Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

"Ir-responsabbilta tal-ġenituri” tkopri, fost affarijiet oħra, id-drittijiet u l-obbligi marbutin mal-kura tal-persuna u tal-propertà tal-minuri u tinkludi kwistjonijiet relatati mal-kustodja tal-minuri, fejn jgħixu l-minuri, il-kuntatt mal-minuri u t-tutela.

Il-kustodja tirreferi għar-responsabbiltà legali għall-persuna tal-minuri. Il-persuna li jkollha l-kustodja għandha dritt u obbligu li tieħu deċiżjonijiet li jikkonċernaw kwistjonijiet personali fir-rigward tal-minuri, bħal fejn għandhom jgħixu l-minuri u liema skola għandhom imorru. Il-persuna li jkolha l-kustodja hija responsabbli mill-iżgurar li l-ħtiġijiet tal-minuri għal kura, sigurtà u trobbija tajba jiġu ssodisfati. Il-persuna li jkollha l-kustodja hija responsabbli wkoll mill-iżgurar li l-minuri jirċievu s-superviżjoni meħtieġa skont l-età u l-iżvilupp tagħhom u skont ċirkustanzi oħrajn u trid tikkontrolla jekk il-minuri humiex jirċievu appoġġ u edukazzjoni soddisfaċenti jew le. Aktar ma jikbru u jiżviluppaw il-minuri, aktar il-persuna li jkollha l-kustodja trid tqis l-opinjonijiet u x-xewqat tal-minuri.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Normalment, il-persuna li jkollha l-kustodja tkun il-ġenituri tal-minuri, jew wieħed minnhom. Jekk il-ġenituri tal-minuri jkunu miżżewġin meta jitwieldu l-ulied, il-ġenituri awtomatikament ikollhom kustodja konġunta tal-minuri. Jekk il-ġenituri jiżżewġu biss aktar tard, awtomatikament jingħataw kustodja konġunta permezz taż-żwieġ. Jekk il-ġenituri tal-minuri ma jkunux miżżewġin lil xulxin meta jitwieldu l-ulied, l-omm tingħata l-kustodja tal-minuri. Madankollu, il-ġenituri jistgħu faċilment jingħataw kustodja konġunta permezz ta’ reġistrazzjoni. Il-missier jista’ wkoll jitla’ l-qorti biex jingħata kustodja konġunta jew kustodja unika tal-minuri.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

F’ċerti każijiet il-kustodja tal-minuri tista’ tiġi trasferita mill-ġenturi tal-minuri, jew minn wieħed minnhom, lil tutur maħtur apposta. Trasferiment ta’ dan it-tip jista’ jsir rilevanti jekk ġenitur jinstab ħati ta’ abbuż jew negliġenza jew b’mod ieħor jonqos fil-kura tiegħu tal-minuri b’mod li jpoġġi f’riskju permanenti s-saħħa jew l-iżvilupp tal-minuri. Trasferiment jista’ jkun xieraq ukoll jekk wieħed mill-ġenituri jew it-tnejn li huma jitwaqqfu b’mod permanenti milli jeżerċitaw il-kustodja tal-minuri.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw, il-kustodja konġunta tkompli mingħajr ma l-qorti tkun teħtieġ tieħu ebda deċiżjoni dwar dan b’rabta mad-divorzju. Jekk wieħed mill-ġenituri jkun irid bidla fil-kustodja, dawn iridu jagħmlu rikors biex il-kustodja konġunta tiġi xolta.

Jekk wieħed mill-ġenituri jkun irid bidla fil-kustodja, il-kwistjoni tal-kustodja tista’ tiġi solvuta fil-qorti. Jekk il-ġenituri jaqblu dwar bidla, dawn jistgħu jsolvu l-kwistjoni bi ftehim, mingħajr ma jinvolvu l-qorti. Dan il-ftehim irid jiġi approvat mill-kumitat tas-servizzi soċjali (socialnämd) sabiex ikun validu. L-istess japplika għal kwistjonijiet li jikkonċernaw ma’ liema mill-ġenituri għandhom jgħixu l-minuri u kif għandu jiġi organizzat il-kuntatt mal-ġenitur l-ieħor.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Il-ftehim irid ikun bil-miktub u jrid jiġi ffirmat miż-żewġ ġenituri. Barra minn hekk, irid jiġi approvat mill-kumitat tas-servizzi soċjali tal-muniċipalità fejn ikunu rreġistrati l-minuri.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Il-muniċipalità għandha obblgu, permezz tal-kumitat tas-servizzi soċjali, li toffri medjazzjoni professjonali lill-ġenituri bil-għan li jintlaħaq ftehim fi kwistjonijiet relatati mal-kustodja, mar-residenza u mal-kuntatt. Il-medjazzjoni hija volontarja. Għaldaqstant, tenħtieġ li ż-żewġ ġenituri flimkien jitolbu għall-medjazzjoni. Jekk il-ġenituri jistgħu jaqblu fuq kwistjonijiet rigward il-kustodja, ir-residenza u l-kuntatt, dawn jistgħu jiffirmaw ftehim li, ladarba jiġi approvat mill-kumitat tas-servizzi soċjali, ikollu l-istess effett bħal sentenza tal-qorti.

Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, il-qorti tista’ tirreferihom lill-kumitat tas-servizzi soċjali għall-medjazzjoni, jekk din il-medjazzjoni ma tkunx seħħet qabel u l-qorti tqis li l-kundizzjonijiet biex jinstabu soluzzjonijiet li jaqblu fuqhom huma fis-seħħ. Jekk il-ġenituri jkunu għamlu medjazzjoni iżda ma jkunx intlaħaq ftehim, il-qorti tista’ minflok taħtar lil xi ħadd li jagħmilha ta’ medjatur bejn il-ġenituri. Il-qorti għandha obbligu ġenerali li taħdem biex jinstabu soluzzjonijiet li jaqblu fuqhom f’każijiet ta’ kustodja, residenza u kuntatt.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar

  • il-kustodja (unika jew kustodja konġunta),
  • ir-residenza tal-minuri (ma’ liema mill-ġenituri għandhom jgħixu l-minuri jew jekk il-minuri għandhomx jalternaw minn ġenitur għal ieħor), u
  • il-kuntatt (id-dritt tal-minuri li jkollhom kuntatt mal-ġentitur li ma jgħixux miegħu).

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Il-ġenitur li jkollu l-kustodja unika tal-minuri għandu d-dritt li jieħu deċiżjonijiet waħdu rigward kwistjonijiet personali fir-rigward tal-minuri. Il-persuna li jkollha l-kustodja m’għandhiex għalfejn tikkonsulta mal-ġenitur l-ieħor jew ikollha l-approvazzjoni tiegħu f’dawn il-kwistjonijiet. Madankollu, il-minuri għandhom id-dritt li jkollhom kuntatt mal-ġenitur l-ieħor, u l-persuna li jkollha l-kustodja għandha obbligu li ttihom dan id-dritt. Il-persuna li jkollha l-kustodja għandha wkoll obbligu li lill-ġenitur l-ieħor ittih informazzjoni biex jiffaċilita l-kuntatt mal-minuri.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Kustodja konġunta tfisser li l-ġenituri jridu jieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet personali tal-minuri flimkien. Il-punt tat-tluq huwa li l-ġenituri jridu jaqblu dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-minuri. Madankollu, qorti tista’ tiddeċiedi jekk ma jkunx hemm qbil dwar kwistjonjiet relatati mal-kuntatt u mar-residenza tal-minuri (ara hawn fuq).

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Fi kwistjonijiet relatati mal-kustodja, mar-residenza jew mal-kuntatt, ġenitur jista’ jippreżenta rikors quddiem il-qorti distrettwali (tingsrätt) fejn ikollhom id-domiċilju tagħhom il-minuri. Jekk ma jkun hemm l-ebda qorti distrettwali kompetenti, il-Qorti Distrettwali ta’ Stokkolma (Stockholms tingsrätt) għandha l-ġuriżdizzjoni. Kwistjonijiet relatati mal-kustodja, mar-residenza u mal-kuntatt jistgħu jiġu indirizzati wkoll waqt proċeduri ta’ divorzju.

Rikors għal taħrika trid issir bil-miktub u trid tkun iffirmata personalment mir-rikorrent jew mir-rappreżentant tiegħu. Ir-rikors irid jinkludi informazzjoni dwar il-partijiet, talba speċifika (jiġifieri dwar liema kwistjoni qed tiġi mitluba biex tiddeċiedi l-qorti), l-isfond tat-talba, informazzjoni dwar l-evidenza li fuqha huwa bbażat ir-rikors u x’inhi mistennija li tipprova kull biċċa mill-evidenza, u l-informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi li permezz tagħhom għandha ġurisdizzjoni l-qorti. L-evidenza bil-miktub li fuqha huwa bbażat ir-rikors għandha tiġi ppreżentata flimkien mar-rikors.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Kwistjonijiet relatati mal-kustodja, mar-residenza u mal-kuntatt mhumiex diskrezzjonarji.

B’mod ġenerali, kwistjonijiet relatati mal-kustodja, mar-residenza u mal-kuntatt irid jitqiesu minnufih. Il-qorti tista’ tieħu deċiżjoni interim dwar il-kustodja, ir-residenza jew il-kuntatt. Deċiżjoni interim, pereżempju, tista’ tkun dwar fejn għandhom jgħixu l-minuri waqt li tkun għaddejja t-tilwima u tapplika sakemm il-kwistjoni tiġi deċiża b’deċiżjoni li tingħata forza legali.

Għalkemm m’hemm l-ebda proċedura formali speċjali li tħaffef il-konsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati mal-kustodja, mar-residenza u mal-kuntatt, f’kull każ individwali ssir valutazzjoni ta’ kemm hija urġenti il-kwistjoni.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

F’każijiet li jikkonċernaw il-kustodja, ir-residenza u l-kuntatt, ir-regola ġenerali hija li kull parti ġġarrab l-ispejjeż legali tagħha stess.

Tista’ tingħata għajnuna legali jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet rilevanti.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Jista’ jsir appell għal sentenza jew deċiżjoni tal-qorti distrettwali rigward il-kustodja, ir-residenza jew il-kuntatt quddiem il-qorti tal-appell. (hovrätt). Madankollu, sabiex il-qorti tal-appell tqis l-appell, l-ewwel irid jingħata l-permess biex tappella.

Jista’ jsir appell għal sentenza jew deċiżjoni tal-qorti tal-appell quddiem il-Qorti Suprema (Högsta domstolen). Sabiex il-Qorti Suprema tqis l-appell, jenħtieġ permess biex tappella.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Huwa possibbli li jiġu infurzati sentenzi, deċiżjonijiet jew ftehimiet dwar il-kustodja, ir-residenza jew il-kuntatt. L-eżegwibbiltà tintalab fil-qorti distrettwali fil-post fejn ikollhom id-domiċilju tagħhom il-minuri. Jekk ma jkun hemm l-ebda qorti kompetenti, il-kwistjoni tal-eżegwibbiltà titqies fil-Qorti Distrettwali ta’ Stokkolma.

Il-qorti distrettwali tista’ tiddeċiedi dwar diversi miżuri. L-ewwel nett, normalment il-qorti tfittex li l-minuri jingħaddew b’mod volontarju. Jekk dan ma jkunx possibbli, fl-aħħar nett il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar multa kundizzjonali jew irkupru tal-minuri. L-impożizzjoni ta’ multa kundizzjonali tfisser li l-persuna li tkun qed tieħu ħsieb il-minuri tkun mhedda li jkollha tħallas somma konsiderevoli ta’ flus jekk ma tgħaddix lill-minuri. L-irkupru tal-minuri xejn ma huwa miżura normali, u tittieħed deċiżjoni dwarha biss jekk ma jkunx possibbli li s-sitwazzjoni tiġi solvuta bl-ebda mod ieħor u sabiex jiġi evitat li l-minuri jġarrbu danni serji. Jinvolvi lill-pulizija li jirkupraw lill-minuri u jgħadduhom lill-persuna li jkollha l-kustodja.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

F’ċerti każiiet japplika r-Regolament Brussell II. Fl-Iżvezja, ir-rikorsi għal dikjarazzjonijiet ta’ eżegwibbiltà jsiru lill-Qorti tal-Appell ta’ Svea (Svea hovrätt).

F’każijiet oħrajn għal pajjiżi li ffirmaw il-Konvenzjoni Ewropea tal-1980 u l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996, japplikaw dawk il-konvenzjonijiet. Skont il-Konvenzjoni Ewropea tal-1980, ir-rikorsi għal eżegwibbiltà jitressqu quddiem il-qorti distrettwali fil-post fejn ikollhom id-domiċilju tagħhom il-minuri. Skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996, ir-rikorsi għal eżegwibbiltà jitressqu quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Svea.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Id-dispożizzjonijiet dwar dan jinsabu fir-Regolament Brussell II.

Tista’ anke titqajjem oġġezzjoni li deċiżjoni ma tkunx applikabbli jew ma tkunx eżegwibbli f’każijiet fejn titqajjem il-kwistjoni.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Fil-prinċipju, tapplika l-liġi tal-pajjiż li fih ikollhom id-domiċilju tagħhom il-minuri.

L-aħħar aġġornament: 24/07/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.