Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Latvjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Latvja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Il-minuri jibqa’ taħt il-kustodja tal-ġenituri sakemm jilħaq l-età maġġuri.

Kustodja tfisser id-dritt u l-obbligu tal-ġenituri li jieħdu ħsieb il-minuri u l-beni tiegħu u jirrappreżentaw lill-minuri fir-relazzjonijiet personali u tal-beni tiegħu/tagħha.

Li tieħu ħsieb minuri tfisser il-kura u s-sorveljanza tiegħu/tagħha, u d-dritt li tiddeċiedi l-post tar-residenza tiegħu/tagħha.

Indukrar tat-tfal tfisser il-manteniment tagħhom, jiġifieri li jiġu pprovduti l-ikel, l-ilbies, l-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa, l-indukrar u l-edukazzjoni u t-trobbija tagħhom (li jiġi żgurat l-iżvilupp mentali u fiżiku, b’kont meħud tal-personalità, l-abbiltajiet u l-interessi tagħhom sa fejn possibbli, u t-tħejjija tal-minuri għal ħidma soċjalment utli).

Is-sorveljanza tal-minuri tfisser li tieħu ħsieb is-sikurezza tal-minuri u tipprevjeni kwalunkwe periklu minn partijiet terzi. Id-dritt li tiddeċiedi l-post tar-residenza tal-minuri jfisser l-għażla ġeografika tal-post tar-residenza u l-għażla tal-akkomodazzjoni.

Li tieħu ħsieb il-beni tal-minuri tfisser li żżomm u tuża l-beni tal-minuri għall-preservazzjoni u t-titjib tal-valur tiegħu.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Il-ġenituri li jgħixu flimkien jeżerċitaw kustodja konġunta tal-ġenituri. Jekk il-ġenituri jkunu separati, il-kustodja konġunta tal-ġenituri tissokta. L-indukrar tat-tfal u s-sorveljanza jiġu eżerċitati mill-ġenitur li miegħu jkun qiegħed jgħix il-minuri. Il-ġenituri jieħdu deċiżjonijiet flimkien fi kwistjonijiet li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-minuri.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Jekk is-saħħa jew il-ħajja tal-minuri jkunu pperikolati tort tal-ġenitur (minħabba l-imġiba intenzjonali jew in-negliġenza ta’ ġenitur) jew il-ġenitur jabbuża mid-drittijiet tiegħu jew jonqos milli jipprovdi indukrar u sorveljanza u b’hekk jipperikola l-iżvilupp fiżiku, mentali jew morali tal-minuri, il-qorti tista’ ċċaħħad lill-ġenitur mid-dritt tal-kustodja.

Meta tiċħad il-kustodja lil wieħed mill-ġenituri, il-qorti tittrasferixxi lill-minuri għall-kustodja separata tal-ġenitur l-ieħor. Jekk il-kustodja eżerċitata mill-ġenitur l-ieħor ma tkunx tista’ tipproteġi adegwatament lill-minuri mill-periklu jew jekk iż-żewġ ġenituri jiġu miċħuda l-kustodja, il-qorti tinkariga lill-qorti tal-familja sabiex tiżgura l-indukrar barra mid-dar għall-minuri.

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Jekk il-ġenituri jkunu separati, il-kustodja konġunta tal-ġenituri tissokta. L-indukrar tat-tfal u s-sorveljanza jiġu eżerċitati mill-ġenitur li miegħu jkun qiegħed jgħix il-minuri. Il-ġenituri jieħdu deċiżjonijiet flimkien fi kwistjonijiet li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-minuri. In-nuqqasijiet ta’ qbil tal-ġenituri jiġu solvuti mill-qorti tal-familja, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi. Il-kustodja konġunta tal-ġenituri tintemm meta tiġi stabbilita kustodja separata ta’ ġenitur wieħed skont ftehim bejn il-ġenituri jew deċiżjoni tal-qorti.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Jekk il-ġenituri jaqblu dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri u jeżegwuha b’mod volontarju, ma jkunx meħtieġ li tinkiseb approvazzjoni minn xi awtorità jew qorti.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

