-ispejjeż tal-kawża u għall-ispejjeż legali għandhom jinġabru għall-ipproċessar tal-każ. Fejn il-kawża ma tkunx tista’ tiġi vvalutata, l-ammont tat-tariffi tal-Istat għandu jiġi ddeterminat mill-qorti.
Tariffi tal-Istat
Artikolu 73. (3) Id-drittijiet tal-Istat għandhom jinġabru, skont skeda adottata mill-Kunsill tal-Ministri, meta tiġi ppreżentata mozzjoni għal protezzjoni jew faċilitazzjoni u meta jinħareġ id-dokument li għalih titħallas tariffa.

Annessi għar-rikors
Artikolu 128. Is-segwenti għandhom jiġu ppreżentati ma’ rikors:
1. il-prokura, fejn id-dikjarazzjoni hija ppreżentata minn prokuratur;
2. dokumenti ta’ prova ta’ ħlas ta’ tariffi u spejjeż tal-Istat, fejn tali imposti u spejjeż huma dovuti;
3. kopji tar-rikors u tal-annessi tiegħu skont l-għadd ta’ imputati.

Verifika tar-rikors
Artikolu 129. (1) Il-qorti għandha tivverifika l-konformità tar-rikors.
(2) Fejn ir-rikors ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 127(1) u l-Artikolu 128, ir-rikorrent għandu jingħata struzzjonijiet biex jirrimedja n-nuqqasijiet ta’ konformità fi żmien ġimgħa u jkun infurmat dwar il-possibbiltà li juża l-għajnuna legali, jekk ir-rikorrent ikollu bżonn u jkun intitolat għal tali għajnuna. Meta l-indirizz tar-rikorrent ma jiġix iddikjarat u ma jkunx magħruf mill-qorti, il-komunikazzjoni għandha ssir permezz ta’ twaħħil ta’ avviż f’post magħżul għal dan il-għan mill-qorti għal ġimgħa waħda.
(3) Fejn ir-rikorrent jonqos milli jirrimedja għan-nuqqasijiet ta’ konformità, ir-rikors u l-annessi mehmuża għandhom jintbagħtu lura, u fejn l-indirizz mhux magħruf, ir-rikors għandu jibqa’ fl-uffiċċju tal-qorti għad-dispożizzjoni tar-rikorrent. Jista’ jitressaq appell inċidentali mir-ritorn tar-rikors mingħajr ma tiġi ppreżentata kopja għan-notifika.”

Skeda ta’ tariffi tal-istat miġbura mill-qrati skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili
“Taqsima I
Imposti Miġbura fi proċedimenti tal-qrati
l-Artikolu 1. Tariffa ta’ 4% tal-ispiża tal-kawża iżda ta’ mhux inqas minn BGN 50 għandha tinġabar għal rikors, replika jew rikors minn parti terza bi drittijiet indipendenti.

13. Imposti fl-ammonti li ġejjin għandhom jinġabru għall-ħruġ ta’ ċertifikat:
2. ċertifikat dwar il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Ħlas Ewropea u dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà: BGN 40;”

It-tariffi legali jitħallsu biss permezz ta’ trasferiment bankarju għal kont tal-qorti.

Liema tariffi huma applikabbli?

It-tariffi tal-Istat jinġabru meta titressaq l-kawża. Ir-rikorrent irid jakkumpanja r-rikors b’evidenza dokumentata tal-ħlas ta’ kwalunkwe tariffa u spiża tal-Istat dovuti.

Kemm se nħallas?

Għal rikors għal Ordni ta’ Ħlas Ewropea u għal dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà: BGN 40.
It-tariffa tal-qorti għal rikors, replika jew rikors minn parti terza bi drittijiet indipendenti fi proċedimenti ċivili standard hija 4% tal-ispiża ta’ kawża iżda mhux inqas minn BGN 50. L-ammont tal-ispiża tal-kawża f’kawżi għal talbiet monetarji huwa s-somma mitluba. Fil-każ ta’ oġġezzjoni għar-rikors għal ordni ta’ ħlas u kunsens espliċitu għal bidla għall-proċedimenti f’kawża standard, ir-rikorrent irid jikkredita l-kont tal-qorti bil-bilanċ tat-tariffa għal kawża standard.

X’jiġri jekk ma nħallasx it-tariffi tal-qrati fil-ħin?

Jekk ir-rikorrent ma jakkumpanjax ir-rikors bi prova dokumentata tal-ħlas tat-tariffi tal-istat dovuti meta titressaq l-kawża, ir-rikors jitqies bħala irregolari. F’każijiet bħal dawn, il-qorti tibgħat komunikazzjoni lir-rikorrenti li tordnalhom iħallsu t-tariffi fi żmien ġimgħa. Meta l-indirizz tar-rikorrent ma jiġix iddikjarat u ma jkunx magħruf mill-qorti, il-komunikazzjoni ssir permezz ta’ twaħħil ta’ avviż f’post magħżul għal dan il-għan mill-qorti għal ġimgħa waħda.
Fejn ir-rikorrent jonqos milli jħallas it-tariffi tal-qorti dovuti fiż-żmien stipulat ta’ ġimgħa, ir-rikors u d-dokumenti jiġu ritornati, u fejn l-indirizz mhux magħruf, ir-rikors jibqa’ fir-reġistru tal-qorti għad-dispożizzjoni tar-rikorrent. F’każijiet bħal dawn, il-każ jiġi miċħud.

Kif nista’ nħallas it-tariffi tal-qrati?

It-tariffi tal-qorti jitħallsu biss permezz ta’ trasferiment bankarju għal kont tal-qorti, u d-dokument ta’ pagament irid jiġi ppreżentat lill-imħallef/lill-qorti li j/teżamina l-każ permezz tar-reġistru tal-qorti. It-tariffa legali ma tistax titħallas fi flus lill-kaxxier tal-qorti. Kull qorti jkollha kuntratt ma’ bank li jipprovdi servizzi lill-qorti. Il-kontijiet tal-bank jinsabu fuq is-sit web uffiċjali tal-qorti.

X’nagħmel wara l-ħlas?

It-tariffi tal-qorti jitħallsu biss permezz ta’ trasferiment bankarju għal kont tal-qorti, u d-dokument ta’ pagament irid jiġi ppreżentat lill-imħallef/lill-qorti li j/teżamina l-każ permezz tar-reġistru tal-qorti.

L-aħħar aġġornament: 27/02/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.