Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ispanjol ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Fil-liġi Spanjola, ir-responsabbiltà tal-ġenituri tissejjaħ "patria potestad" (awtorità tal-ġenituri). Hija tinkludi d-drittijiet u d-dmirijiet tal-persuni fiżiċi, normalment il-ġenituri, jew persuni ġuridiċi li jkunu fdati bil-protezzjoni tal-persuna u l-proprjetà tal-minuri bil-liġi jew b'deċiżjoni tal-qorti.

L-awtorità tal-ġenituri trid dejjem tiġi eżerċitata għall-benefiċċju tat-tfal, skont il-personalità tagħhom u b'rispett għall-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom. Hija tinkludi d-dmirijiet u s-setgħat li ġejjin:

1. Li tieħu ħsiebhom, toqgħod magħhom, titmagħhom, tedukahom u tiżgura li jkollhom edukazzjoni integrali.

2. Li tirrappreżentahom u tamministra l-beni tagħhom.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Huma l-ġenituri li għandhom ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-minuri.

F'każ li l-ġenituri jisseparaw, jiddivorzjaw, iħassru jew ma jkunux jgħixu flimkien, id-drittijiet u d-dmirijiet dwar il-minuri, il-persuna u l-beni tagħhom huma taż-żewġ ġenituri, ħlief għal xi ċirkostanzi eċċezzjonali.

Jekk il-ġenituri jgħixu separati, l-awtorità tal-ġenituri tiġi eżerċitata mill-ġenitur li t-tifel jgħix miegħu. Madankollu, il-Qorti tista', wara talba motivata mill-ġenitur l-ieħor, fl-interess tat-tifel, tattribbwixxi lil dak il-ġenitur l-awtorità tal-ġenituri li jeżerċita konġuntament mal-ġenitur l-ieħor jew tqassam bejn il-missier u l-omm, il-funzjonijiet inerenti fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Fil-liġi Spanjola, jistgħu jiġu nominati qraba, persuni jew istituzzjonijiet oħrajn, dejjem taħt sorveljanza ġudizzjarja, biex jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-minuri, f'każ li l-ġenituri jonqsu milli jaqdu d-dmirijiet tagħhom ta' protezzjoni stipulati mil-liġi dwar it-trobbija tal-minuri jew ma jaqduhomx b'mod sodisfaċenti.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jisseparaw, ir-responsabbiltà tal-ġenituri tista' tiġi ddeterminata:

  • B'talba taż-żewġ ġenituri fi Ftehim Regolatur (convenio regulado), li jrid ikun approvat mill-Qorti.
  • B'deċiżjoni ġudizzjarja fi proċedimenti kontenzjużi.

Ir-responsabbiltà tal-ġenituri bħala istituzzjoni protettriċi tal-minuri hija r-responsabbiltà taż-żewġ ġenituri.

L-arranġamenti għall-kura u l-kustodja tal-minuri jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

  • L-għoti lil wieħed mill-ġenituri biss; dan l-arranġament huwa l-aktar wieħed frekwenti, kemm fis-separazzjonijiet u d-divorzji bonarji u fi proċedimenti kontenzjużi. Normalment il-ġenitur li ma jkollux il-kustodja jkollu arranġamenti biex iżur it-tfal.
  • Għoti konġunt, fejn jiġu alternati l-perjodi li matulhom il-minuri jkunu mal-ġenitur l-ieħor.
  • Fuq bażi eċċezzjonali, meta ċ-ċirkostanzi jkunu jitolbu hekk u fl-interess tal-minuri, tista' tittieħed deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti l-kura u l-kustodja lil persuna oħra, jew bi proposta tal-ġenituri stess, jew b'deċiżjoni diretta tal-Qorti.

F'każijiet fejn tkun l-Amministrazzjoni li tkun responsabbli għat-tutela tal-minuri, dik is-sitwazzjoni tibqa', u l-kustodja ma tingħata lil ebda ġenitur.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Il-ġenituri li jiftiehmu dwar il-kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri jridu jippreżentaw Ftehim Regolatur iffirmat bil-punti kollha ta' qbil, li jkun fih espressament, flimkien ma' miżuri oħrajn:

  • il-kura u l-kustodja tal-minuri;
  • l-arranġamenti għaż-żjarat mal-ġenituri;
  • l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri;
  • l-użu tad-dar matrimonjali;
  • il-manteniment għall-minuri.