F’każ ta’ tilwima, in-nuqqasijiet ta’ qbil jiġu solvuti mill-qorti tal-familja. Jekk il-qorti tal-familja ma tkunx tista’ ssolvi n-nuqqasijiet ta’ qbil bejn il-ġenituri, jew jekk id-deċiżjoni tal-qorti tal-familja ma tiġix eżegwita, il-ġenituri jirrikorru quddiem il-qorti distrettwali (jew muniċipali).

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

Jekk il-ġenituri jirrikorru quddiem il-qorti, huma jitolbu kustodja konġunta jew kustodja separata. Barra minn hekk, jekk ikun meħtieġ, l-imħallef jiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ manteniment, il-post tar-residenza, eċċ. Ġenitur bi dritt ta’ kustodja separata jeżerċita l-kustodja tal-minuri, li tinkludi d-dritt li jaġixxi f’isem il-minuri fir-relazzjonijiet personali u tal-beni tagħhom u d-dritt li jistabbilixxi l-post tar-residenza tal-minuri. Kull ġenitur għandu l-obbligu u d-dritt li jżomm relazzjoni personali u kuntatt dirett mal-minuri. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll jekk il-minuri jkun separat mill-familja jew ma jkunx jgħix ma’ wieħed jew maż-żewġ ġenituri. Il-ġenitur li ma jkunx jgħix mal-minuri għandu d-dritt li jirċievi informazzjoni dwaru/dwarha, speċjalment informazzjoni dwar l-iżvilupp, is-saħħa, il-kisbiet akkademiċi, l-interessi u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tiegħu/tagħha. Tilwima bejn il-ġenituri dwar il-kustodja jenħtieġ li tiġi deċiża billi jitqiesu l-interessi tal-minuri u titfittex l-opinjoni tal-minuri, jekk dawn ikunu kapaċi jesprimuha.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Ġenitur li jkollu kustodja separata tal-minuri jkollu d-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw mill-kustodja. Il-ġenituri għandhom l-obbligu li jsostnu l-minuri tagħhom skont l-abbiltajiet u s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Dan l-obbligu jibqa' fuq il-missier u l-omm sakemm il-minuri ma jkunx kapaċi jipprovdi għalih innifsu.

L-obbligu ta' sostenn tal-minuri ma jintemmx jekk il-minuri jkun separat mill-familja jew ma jkunx jgħix ma’ xi wieħed mill-ġenituri.

Il-qrati, meta jkunu qed jiddeċiedu dwar l-istabbiliment ta’ kustodja separata, iqisu ċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġifieri, ma’ liema ġenitur ikun qiegħed jgħix il-minuri meta jitressaq ir-rikors u liema ġenitur jeżerċita l-kustodja ta’ kuljum tal-minuri. Il-minuri għandu d-dritt li jżomm relazzjonijiet personali u kuntatti diretti ma’ kwalunkwe ġenitur (drittijiet ta’ aċċess). Kull ġenitur għandu l-obbligu u d-dritt li jżomm relazzjonijiet personali u kuntatti diretti mal-minuri. Il-ġenitur li ma jkunx jgħix mal-minuri għandu d-dritt li jirċievi informazzjoni dwaru, speċjalment informazzjoni dwar l-iżvilupp, is-saħħa, il-kisbiet akkademiċi, l-interessi u l-kundizzjonijiet tal-għajxien tiegħu. L-għoti ta’ kustodja separata tal-minuri lil ġenitur wieħed ma jfissirx li l-ġenitur l-ieħor huwa miċħud mid-dritt ta’ kustodja.

