Sib informazzjoni għal kull reġjun
B’mod ġenerali, skont il-Kodiċi tal-Avukati tal-Awstrija (Rechtsanwaltsordnung), it-tariffi li jridu jitħallsu lill-avukati għas-servizzi mogħtija jistgħu jsiru bi qbil liberu bejn l-avukat u l-klijent.
It-tariffi jistgħu jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ rata fis-siegħa jew ta’ tariffa b’rata fissa. Tariffa b’rata fissa ma tvarjax skont is-servizzi individwali mogħtija jew l-ammont ta’ ħin involut. Jekk ma tiġi stabbilita l-ebda tariffa espressament, jitqies li l-qbil ikun għal livell raġonevoli ta’ rimunerazzjoni fuq il-bażi tal-iskali ta’ tariffi stabbiliti fl-Att dwar l-Iskali tat-Tariffi Legali (Rechtsanwaltstarifsgesetz) jew fil-Kriterji Ġenerali tat-Tariffi tal-Avukati (Allgemeinen Honorar-Kriterien für Rechtsanwälte).
Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tal-Awstrija (Zivilprozessordnung – ZPO) u l-Att dwar l-Iskali tat-Tariffi Legali jistipulaw li fi proċedimenti ċivili l-qorti trid tiddetermina s-sehem mill-ispejjeż li l-parti telliefa trid tħallas lura lill-parti rebbieħa. Dawn l-ispejjeż huma bbażati fuq il-valur tat-tilwima u fuq it-tul u n-natura tas-servizz ipprovdut.
Fi proċedimenti kriminali, ir-regola ġenerali hija li kwalunkwe persuna li tqabbad avukat biex jaġixxi f’isimha (l-akkużat, parti li tmexxi prosekuzzjoni privata, jew parti li titlob li tgħaqqad talba ċivili mal-proċedimenti kriminali) trid iġġarrab ukoll l-ispejjeż li jirriżultaw. Dan huwa wkoll il-każ meta l-avukat tad-difiża jinħatar mill-qorti, sakemm ma jiġux issodisfati l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna legali. L-ispejjeż ivarjaw regolarment skont it-tip u l-kompożizzjoni tal-qorti involuta (eż. qorti distrettwali, qorti reġjonali bi mħallef wieħed, qorti b’assessuri mhux ġejjin mill-qasam tal-liġi, jew qorti b’ġurija).
Ir-rimunerazzjoni li jirċievu l-marixxalli tal-qorti (Gerichtsvollzieher) għall-attivitajiet tagħhom hija stabbilita fl-Att dwar it-Tariffi ta’ Eżekuzzjoni (Vollzugsgebührengesetz). B’mod speċifiku, il-liġi tipprevedi tariffa ta’ eżekuzzjoni li l-kreditur attur ikollu jħallas meta tiġi ppreżentata t-talba għall-eżekuzzjoni, flimkien ma’ tariffa b’rata fissa kif stabbilit fl-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (Gerichtsgebührengesetz -GGG).
It-tariffa ta’ eżekuzzjoni (l-Artikolu 2 l-Att dwar it-Tariffi ta’ Eżekuzzjoni) tifforma parti mill-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni. Meta tiddeċiedi fuq l-ispejjeż, il-qorti tista’ tordna lid-debitur jirrimborża t-tariffa tal-eżekuzzjoni jekk il-kreditur jitlob li jsir hekk.
Il-marixxall huwa wkoll intitolat għal rimunerazzjoni biex jirċievi pagamenti. Dan jista’ jitnaqqas mill-ammont miġbur (l-Artikolu 11 l-Att dwar it-Tariffi ta’ Eżekuzzjoni).
Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti ċivili
It-tariffi tal-qorti li jridu jitħallsu għall-użu tas-servizzi tal-qrati jieħdu l-forma jew ta’ tariffa fissa jew ta’ tariffa proporzjonali tal-bażi tal-valutazzjoni. L-ammont jiddependi min-natura tal-każ u mill-valur tat-tilwima (li tiġi ddeterminata mill-valur monetarju tat-talba) u mill-għadd ta’ partijiet. Għal aktar minn żewġ partijiet, jista’ jiġi applikat ħlas addizzjonali għal partijiet multipli, f’konformità mal-Artikolu 19a tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (minn 10–50 %).