Il-Ftehim ta’ Regolamentazzjoni huwa ppreżentat flimkien mal-applikazzjoni lill-Qorti tal-Ewwel Istanza xierqa. Dan irid jiġi rratifikat mill-ġenituri fil-qorti. Wara li jisma’ lill-minuri - jekk ikollhom biżżejjed età - u lill-prosekutur pubbliku, l-imħallef jivvaluta l-ftehimiet.

Il-ftehimiet ta' bejn il-miżżewġin, adottati biex jirregolaw il-konsegwenzi ta' annullament, separazzjoni jew divorzju jkunu approvati mill-imħallef, sakemm ma jkunux ta' dannu għall-ulied. Jekk il-partijiet jipproponu arranġamenti ta' żjarat u komunikazzjoni bejn in-neputijiet u nannithom, l-imħallef jista' japprovahom wara li jisma' lin-nanniet li jagħtu l-kunsens tagħhom.

Jekk il-ftehimiet jiġu rrifjutati, dan irid isir permezz ta’ deċiżjoni akkumpanjata mir-raġunijiet. F’dan il-każ, il-konjuġi jridu jippreżentaw proposta ġdida għall-approvazzjoni tal-imħallef, jekk applikabbli.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

L-aqwa mezz alternattiv għal deċiżjoni ġudizzjarja, biex il-partijiet jaslu għal ftehim, hija l-Medjazzjoni Familjari.

Biex ikollhom setgħa eżekuttiva, il-Ftehimiet adottati dejjem iridu jkunu approvati minn deċiżjoni ġudizzjarja.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Fid-deċiżjoni ġudizzjarja l-Imħallef irid dejjem jiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet li ġejjin fl-interess tal-ulied minuri, u jara li jevita milli jifred l-aħwa, u wara li jismagħhom jekk ikollhom il-kapaċitajiet fakultattivi:

  • il-miżuri ġudizzjarji dwar il-kustodja u l-kura, u li jingħata lil ġenitur wieħed jew lill-ieħor jew lit-tnejn li huma, u l-edukazzjoni;
  • l-arranġamenti għaż-żjarat, fejn ikunu indikati l-ħin, il-metodu u l-post fejn il-ġenituri jistgħu jikkomunikaw ma' wliedhom u joqogħdu magħhom;
  • b'mod eċċezzjonali dan id-dritt għaż-żjarat jista' jkun limitat jew sospiż jekk ikun hemm ċirkostanzi serji jew jekk wieħed mill-ġenituri jonqos b'mod gravi u ripetutament mid-dmirijiet tiegħu;
  • L-għoti tal-awtorità tal-ġenituri, u jekk ikun hemm bżonn u jkun jaqbel għall-ulied, l-eżerċizzju totali jew parzjali ta' dik l-awtorità minn wieħed mill-ġenituri, inkluża d-deprivazzjoni ta' dik l-awtorità jekk ikun hemm raġuni valida;
  • il-manteniment li jrid jitħallas minn kull ġenitur biex ikunu ssodisfati l-bżonnijiet tal-ulied, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi ekonomiċi, u l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji biex tiġi żgurata l-effettività tal-manteniment;
  • l-allokazzjoni tal-użu tad-dar matrimonjali u tal-oġġetti li jintużaw komunement, fil-każijiet fejn ma jkunx hemm qbil bejn il-ġenituri, bi preferenza favur il-konjuġi li jkollu l-kustodja tal-ulied minuri.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

L-awtorità tal-ġenituri, bħala regola ġenerali, tappartjenti għaż-żewġ ġenituri. Għalhekk, is-setgħa li jiddeċiedu u jsolvu kull kwistjoni li tolqot lil minuri hija taż-żewġ ġenituri, anki jekk wieħed minnhom biss ikollu l-kustodja.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn il-ġenituri dwar x'deċiżjonijiet jistgħu jew jinħtieġ li jieħdu għall-wild minuri, pereżempju dwar l-iskola jew l-edukazzjoni, xi skola ħa jibagħtuh jew x'attivitajiet ekstrakurrikulari se jagħmel, dwar il-kura tas-saħħa u l-għażla ta' tabib, dwar kwistjonijiet personali, bħall-għażla tal-isem jew x'reliġjon se jħaddan, jew dwar l-għażla tal-lokalità jew pajjiż fejn se jgħix il-minuri, eċċ. u meta jidher li ma jkunx possibbli li l-ġenituri jaslu għal ftehim bejniethom, kwalunkwe wieħed mill-ġenituri jista' jirrikorri l-Qorti biex taqta' l-kwistjoni hi.