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Jekk il-minuri jkunu taħt il-kustodja konġunta taż-żewġ ġenituri, iż-żewġ ġenituri jistgħu jaġixxu f’isem il-minuri tagħhom fir-relazzjonijiet personali u dwar il-beni tagħhom. Il-ġenituri jieħdu deċiżjoni konġunta dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw l-iżvilupp tal-minuri.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

It-talbiet li jirriżultaw mid-drittijiet ta’ kustodja u aċċess jitressqu quddiem il-qorti fil-post tar-residenza tal-minuri. Il-post tar-residenza rreġistrat tal-ġenituri tiegħu/tagħha jitqies li jkun il-post tar-residenza tal-minuri fit-talbiet li jirriżultaw mid-drittijiet ta’ kustodja u aċċess. Jekk il-postijiet tar-residenza rreġistrati tal-ġenituri tal-minuri jkunu jinsabu f’territorji amministrattivi differenti, il-post tar-residenza tal-minuri jitqies li jkun il-post tar-residenza rreġistrat tal-ġenitur li jkun qiegħed jgħix miegħu. Jekk il-ġenituri tal-minuri jew il-minuri ma jkollhomx post tar-residenza rreġistrat, il-post tar-residenza tal-minuri jitqies li jkun il-post tar-residenza tal-ġenituri.

Id-dikjarazzjoni tat-talba għandha tiġi ppreżentata skont l-Artikolu 128 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili. L-Artikolu 129 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili japplika f’termini tad-dokumenti li għandhom jiġu mehmuża mad-dikjarazzjoni tat-talba.

Mad-dikjarazzjoni tat-talba tista’ tiġi mehmuża wkoll opinjoni tal-qorti tal-familja dwar il-kwistjoni.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Il-proċeduri ġudizzjarji fil-kawżi ċivili huma regolati mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Latvjana dwar il-Proċedura Ċivili. Il-kawżi relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi tal-minuri jiġu kkunsidrati mill-qorti. Il-qorti titlob l-opinjoni tal-qorti tal-familja fi kwistjonijiet relatati mal-għoti tal-kustodja, l-indukrar tat-tfal u l-proċedura għall-eżerċizzju tad-dritt ta' aċċess, u tistieden rappreżentant sabiex jattendi għas-seduta tal-qorti u jara x’inhi l-opinjoni tal-minuri jekk il-minuri jkun kapaċi jesprimiha, b’kont meħud tal-età u l-grad ta’ maturità tiegħu/tagħha.

Il-qorti tikkunsidra l-kawżi ċivili f’seduti pubbliċi, ħlief, pereżempju, kawżi dwar il-kustodja u d-drittijiet ta’ aċċess. Bl-istess mod, il-qorti tista’ tiddikjara s-seduta, jew parti minnha, bħala magħluqa fl-interessi tal-minuri fuq talba ssostanzjata tal-parteċipanti fil-kawża jew fid-diskrezzjoni tal-qorti.

Il-partijiet għandhom id-dritt li jagħmlu talba ssostanzjata lill-qorti sabiex tiddetermina konsiderazzjoni aktar mgħaġġla tal-kawża. Il-qorti mbagħad teżamina din it-talba ssostanzjata.

Fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, sentenza tal-qorti tista’ tiddikjara li s-sentenzi jew partijiet tagħhom dwar il-manteniment ta’ minuri u f’kawżi relatati mal-kustodja u d-dritt ta’ aċċess, huma eżegwibbli mingħajr dewmien.

Fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, il-qorti tagħti deċiżjoni li tistabbilixxi temporanjament il-manteniment tal-minuri sakemm tingħata s-sentenza.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Persuni bi dħul baxx jew fil-bżonn, li jkunu ġew assenjati dan l-istatus skont il-proċedura stipulata fil-leġiżlazzjoni, u persuni li f’daqqa waħda jiġu f’pożizzjoni u sitwazzjoni finanzjarja tali li timpedihom milli jipproteġu d-drittijiet tagħhom (minħabba diżastri naturali, ċirkustanzi ta’ force majeur jew ċirkustanzi oħra li ma jkunux fil-kontroll tal-persuna), jew li jkunu kompletament fil-kura tal-istat jew tal-muniċipalità (minn hawnhekk ’il quddiem imsejħa “sitwazzjoni speċjali”) għandhom id-dritt li jitolbu appoġġ finanzjarju għall-assistenza legali.

Fuq talba ssostanzjata ta’ persuna, il-qorti jew l-imħallef jikkunsidra s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ individwu u jeħilsu kompletament jew parzjalment mill-ħlas tal-ispejjeż legali fil-baġit tal-Istat u jissospendi l-ħlas impost tal-ispejjeż tal-qorti fil-baġit tal-Istat jew jaqsamhom fi ħlasijiet parzjali.

Skont il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, ir-rikorrenti huma eżentati mill-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti fil-baġit tal-Istat għat-talbiet relatati mal-irkupru tal-manteniment għal minuri.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Sentenza tista' tiġi appellata bil-proċedura ġenerali, jiġifieri, billi jiġi ppreżentat appell (fil-Qorti Reġjonali) jew appell tal-kassazzjoni (fil-Qorti Suprema).

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Id-deċiżjonijiet tal-qorti jiġu eżegwiti ladarba jidħlu fis-seħħ, jew immedjatament jekk jiġu ddikjarati bħala eżegwibbli immedjatament.

Id-deċiżjonijiet tal-qorti jiġu eżegwiti minn uffiċjal ġudizzjarju ġuramentat.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Id-deċiżjonijiet ta’ qrati barranin huma rikonoxxuti u eżegwiti mill-qrati Latvjani.

Id-deċiżjonijiet ta’ qrati barranin huma rikonoxxuti u eżegwiti skont il-proċedura stabbilità bil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili u skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000.

Rikors għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà jiġi ppreżentat għall-konsiderazzjoni lill-qorti distrettwali (jew muniċipali) fil-post tar-residenza permanenti tal-persuna li kontriha titfittex l-eżekuzzjoni jew fil-post tar-residenza permanenti tal-minuri li għalih tirreferi l-eżekuzzjoni. Deċiżjoni dwar dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà jew deċiżjoni li tiċħad id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà tittieħed mill-imħallef fid-diskrezzjoni biss tiegħu abbażi tar-rikors ippreżentat u d-dokumenti mehmuża miegħu, fi żmien 10 ijiem mill-jum li fih jiġi ppreżentat ir-rikors, mingħajr ma jiġu mistiedna l-partijiet.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

F’kawża għar-rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ qorti barranija, ilment individwali dwar id-deċiżjoni ta’ qorti tal-prim istanza jista’ jiġi ppreżentat lill-qorti distrettwali, u d-deċiżjoni tal-qorti distrettwali dwar l-ilment individwali tista’ tiġi appellata quddiem is-Senat billi jiġi ppreżentat ilment individwali.

Parteċipant f’kawża li l-post tar-residenza rreġistrat jew il-post tar-residenza abitwali tiegħu jkun fil-Latvja, jista’ jissottometti lment individwali fi żmien 30 jum mid-data li fiha tkun inħarġet kopja tad-deċiżjoni, filwaqt li parteċipant f’kawża li l-post tar-residenza rreġistrat jew il-post tar-residenza abitwali tiegħu ma jkunx fil-Latvja, jista’ jissottometti tali lment fi żmien 60 jum mid-data li fiha tkun inħarġet kopja tad-deċiżjoni.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Il-Latvja hija marbuta bil-Konvenzjoni ta’ The Hague tad-19 ta’ Ottubru 1996 fuq il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, Rikonoxximent, Infurzar u Kooperazzjoni dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, u l-ftehimiet bilaterali dwar l-assistenza legali konklużi bejn ir-Repubblika tal-Latvja u l-Federazzjoni Russa, l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Belarussja, ir-Repubblika tal-Użbekistan, ir-Repubblika Kirgiża u r-Repubblika tal-Moldova.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 05/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.