L-istadju tal-proċediment ċivili meta jridu jitħallsu l-ispejjeż fissi
Għall-proċedimenti ċivili fl-ewwel istanza trid titħallas tariffa b’rata fissa meta tiġi ppreżentata t-talba. It-tariffa trid titħallas darba biss, irrispettivament mill-progress tal-proċedimenti f’dan l-istadju u irrispettivament minn jekk il-kawża jkunx fiha aktar minn pretensjoni waħda jew tkunx relatata ma’ aktar minn persuna waħda, u tkoprix il-proċedimenti kollha fl-ewwel istanza. Jekk l-eżenzjoni mitluba tiġi estiża matul il-proċedimenti, jistgħu jiġġarrbu tariffi addizzjonali. Dawn ikollhom jitħallsu meta jiġu ppreżentati s-sottomissjonijiet bil-miktub. Meta l-eżenzjoni mitluba tiġi estiża waqt seduta, it-tariffa tkun dovuta meta tiġi rreġistrata. Fit-tieni jew fit-tielet istanza, it-tariffa jkollha titħallas meta jiġi ppreżentat l-avviż ta’ appell (l-Artikolu 2(1) tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti). Eċċezzjonalment, fi proċedimenti ta’ ġuriżdizzjoni volontarja, xi kultant tkun trid titħallas tariffa tad-deċiżjoni minflok tariffa tal-pretensjoni.
Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kriminali
Għandha titħallas tariffa skont il-Punt 13 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti fil-każ ta’ prosekuzzjoni privata biss.
L-istadju tal-proċediment kriminali meta jridu jitħallsu spejjeż fissi
L-ispejjeż fissi jridu jitħallsu fil-bidu tal-proċedimenti, u meta jiġi ppreżentat l-avviż tal-appell.
Spejjeż fissi għall-partijiet fi proċedimenti kostituzzjonali
Skont l-Artikolu 17a(1) tal-Att dwar il-Qorti Kostituzzjonali (Verfassungsgerichtshofgesetz – VfGG), it-tariffa hija ta’ EUR 220.
L-istadju tal-proċediment kostituzzjonali meta jridu jitħallsu spejjeż fissi
L-ispejjeż fissi jridu jitħallsu fil-bidu tal-proċedimenti.
F’termini ġenerali, l-avukat għandu l-obbligu li jinforma lill-klijent tiegħu dwar kif se jiġu kkalkulati t-tariffi u xi spejjeż jista’ jistenna l-klijent.L-Artikolu 50(2) tal-Linji Gwida dwar ix-Xogħol tal-Avukat u s-Superviżjoni tal-Obbligi tal-Avukati (Richtlinien für die Ausübung des Rechtsanwaltsberufs und für die Überwachung der Pflichten des Rechtsanwalts – RL-BA) jirrakkomanda li meta avukat jieħu każ ġdid, huwa għandu jinforma lill-klijent dwar il-bażi għall-kalkolu tat-tariffa li jkollu jħallas u dwar l-intitolament tal-avukat għal ħlasijiet interim. Sakemm ma jkunx hemm qbil dwar tariffa b’rata fissa, il-klijent ikun intitolat jitlob, f’intervalli raġonevoli, rendikont interim jew dikjarazzjoni tas-servizzi diġà mogħtija, jew, meta tkun ġiet maqbula tariffa bbażata fuq il-ħin, dikjarazzjoni tal-ħin imqatta’ fuq il-każ. Bl-istess mod, qabel ma jitqabbad avukat, għandu jkun hemm qbil dwar il-bidu u l-frekwenza tal-ħlasijiet interim.
Ir-regoli statutorji dwar ir-responsabbiltà għall-ispejjeż fi proċedimenti ċivili kontenzjużi (inklużi kwistjonijiet kummerċjali) jinsabu fl-Artikoli 40–55 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Proċedimenti ta’ ġuriżdizzjoni volontarja (pereżempju proċedimenti relatati ma’ kwistjonijiet tal-familja, b’mod partikolari divorzju kunsenswali, jew tilwim dwar kustodja, drittijiet ta’ aċċess jew talbiet ta’ manteniment) huma soġġetti għal regoli separati dwar ir-responsabbiltà għall-ispejjeż. Ir-regoli ġenerali huma stabbiliti fl-Artikolu 78 tal-Att dwar il-Proċedimenti ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja (Außerstreitgesetz – AußStrG). Japplikaw xi eċċezzjonijiet għal dawn ir-regoli ġenerali, fost l-oħrajn, fi proċedimenti relatati ma’ tilwim dwar il-kustodja u l-aċċess u proċedimenti dwar talbiet ta’ manteniment għall-minuri. L-ispejjeż fil-proċedimenti kriminali huma rregolati mill-Artikoli 380-395 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Awstrija (Strafprozessordnung – StPO). It-tariffi tal-qorti (tariffi b’rata fissa) huma stabbiliti fl-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti.
Deskrizzjoni tat-tariffi li l-avukati huma intitolati jżommu tingħata f’fuljett ta’ informazzjoni online fil-paġna ewlenija tal-Kamra tal-Avukati Awstrijaka (Österreichischer Rechtsanwaltskammertag). Informazzjoni ġenerali tista’ tinkiseb ukoll mill-paġna ewlenija tal-HELP - Amtshelfer für Österreich fil-ħolqa: Leben in Österreich > Zivilrecht > Zivilverfahren.
Dan is-sit web HELP - Amtshelfer für Österreich jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar it-tariffi tal-qorti. It-testi tal-liġijiet (bħalma huma l-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti u r-regoli dwar l-iskali tat-tariffi) jistgħu jiġu aċċessati bla ħlas mis-Sistema ta’ Informazzjoni Legali tar-Repubblika tal-Awstrija (Rechtsinformationssystem des Bundes) fil-paġna ewlenija tal-Uffiċċju tal-Kanċillier Federali (Bundeskanzleramt).
Bil-Ġermaniż.
Lista ta’ medjaturi (miżmuma mill-Ministeru tal-Ġustizzja Awstrijak) hija disponibbli għall-pubbliku ġenerali minn paġna web iddedikata għall-medjazzjoni.
Fir-rigward ta’ ġustizzja restorattiva fi proċedimenti kriminali, l-informazzjoni dwar il-medjazzjoni bejn l-akkużat u l-vittma hija tinsab fil-paġna ewlenija ta’ NEUSTART (bl-Ingliż ukoll).
Informazzjoni ġenerali dwar is-sistema ġudizzjarja Awstrijaka, l-ispejjeż legali u l-Ministeru Federali tal-Ġustizzja jinsabu fis-sit web tal-Ġustizzja tal-Awstrija u fis-sit web tal-HELP - Amtshelfer für Österreich, li jipprovdi informazzjoni faċli biex tinqara.
Is-Sistema ta’ Informazzjoni Legali tar-Repubblika tal-Awstrija tipprovdi t-test tal-liġijiet li ġejjin:
It-test tal-Kriterji Ġenerali tat-Tariffi tal-Avukati (Allgemeine Honorar-Kriterien für Rechtsanwälte – AHK) jinsab fil-portal tal-Kamra tal-Avukati Awstrijaka.
Jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Ministeru tal-Ġustizzja Awstrijak direttament għal dan it-tip ta’ informazzjoni.
It-tariffi tal-qorti pagabbli għal kull tip ta’ proċediment jiġu stabbiliti minn qabel (mill-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti). Dawn jistgħu jinbidlu jekk il-valur tat-tilwima jitla’ jew jinżel. Fi proċedimenti ċivili, il-qorti tiddetermina liema tariffi u spejjeż (tariffi tal-avukati, tariffi tal-esperti, spejjeż ta’ interpretazzjoni/traduzzjoni) għandhom jitħallsu mill-parti telliefa lill-parti rebbieħa. Il-qorti tiddeċiedi abbażi tal-Att dwar l-Iskali tat-Tariffi Legali (għat-tariffi tal-avukati) u l-Att dwar id-Drittijiet tat-Tariffi (għal spejjeż ta’ esperti u interpreti/tradutturi). L-ispejjeż ikunu fil-biċċa l-kbira bbażati fuq in-nefqa involuta u fuq il-ħin meħud. Għalhekk, ma tistax tingħata ċifra speċifika minn qabel. Fil-prinċipju, it-tariffa li trid titħallas mill-klijent lill-avukat tista’ tiġi miftiehma liberament bejniethom.
Is-servizzi tal-avukati huma soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Il-VAT fl-Awstrija hija ta’ 20%. Bħall-ispejjeż l-oħrajn, dan irid jitħallas mill-avukati separatament, kif stipulat fl-Artikolu 16 tal-Att dwar l-Iskali tat-Tariffi Legali u l-Artikolu 17 tal-Kriterji Ġenerali tat-Tariffi tal-Avukati. L-iskali ta’ tariffi stabbiliti fl-Att dwar l-Iskali tat-Tariffi Legali u l-Kriterji Ġenerali tat-Tariffi ma jinkludux it-taxxa fuq il-valur miżjud.
L-eliġibbiltà għall-għajnuna legali (Verfahrenshilfe) mhix ibbażata fuq limitu ta’ dħul statutorju. Fi proċedimenti ċivili (u fi kwistjonijiet kummerċjali), l-għajnuna legali hija rregolata mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tal-Awstrija. Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili japplikaw mutatis mutandis fi proċedimenti ta’ ġuriżdizzjoni volontarja. Id-deċiżjoni li tingħata għajnuna legali tittieħed mill-qorti tal-ewwel istanza.
L-għajnuna legali tingħata lil parti biss jekk id-dħul tagħha, iċ-ċirkostanzi finanzjarji u l-obbligi ta’ manteniment ikunu tali li ma tkunx tiflaħ tħallas l-ispiża tal-proċedimenti legali mingħajr ma tieħu mil-livell ta’ riżorsi meħtieġa biex jinżamm standard tal-għajxien modest. L-għajnuna legali ma għandhiex tingħata jekk l-azzjoni legali jew id-difiża tkun jidher li tkun manifestament vessatorja jew nieqsa minn kwalunkwe prospett li tirnexxi. Il-qorti tiddeċiedi liema mill-benefiċċji elenkati hawn taħt iridu jingħataw f’kull każ individwali.
Fl-Awstrija, l-għajnuna legali tista’ tinkludi:
Fi żmien tliet snin wara li l-proċedimenti jkunu ġew konklużi, il-partijiet li jirċievu l-għajnuna legali jistgħu jkunu meħtieġa jħallsu lura s-somma, kollha kemm hi jew parti minnha, jekk il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom tinbidel u issa jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu dawk il-ħlasijiet mingħajr ma jieħdu mil-livell meħtieġ ta’ riżorsi tagħhom.
Ma jintuża l-ebda limitu finanzjarju fiss biex jiġi ddeterminat jekk l-akkużat, il-vittma tar-reat jew l-attur fi proċedimenti ċivili jkunx intitolat għal għajnuna legali. Manteniment ogħla mill-paga minima għall-għajxien u taħt il-livell ta’ manteniment xieraq huma l-kriterji ta’ gwida. Il-paga minima għall-għajxien tiġi evalwata mill-ġdid b’mod regolari u r-rata attwali tiġi ppubblikata fis-sit web tal-Ġustizzja Awstrijaka.
Meta ma jkun hemm l-ebda dritt għal assistenza ġudizzjarja (Prozessbegleitung) skont l-Artikolu 66(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali tal-Awstrija (Strafprozessordnung – StPO), attur fi proċedimenti ċivili jkun intitolat għal għajnuna legali jekk
Minbarra l-kundizzjonijiet finanzjarji, l-għajnuna legali trid tkun fl-interess tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u speċjalment fl-interessi tad-difiża xierqa.
L-ingaġġar ta’ avukat tad-difiża fi kwalunkwe każ jitqies li huwa fl-interess tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja meta
F’każijiet ta’ difiża imperattiva, l-akkużat irid ikun irrappreżentat minn avukat tad-difiża. L-Artikolu 61(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jagħti lista eżawrjenti tal-każijiet meta d-difiża tkun imperattiva, kif stabbilit mil-liġi:
Sabiex jiġu protetti d-drittijiet ta’ vittma fi proċedimenti kriminali, tista’ tingħata assistenza psikosoċjali jew assistenza ġudizzjarja mingħajr ħlas, jekk tintalab, għall-vittmi ta’ atti vjolenti, theddid perikoluż jew reati sesswali, u l-konjuġi, sieħeb, qarib fil-linja diretta jew l-aħwa ta’ persuna li l-mewt tagħha setgħet ġiet ikkawżata minn reat kriminali, jew qraba oħra li kienu xhieda tar-reat kriminali. Il-vittmi ta’ reati sesswali taħt l-14-il sena huma intitolati għal assistenza mingħajr ħlas fil-każijiet kollha, mingħajr ma jkollhom għalfejn jitolbuha. L-assistenza psikosoċjali tkopri t-tħejjija tal-vittma għall-proċedimenti u għall-piż emozzjonali kkawżat mill-proċedimenti. Assistenza psikosoċjali u ġudizzjarja tingħata minn organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi ikkuntrattati mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 66 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.
Fi proċedimenti ta’ ġuriżdizzjoni volontarja, ma tkun dovuta l-ebda tariffa għall-ħatra ta’ fiduċjarju (Sachwalter) jew fi proċedimenti dwar kustodja u aċċess. Ma tkun dovuta l-ebda tariffa lanqas għal proċedimenti skont l-Att dwar it-Tqegħid f’Istituzzjoni (Unterbringungsgesetz) jew l-Att dwar il-Kura Residenzjali (Heimaufenthaltsgesetz). Meta parti jkollha dħul baxx u assi limitati, fir-rigward tat-tariffi li jridu jitħallsu, l-għajnuna legali tista’ tingħata fil-forma ta’ eżenzjoni proviżorja mit-tariffi. L-iskala tal-eżenzjoni mogħtija tiddependi mit-talba u hija fid-diskrezzjoni tal-qorti.
L-ispejjeż fi proċedimenti ċivili (inklużi f’kawżi kummerċjali), huma rregolata mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tal-Awstrija. Dan jipprevedi li, b’mod ġenerali, kull parti trid inizjalment tħallas l-ispejjeż imġarrba mill-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedimenti. Spejjeż imġarrbin b’mod reċiproku inizjalment iridu jinqasmu b’mod ugwali bejn il-partijiet. Meta l-qorti tiddeċiedi l-kawża hija tagħti ordni dwar l-ispejjeż. Il-prinċipju huwa li l-ispejjeż ikunu konċessi lill-parti rebbieħa. Parti li titlef kawża f’kull mod trid tikkumpensa lill-parti l-oħra għat-tariffi u l-ispejjeż kollha meħtieġa għall-prosekuzzjoni xierqa jew għad-difiża tal-kawża. Jekk il-partijiet ikunu rnexxew f’xi wħud mit-talbiet tagħhom u ma rnexxewx f’oħrajn, l-ispejjeż jitpaċew jew jinqasmu proporzjonalment.
Tbegħid mill-prinċipju li l-ispejjeż jingħataw lill-parti rebbieħa jkun iġġustifikat f’ċerti każijiet:
Kwistjonijiet tad-dritt tal-familja (manteniment, drittijiet ta’ aċċess u proċedimenti ta’ kustodja u divorzju kunsenswali) jiġu ttrattati fi proċedimenti ta’ ġuriżdizzjoni volontarja. Ir-regoli ġenerali dwar l-ispejjeż fi proċedimenti ta’ ġuriżdizzjoni volontarja jinsabu fl-Artikolu 78 tal-Att dwar il-Proċedimenti ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja. Iżda hemm eċċezzjonijiet għal dawn ir-regoli għal ħafna tipi ta’ proċedimenti. Hawnhekk ukoll, normalment japplika l-prinċipju li jenħtieġ li l-ispejjeż jingħataw lill-parti rebbieħa, iżda jistgħu jingħataw b’mod differenti għal raġunijiet ta’ ekwità. Jekk ma jintalab l-ebda kumpens, spejjeż mill-but (eż. tariffi għall-esperti) iridu jitħallsu b’mod proporzjonali mas-sehem fil-każ. Jekk dan is-sehem ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat, iridu jinqasmu b’mod ugwali.
Dettalji għat-tipi varji ta’ proċediment (manteniment, drittijiet ta’ aċċess u proċedimenti ta’ kustodja u divorzju):
Divorzju kkontestat: Id-dispożizzjonijiet speċjali tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tal-Awstrija japplikaw għad-divorzji kkontestati. Jekk l-ebda waħda mill-partijiet ma tinstab li taħti għad-divorzju, l-ispejjeż jitpaċew. Jekk ir-raġuni għad-divorzju tkun it-tkissir taż-żwieġ, u jekk is-sentenza jkun fiha deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà għat-tqassim, il-parti ħatja trid tħallas l-ispejjeż l-oħra.
Divorzju kunsenswali: Ir-regoli dwar il-proċedimenti ta’ ġuriżdizzjoni volontarja japplikaw għad-divorzju b’kunsens reċiproku. F’dan il-każ, il-miżżewġin jissottomettu żewġ talbiet identiċi lill-qorti. Peress li ma hemmx proċedura kontradittorja, ma jkunx hemm lok li jiġu konċessi l-ispejjeż. L-ispejjeż mill-but iridu jitħallsu b’mod ugwali mill-partijiet.
Fil-proċedimenti kriminali, kull persuna li tkun rappreżentata minn avukat difensur jew minn rappreżentant ieħor għandha ġġarrab l-ispejjeż hija stess, anke jekk l-avukat ikun inħatar mill-qorti (l-Artikolu 393(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali).
Sentenza li tikkundanna lill-akkużat trid tordna wkoll lill-akkużat biex iħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali (l-Artikolu 389(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali). Skont l-Artikolu 381(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, fi proċedimenti kriminali jistgħu jiġġarrbu l-ispejjeż li ġejjin:
Bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż elenkati fit-tielet, fis-seba’ u fid-disa’ punti ta’ iktar ’il fuq, dawn l-ispejjeż jitħallsu mill-awtoritajiet federali. Meta tiddeċiedi dwar it-tariffa b’rata fissa skont l-Artikolu 381(1)(9), il-qorti tqis il-kapaċità ekonomika tal-persuna responsabbli. L-ispejjeż għas-servizzi ta’ interpretu ma għandhomx għalfejn jitħallsu lura mill-akkużat.
L-Artikolu 391(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, madankollu, jipprevedi li l-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali jridu jiġu rkuprati mill-persuna kkundannata sakemm dan ma jipperikolax ir-riżorsi meħtieġa għall-persuna kkundannata u għall-familja tagħha biex iżommu livell ta’ għajxien modest jew il-kapaċità tagħhom li jħallsu kumpens għad-dannu kkawżat. Jekk l-ispejjeż ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati minħabba n-nuqqas ta’ mezzi tal-persuna kkundannata, il-qorti tista’ tiddikjara li l-ispejjeż mhumiex irkuprabbli. Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ispejjeż jkunu se jsiru rkuprabbli fil-futur, iżda sa dak il-mument ma jkunux irkuprabbli, il-kapaċità ekonomika tal-persuna kkonċernata trid tiġi rieżaminata wara ċertu perjodu. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni statutorju applikabbli għall-irkupru tal-ispejjeż huwa ta’ ħames snin wara li tkun ingħatat id-deċiżjoni finali fil-proċedimenti. Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-persuna kkundannata jkollha tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti u sussegwentement joħroġ li ma tkunx f’pożizzjoni li dan tagħmlu, l-awtoritajiet jistgħu jestendu l-iskadenza għall-ħlas, jippermettu ħlas bin-nifs, jew inaqqsu l-ispejjeż.
Jekk il-persuna kkundannata tkun obbligata mis-sentenza tal-qorti kriminali li tħallas tal-inqas kumpens parzjali lil parti ċivili, hija għandha tħallas lura wkoll l-ispejjeż imġarrba mill-parti ċivili fil-proċedimenti kriminali.
Skont l-Artikolu 393a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, akkużat illiberat jista’ jitlob kontribuzzjoni mill-awtoritajiet federali għall-ispejjeż tal-avukat tiegħu. Dan ikopri l-infiq monetarju li ikun effettivament sar u ħlas b’rata fissa fir-rigward tal-ispejjeż tal-avukat difensur. Il-ħlas b’rata fissa jiġi ddeterminat fid-dawl tal-grad u tal-kumplessità tad-difiża u tal-ambitu tas-servizzi neċessarji u xierqa pprovduti mill-avukat difensur, u ma jistax jaqbeż l-ammonti li ġejjin: fil-proċedimenti quddiem il-qorti reġjonali b’ġurija, EUR 10 000; fil-proċedimenti quddiem il-qorti reġjonali b’assessuri mhux mill-kamp legali, EUR 5 000; fi proċedimenti quddiem il-qorti reġjonali bi mħallef wieħed, EUR 3 000; u fi proċedimenti quddiem il-qorti distrettwali, EUR 1 000.
Meta proċedimenti kriminali jinbdew permezz ta’ prosekuzzjoni privata jew wara rikors ta’ parti ċivili skont l-Artikolu 72 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, u ma jwasslux għal kundanna, il-persuna li tressaq il-prosekuzzjoni privata jew il-parti ċivili tkun obbligata tħallas l-ispejjeż kollha kkawżati mill-ftuħ jew il-kontinwazzjoni tal-kawża. Jekk il-proċedimenti kriminali jintemmu bi ftehim (Diversion) (l-Artikoli minn 198 sa 209 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), il-parti ċivili ma jkollux għalfejn iħallas l-ispejjeż.
Fi proċedimenti ċivili kontenzjużi (inklużi kawżi kummerċjali), it-tariffi tal-esperti jitpaċew jew jinqasmu b’mod proporzjonat skont il-grad ta’ rebħ jew telf tal-parti (l-Artikolu 43(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).
Fil-proċedimenti tad-divorzju kkontestati meta s-sentenza ma tieħu l-ebda deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà, l-ispejjeż mill-but iridu jitpaċew. Jekk parti minnhom tkun ħallset aktar minn nofs in-nefqa monetarja, il-parti l-oħra trid trodd lura l-eċċess. Iżda jekk wieħed mill-konjuġi jinstab li jkun jaħti, dik il-parti trid tirrimborża t-tariffi tal-espert tal-parti l-oħra.
Fil-proċeduri li ġejjin, it-tariffi ta’ kwalunkwe espert inizjalment imħallsa minn fondi uffiċjali jridu jiġu rrimborżati lill-qorti mill-partijiet li jkunu kkawżawhom jew li l-azzjoni uffiċjali tkun ittieħdet fl-interess tagħhom: proċedimenti ta’ divorzju kunsenswali, proċedimenti ta’ kustodja u ta’ aċċess, u proċedimenti li jikkonċernaw talbiet ta’ manteniment għal tfal taħt l-età. Jekk bosta persuni jkunu obbligati jirrimborżaw l-ispejjeż, huma jkunu responsabbli b’mod konġunt (l-Artikolu 1 (5) tal-Att dwar il-Ħlasijiet tal-Qorti (Gerichtliches Einbringungsgesetz – GEG) flimkien mal-Artikolu 2(1) tal-istess Att).
L-ammont ta’ tariffi tal-esperti huwa rregolat mill-Att dwar id-Drittijiet tat-Tariffi. Kull każ speċifiku jiddependi essenzjalment mill-kontenut u mill-ambitu tar-rapport mitlub mill-qorti.
Fi proċedimenti kriminali, it-tariffi tal-esperti jiffurmaw parti mill-ispejjeż tal-qorti (l-Artikolu 381(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) li skont l-Artikolu 389(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jridu jitħallsu mill-persuna kkundannata. It-tariffi tal-esperti jiġu ddeterminati mill-qorti jew mill-prosekutur pubbliku u jitħallsu mill-awtoritajiet federali.
L-ispjegazzjoni mogħtija hawn fuq tapplika wkoll għat-tariffi tat-tradutturi u tal-interpreti.
Studju dwar it-trasparenza tal-ispejjeż: Ir-rapport tal-pajjiż: L-Awstrija (829 Kb)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.