L-imħallef, wara li jisma' liż-żewġ ġenituri u lill-wild (jekk ikollu biżżejjed kapaċitajiet fakultattivi), mingħajr il-possibilità ta' appell, jagħti s-setgħa tad-deċiżjoni lill-missier jew lill-omm. Jekk jerġa' jkun hemm nuqqasijiet ta' qbil jew tinqala' xi raġuni oħra li timpedixxi serjament l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri, l-imħallef jista' jassenja s-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet kompletament jew parzjalment lil wieħed mill-ġenituri, jew jista' jqassam dawk il-funzjonijiet bejniethom. Dawn il-miżuri kollha jistgħu jiġu adottati għal perjodu massimu ta' sentejn.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

F'każijiet fejn il-kustodja ta' minuri tingħata b'mod konġunt liż-żewġ ġenituri, fil-prattika l-kura ta' kuljum talterna bejn iż-żewġ ġenituri għal perjodi predeterminati li normalment jikkoinċidu ma' perjodi skolastiċi speċifiċi bħal trimestri jew snin skolastiċi.

Il-perjodi kollha tal-btajjel jinqasmu bejn iż-żewġ ġenituri.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Fil-proċedimenti matrimonjali tas-separazzjoni jew tad-divorzju bonarji, il-qorti kompetenti hija l-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-aħħar domiċilju komuni taż-żwieġ, jew dak ta' xi wieħed mir-rikorrenti.

Fil-proċessi matrimonjali kontenzjużi, il-qorti kompetenti hija l-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-post tad-domiċilju matrimonjali, u f'każ li l-miżżewġin ikunu jirrisjedu f'distretti ġudizzjarji differenti, ir-rikorrent jista' jagħżel bejn l-aħħar domiċilju taż-żwieġ u r-residenza tal-intimat.

Fi proċedimenti li jikkonċernaw biss il-kura, il-kustodja u l-manteniment ta’ tfal minuri, li fihom il-ġenituri ma jkunux miżżewġin ma xulxin, il-Qorti tal-Ewwel Istanza li għandha l-ġurisdizzjoni hi dik fil-post tal-aħħar residenza kondiviża tal-ġenituri. Jekk ikunu jgħixu f’distretti ġudizzjarji differenti, il-kwerelant jista’ jagħżel bejn il-qorti fiż-żona ta’ residenza tal-konvenut jew dik fiż-żona ta’ residenza tal-minuri.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Il-proċedimenti applikabbli f'dawn il-każijiet huma dawn li ġejjin:

F'każijiet fejn ikun hemm ftehim bejn il-partijiet fil-proċediment dwar ftehim reċiproku previst fl-Artikolu 777 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, għas-separazzjoni, id-divorzju, u l-adozzjoni ta' miżuri definittivi dwar il-kura u l-kustodja u l-manteniment ta' tfal minuri, meta ma jkunx hemm żwieġ.

Meta ma jkunx hemm ftehim bejn il-partijiet fil-proċediment kontenzjuż, previst fl-Artikoli 770 u 774 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili applikabbli wkoll għall-proċessi familjari u tal-minuri, meta ma jkunx hemm żwieġ bejn il-ġenituri.

F'każijiet urġenti tista' tintalab l-adozzjoni ta' miżuri għall-proċedimenti li ġejjin:

Miżuri proviżorji qabel il-preżentata tat-talba għal annullament, separazzjoni, divorzju jew fil-proċessi li jikkonċernaw il-kura u l-kustodja tat-tfal minuri u l-manteniment. Dan huwa rregolat mill-Artikoli 771 u 772 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.

Huwa previst espressament li jekk ikun hemm raġunijiet ta' urġenza jistgħu jiġu adottati miżuri fl-ewwel deċiżjoni li tittieħed, b'effett immedjat.

Miżuri proviżorji li jkunu ġejjin mill-ammissjoni tat-talba għall-proċediment matrimonjali jew tal-minuri, bħal fil-każijiet preċedenti. Dan huwa previst fl-Artikolu 773 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Jistgħu jinkisbu benefiċċji tal-għajnuna legali totali jew parzjali, sakemm ikun hemm provi li r-rekwiżiti għad-dritt għall-għajnuna legali jkunu ssodisfati, b'konfomità mal-Liġi dwar l-Għajnuna Legali b'Xejn. (Ara "L-Għajnuna Legali - Spanja").

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Biex tkun taf x'deċiżjonijiet jistgħu jiġu appellati trid issir distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet kollha possibbli, f'dan il-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, pereżempju:

  • Id-deċiżjonijiet kollha tal-proċedimenti kontenzjużi jistgħu jiġu appellati quddiem il-Qorti Provinċjali.
  • Id-deċiżjonijiet tal-proċedimenti ta' ftehim reċiproku jistgħu jiġu appellati biss, u quddiem il-Qorti Provinċjali, meta jkun hemm qbil dwar miżura li ma tkunx taqbel mal-Ftehim Regolatur.

Il-liġi ma tipprevedi l-ebda appell kontra deċiżjonijiet dwar Miżuri Proviżorji Kawtelatorji, jew Miżuri Proviżorji, jew deċiżjonijiet dwar l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

F'każijiet fejn deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri ma jiġux volontarjament osservati, tista' tiġi ppreżentata talba eżekuttiva quddiem l-istess Qorti tal-Ewwel Istanza li tkun ħadet id-deċiżjonijiet, fejn tintalab l-eżekuzzjoni bil-forza tal-miżura jew miżuri li ma ġewx osservati.

Iridu jiġu identifikati s-sentenza jew id-deċiżjoni li qed tiġi pretiża l-osservanza tagħha u l-persuna li l-eżekuzzjoni qed tiġi pretiża kontriha.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Deċiżjonijiet meħuda fi Stat Membru dwar l-eżerċizzju tar-responsabilità tal-ġenituri fi proċedimenti matrimonjali li jikkonċernaw wild komuni, li kienu eżekuttivi f'dak l-Istat Membru u li kienu nnotifikati, ikunu rikonoxxuti fi Spanja fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata mingħajr il-bżonn ta' proċediment, b'konformità għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri.

Sabiex jintalab l-infurzar, talba għall-infurzar trid tiġi ppreżentata lill-qorti tal-post fejn ikun jinsab il-minuri u fejn ikun intalab l-infurzar. Kopja tad-deċiżjoni li l-infurzar tagħha jkun qed jiġi mfittex trid tiġi mehmuża mat-talba u trid tissodisfa r-rekwiżiti kollha biex tiġi ddeterminata l-awtentiċità tagħha, f’konformità mal-forma standardizzata stabbilita fl-Anness V. Avukat u rappreżentant legali huma neċessarji.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Fi Spanja, biex topponi r-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri adottata minn Stat Membru ieħor, il-parti interessata trid tirrikorri għall-Qorti tal-Ewwel Istanza fejn ikun pretiż ir-rikonoxximent u tallega li teżisti waħda mir-raġunijiet kontra r‑rikonoxximent previsti fir-Regolament 2201/2003.

Ir-raġunijiet li jistgħu jiġu allegati huma:

  • li d-deċiżjoni hija b’mod ċar kontra l-ordni pubbliku, meta jitqies l-aħjar interessati tal-wild;
  • li l-wild ma ngħatax opportunità biex jinstema’ (raġunijiet mhux ammissibbli f’każijiet ta’ urġenza);
  • jekk id-deċiżjoni tkun inħarġet in absentia, li d-dokument li jistitwixxi l-proċedimenti ma jkunx ġie ppreżentat jew notifikat, sakemm ma jkunx ippruvat li d-deċiżjoni tkun ġiet aċċettata.
  • jekk il-parti li topponi r-rikonoxximent u li tallega li d-deċiżjoni timpedixxi l-eżerċizzju tar-responsabbiltà parentali ma kellhiex l-opportunità li tinstema’.
  • jew jekk tkun inkompatibbli ma’ deċiżjoni oħra maħruġa wara.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-liġi applikabbli hija dik tal-post tar-residenza normali tal-minuri, skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-protezzjoni tat-tfal.

L-aħħar aġġornament: 05/04/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna