Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” jirreferi għad-drittijiet u għall-obbligi kollha li għandhom il-ġenituri fir-rigward ta’ minuri. Parti importanti tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija l-kura tal-ġenituri (kustodja). Il-ġenituri għandhom id-dover u d-dritt li jieħdu ħsieb il-minuri tagħhom. Il-kura tal-ġenituri tinvolvi ġenitur li jieħu ħsieb il-minuri u l-proprjetà tiegħu, u li jirrappreżenta lill-minuri; id-dritt li jittieħdu deċiżjonijiet għall-minuri huwa għalhekk fil-prinċipju assoċjat mal-kura tal-ġenituri. Ir-responsabbiltà tal-ġenituri tinkludi wkoll kuntatt mal-minuri u d-dover li jipprovdu manteniment għall-minuri.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Kif diġà ssemma fil-mistoqsija 1, it-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” jkopri d-drittijiet u l-obbligi kollha li għandhom il-ġenituri fir-rigward ta’ minuri. Parti importanti tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija l-kura tal-ġenituri; ir-responsabbiltà tal-ġenituri tinkludi wkoll kuntatt mal-minuri u d-dover li jiġi provdut manteniment lill-minuri.

Fil-prinċipju, il-kustodja konġunta tal-ġenituri hija possibbli jekk:

  1. il-minuri jitwieled lil ġenituri miżżewġin,
  2. il-ġenituri jiżżewġu wara t-twelid tal-minuri,
  3. il-ġenituri jiddikjaraw li jixtiequ jieħdu ħsieb lill-minuri b’mod konġunt (dikjarazzjonijiet tal-kustodja),
  4. jekk il-Qorti tal-Familja (Familiengericht) tagħtihom kustodja konġunta tal-minuri.

Id-dikjarazzjonijiet tal-kustodja jridu jiġu ċċertifikati fil-forma ġuridika dovuta. Dan jista’ jsir mill-Uffiċċju għall-Benesseri taż-Żgħażagħ (Jugendamt), nutar jew, f’ċerti ċirkostanzi, minn missjonijiet diplomatiċi barra mill-pajjiż. Jekk il-ġenituri ma joħorġux dikjarazzjoni tal-kustodja u ma jkunux miżżewġin lil xulxin, l-omm ser ikollha l-kustodja waħedha tal-minuri. Madankollu, il-Qorti tal-Familja tista’, fuq talba ta’ wieħed mill-ġenituri, tagħti kustodja konġunta liż-żewġ ġenituri, sakemm dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri. Huwa preżunt li l-kustodja konġunta hija fl-aħjar interess tal-minuri jekk il-ġenitur l-ieħor ma jipprovdi l-ebda raġuni għaliex ma jkunx ikkonċeda l-kustodja konġunta u ma jkun hemm l-ebda raġuni simili ovvja oħra.

Il-liġi Ġermaniża tassumi li ġeneralment ikun fl-aħjar interess tal-minuri li jkollu kuntatt maż-żewġ ġenituri u għalhekk tiggarantixxi d-dritt tal-minuri għal kuntatt mal-ġenituri tiegħu. Barra minn hekk, iż-żewġ ġenituri huma intitolati u obbligati li jżommu kuntatt mal-minuri tagħhom.

L-ewwel u qabel kollox, id-dritt għall-aċċess jagħti lill-ġenituri d-dritt li jaraw u jitkellmu mal-minuri tagħhom f’intervalli regolari. L-aċċess jinkludi kuntatt bil-posta jew bit-telefon, minbarra kuntatt wiċċ imb wiċċ.

Ġeneralment ikun id-dover taż-żewġ ġenituri li jiggarantixxu li jiġi provdut il-manteniment. Il-ġenituri jistgħu jagħżlu huma nfushom il-mod li bih jipprovdu manteniment għall-minuri tagħhom. Pereżempju, dawn jistgħu jiddeċiedu li jipprovdu manteniment in natura, b’mod predominanti fid-dar tal-ġenituri (akkomodazzjoni, ikel, ħwejjeġ, eċċ.).

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” jkopri d-drittijiet u l-obbligi kollha li għandhom il-ġenituri fir-rigward ta’ minuri. Parti importanti tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija l-kura tal-ġenituri; ir-responsabbiltà tal-ġenituri tinkludi wkoll kuntatt mal-minuri u d-dover li jiġi provdut manteniment lill-minuri (ara l-kummenti fil-mistoqsija 1). Il-kummenti li ġejjin jirreferu għall-kura tal-ġenituri (kustodja).

Jekk il-minuri ma jirċevix kura mill-ġenituri tiegħu minħabba, pereżempju, li l-ġenituri jkunu mejtin jew ma jkunux intitolati li jirrappreżentaw lill-minuri fi kwistjonijiet relatati mal-minuri jew il-proprjetà tiegħu, għaliex, pereżempju, tkun inċaħdet il-kustodja lill-ġenituri, il-minuri jiġi assenjat gwardjan legali mill-Qorti tal-Familja.

Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jipprovdu ċerti aspetti tal-kura tal-ġenituri, il-Qorti tal-Familja taħtar carer għal dawk l-aspetti (l-Artikolu 1909 tal-Kodiċi Ċivili (Bürgerliches Gesetzbuch - BGB)).

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” jkopri d-drittijiet u l-obbligi kollha li għandhom il-ġenituri fir-rigward ta’ minuri. Parti importanti tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija l-kura tal-ġenituri; ir-responsabbiltà tal-ġenituri tinkludi wkoll kuntatt mal-minuri u d-dover li jiġi provdut manteniment lill-minuri (ara l-kummenti fil-mistoqsija 1). Il-kummenti li ġejjin jirreferu għall-kura tal-ġenituri (kustodja).

Jekk il-ġenituri jkollhom kustodja konġunta tal-ġenituri mbagħad jisseparaw, dawn ser ikomplu jkollhom kustodja konġunta tal-minuri, irrispettivament minn jekk ikunux miżżewġin jew le. Madankollu, il-Qorti tal-Familja tista’ tagħti kustodja lil ġenitur wieħed fuq talba ta’ wieħed mill-ġenituri. Tali talba ser tingħata jekk il-ġenitur l-ieħor jaqbel, sakemm il-minuri ma jkunx tal-inqas ta’ 14-il sena u joġġezzjona, jew jekk ir-revoka tal-kustodja konġunta u l-għoti tal-kustodja lil ġenitur wieħed jitqiesu li jkunu fl-aħjar interess tal-minuri. Anki f’każ li l-ġenituri jiddivorzjaw, deċiżjoni ta’ dan it-tip issir biss fuq talba ta’ wieħed mill-ġenituri, sakemm il-benesseri tal-minuri ma jkunx f’riskju.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” jkopri d-drittijiet u l-obbligi kollha li għandhom il-ġenituri fir-rigward ta’ minuri. Parti importanti tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija l-kura tal-ġenituri; ir-responsabbiltà tal-ġenituri tinkludi wkoll kuntatt mal-minuri u d-dover li jiġi provdut manteniment lill-minuri (ara l-kummenti fil-mistoqsija 1). Il-kummenti li ġejjin jirreferu għall-kura tal-ġenituri (kustodja) u għall-aċċess.

Ġeneralment il-ġenituri jiddeċiedu kif jimmaniġġjaw il-kustodja konġunta tal-minuri tagħhom u m’hemm l-ebda rekwiżit legali dwar x’forma jrid ikollha. Madankollu, bidla legali vinkolanti fl-arranġamenti tal-kustodja mhijiex possibbli bi ftehim biss, iżda teħtieġ deċiżjoni mill-Qorti tal-Familja. Jekk il-ġenituri ma jgħixux flimkien, l-Uffiċċju għall-Benesseri taż-Żgħażagħ jista’ jgħinhom ifasslu pjan ta’ kura tal-ġenituri aċċettabbli b’mod reċiproku. Dan il-pjan jista’ jintuża bħala l-bażi għad-deċiżjonijiet tal-qorti dwar il-kustodja tal-ġenituri. Jekk il-ġenituri jaqblu li ġenitur wieħed għandu jingħata kustodja unika, dawn jistgħu jitolbu lill-Qorti tal-Familja biex titrasferixxi l-kustodja tal-ġenituri.

Il-ġenituri jistgħu wkoll jaqblu dwar kif jimmaniġġjaw id-drittijiet għal aċċess, peress li m’hemm l-ebda rekwiżit. Jekk l-arranġament jiġi rreġistrat f’soluzzjoni quddiem qorti u jiġi approvat mill-qorti, din is-soluzzjoni tkun ekwivalenti għal sentenza tal-qorti vinkolanti u, fejn meħtieġ, tista’ tkun eżegwibbli.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jsolvu l-kunflitti tagħhom waħidhom, dawn jistgħu jikkuntattjaw lill-Uffiċċju għall-Benesseri taż-Żgħażagħ jew organizzazzjoni volontarja ta’ servizz ta’ appoġġ għall-benesseri taż-żgħażagħ (Freie Jugendhilfe). Dawn jipprovdu pariri lill-ġenituri u jgħinuhom jegħlbu l-problemi tagħhom. Bażi tad-data b’dawn it-tip ta’ servizzi kollha ta’ appoġġ tinsab hawnhekk: http://www.dajeb.de. Il-medjazzjoni tista’ wkoll tgħin lill-ġenituri jilħqu soluzzjoni amikevoli. Aktar informazzjoni dwar il-medjazzjoni tal-familja tinsab hawnhekk: http://www.bafm-mediation.de/.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

L-imħallef jista’, skont ir-rikjesta jew il-proposta, jiddeċiedi, bħala parti mill-proċedimenti, dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kustodja tal-ġenituri (inkluż il-konsenja tal-minuri), mal-aċċess u mal-manteniment tal-minuri. L-imħallef għandu jimmira li jsolvi l-kunflitti b’mod li jkun aċċettabbli għaż-żewġ partijiet fl-istadji kollha tal-proċedimenti. Jekk il-ġenituri ma jaqblux fuq kwistjoni relatata mal-kustodja li tkun importanti għall-minuri, il-Qorti tista’ wkoll tagħti s-setgħa lil ġenitur wieħed li jieħu d-deċiżjonijiet waħdu f’dan ir-rigward (Alleinentscheidungsbefugnis).

Jekk il-benesseri tal-minuri jkun f’riskju, il-Qorti tista’ wkoll, fi kwalunkwe ħin u ex officio, tordna kwalunkwe miżura meħtieġa biex tevita kwalunkwe riskju simili.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” jkopri d-drittijiet u l-obbligi kollha li għandhom il-ġenituri fir-rigward ta’ minuri. Parti importanti tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija l-kura tal-ġenituri; ir-responsabbiltà tal-ġenituri tinkludi wkoll kuntatt mal-minuri u d-dover li jiġi provdut manteniment lill-minuri (ara l-kummenti fil-mistoqsija 1). Il-kummenti li ġejjin jirreferu għall-kura tal-ġenituri (kustodja) u għall-aċċess.

Fir-rigward tal-kura tal-ġenituri, il-kwistjoni trid, b’mod ġenerali, titwieġeb fl-affermattiv. Il-ġenitur mingħajr kustodja m’għandu l-ebda dritt li jiġi involut fid-deċiżjonijiet. Madankollu, huwa, għandu drittijiet ta’ aċċess u jista’ jitlob informazzjoni dwar is-sitwazzjoni personali tal-minuri mill-ġenitur l-ieħor diment li t-talba tkun leġittima. Madankollu, filwaqt li l-minuri li jkun qed jgħix mal-ġenitur mingħajr kustodja, abbażi tal-kunsens ta’ ġenitur mingħajr kustodja jew inkella ta’ sentenza tal-qorti (pereż. fil-kuntest tal-eżerċitar tad-drittijiet ta’ aċċess), il-ġenitur mingħajr kustodja jista’ jieħu deċiżjonijiet minn rajh dwar kwistjonijiet relatati mal-kura tal-minuri (pereż. l-ikel).

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” jkopri d-drittijiet u l-obbligi kollha li għandhom il-ġenituri fir-rigward ta’ minuri. Parti importanti tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija l-kura tal-ġenituri; ir-responsabbiltà tal-ġenituri tinkludi wkoll kuntatt mal-minuri u d-dover li jiġi provdut manteniment lill-minuri (ara l-kummenti fil-mistoqsija 1). Il-kummenti li ġejjin jirreferu għall-kura tal-ġenituri (kustodja).

Jekk il-ġenituri jkollhom kustodja konġunta tal-minuri tagħhom u jgħixu flimkien, dawn iridu jsibu soluzzjonijiet aċċettabbli b’mod reċiproku dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kura tal-ġenituri. Jekk, min-naħa l-oħra, il-ġenituri ma jgħixux flimkien, dawn għandhom jagħmlu dan biss fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ importanza konsiderevoli għall-minuri. Dwar kwistjonijiet ta’ kuljum, il-ġenitur li jgħix il-minuri miegħu għandu d-dritt li jieħu d-deċiżjonijiet waħdu.

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” jkopri d-drittijiet u l-obbligi kollha li għandhom il-ġenituri fir-rigward ta’ minuri. Parti importanti tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija l-kura tal-ġenituri; ir-responsabbiltà tal-ġenituri tinkludi wkoll kuntatt mal-minuri u d-dover li jiġi provdut manteniment lill-minuri (ara l-kummenti fil-mistoqsija 1). Il-kummenti li ġejjin jirreferu għall-kura tal-ġenituri (kustodja) u għall-aċċess.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-Qrati tal-Familja (diviżjonijiet tal-Qrati Lokali (Amtsgerichte)) għandhom il-ġurisdizzjoni għall-proċedimenti relatati mal-kustodja tal-ġenituri u l-aċċess. Jekk tkun meħtieġa talba għat-tnedija tal-proċedimenti, pereżempju fi proċedimenti għall-għoti tal-kustodja esklużiva meta l-ġenituri ma jkunux jgħixu flimkien, iridu jingħataw ġustifikazzjonijiet għal din it-talba. Il-fatti u l-evidenza tal-każ għandhom jiġu provduti kif ukoll jiġu annessi d-dokumenti msemmija. It-talba għandha tindika wkoll jekk il-partijiet diġà ppruvawx medjazzjoni jew proċedura oħra straġudizzjarja ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti. Ir-rappreżentanza legali hija neċessarja biss f’każijiet eċċezzjonali, pereż. għal talbiet li jsiru fil-kuntest ta’ proċedimenti tad-divorzju. Jekk ir-rappreżentanza legali ma tkunx obbligatorja, tista’ ssir talba direttament lill-qorti kompetenti. Jeżistu uffiċċji tal-qorti (Rechtsantragstellen) fil-Qrati Lokali għal dan l-iskop, fejn it-talbiet u dikjarazzjonijiet oħra jistgħu jiġu rreġistrati.

Jekk il-ġenituri ma jkunux miżżewġin lil xulxin meta jitwieled il-minuri, id-dikjarazzjoni tal-kustodja (fil-każ ta’ kustodja konġunta) tista’ tiġi ċċertifikata mill-uffiċjal responsabbli għad-dokumentazzjoni tal-Uffiċċju għall-Benesseri taż-Żgħażagħ (Jugendamt), minn nutar jew, f’ċerti ċirkostanzi, missjonijiet diplomatiċi barra mill-pajjiż.

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

Il-prinċipju ta’ “investigazzjoni ex officio” (Amtsermittlungsgrundsatz) japplika fi proċeduri relatati mal-kustodja tal-ġenituri u mad-drittijiet ta’ aċċess. Skont dan il-prinċipju, il-qorti għandha tinvestiga ex officio l-fatti rilevanti kollha u mhijiex marbuta mill-argumenti tal-partijiet.

F’każijiet ta’ emerġenza, il-qorti tista’ toħroġ inibizzjoni temporanja, diment li din tiġi ġġustifikata u tkun meħtieġa b’mod urġenti. Jekk il-benesseri tal-minuri jkun f’riskju, il-qorti trid tivverifika jekk għandhiex tinħareġ inibizzjoni temporanja, anki mingħajr talba minn waħda mill-partijiet. Jekk ma jkunx possibbli li tinstab soluzzjoni aċċettata b’mod reċiproku fiż-żmien stabbilit fil-proċedimenti għall-aċċess, il-qorti trid tiddiskuti l-kwistjoni ta’ inibizzjoni temporanja mal-ġenituri u mal-Uffiċċju għall-Benesseri taż-Żgħażagħ.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Iċ-ċittadini li, minħabba s-sitwazzjoni personali u finanzjarja tagħhom, ma jkunux jistgħu jkopru l-ispejjeż tal-proċedimenti, jistgħu jkopru biss porzjon tal-ispejjeż, jew jistgħu jħallsu biss bi ħlasijiet parzjali, jistgħu jiksbu għajnuna legali għall-proċedimenti, inkluż dawk li jinstemgħu mill-Qorti tal-Familja. Prerekwiżit għal din l-għajnuna legali huwa li l-azzjoni legali jew id-difiża maħsuba għandha jkollha biżżejjed prospetti ta’ suċċess u m’għandhiex tidher frivola. Dan jagħti wkoll lill-persuni b’inqas riżorsi finanzjarji aċċess għall-qrati. Fl-ambitu tal-proċess tal-għajnuna legali, skont l-introjtu disponibbli tal-persuna intitolata għall-għajnuna, l-Istat ikopri s-sehem tagħha tal-ispejjeż tal-qorti, u t-tariffi tal-avukat, kollha jew parzjalment, f’każ li jkun inħatrilha avukat.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” jkopri d-drittijiet u l-obbligi kollha li għandhom il-ġenituri fir-rigward ta’ minuri. Parti importanti tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija l-kura tal-ġenituri; ir-responsabbiltà tal-ġenituri tinkludi wkoll kuntatt mal-minuri u d-dover li jiġi provdut manteniment lill-minuri (ara l-kummenti fil-mistoqsija 1). Il-kummenti li ġejjin jirreferu għall-kura tal-ġenituri (kustodja) u għall-aċċess.

Huwa possibbli li jsir appell minn deċiżjonijiet dwar il-kustodja tal-ġenituri/l-aċċess. Ma tagħmilx differenza jekk deċiżjoni ntlaħqitx bħala parti minn proċedura awtonoma jew jekk ittiħditx bħala parti minn proċedimenti anċillari għal divorzju. L-appelli huma ammissibbli fiż-żewġ każijiet.

L-appell irid jitressaq fi żmien xahar minn meta d-deċiżjoni tiġi ppubblikata bil-miktub. Jista’ jitressaq appell kontra inibizzjonijiet temporanji dwar il-kustodja tal-ġenituri biss jekk dawn ikunu nħarġu abbażi ta’ skambju orali. Appelli bħal dawn iridu jiġu ppreżentati fi żmien ġimagħtejn. L-inibizzjonijiet li jinħarġu mingħajr skambju orali huma finali. Irrispettivament mill-kwistjoni tal-iskambju orali, l-inibizzjonijiet temporanji dwar id-dritt għall-aċċess ukoll ma jistgħux jiġu appellati. Madankollu, f’dawn il-każijiet, huwa possibbli li jinbdew proċedimenti fuq il-merti. Ta’ min jinnota li l-inibizzjonijiet temporanji jsiru invalidi meta jidħlu fis-seħħ sentenzi oħrajn li jikkonċernaw l-istess kwistjoni.

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” jkopri d-drittijiet u l-obbligi kollha li għandhom il-ġenituri fir-rigward ta’ minuri. Parti importanti tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija l-kura tal-ġenituri; ir-responsabbiltà tal-ġenituri tinkludi wkoll kuntatt mal-minuri u d-dover li jiġi provdut manteniment lill-minuri (ara l-kummenti fil-mistoqsija 1). Il-kummenti li ġejjin jirreferu għall-kura tal-ġenituri (kustodja) u għall-aċċess.

Jekk tinkiser ordni ta’ eżekuzzjoni dwar il-konsenja ta’ persuni u r-regolament ta’ aċċess, il-qorti tista’ tagħti multa lill-parti obbligata u, jekk din ma tistax tiġi rkuprata, tista’ tordna priġunerija. F’ċerti kundizzjonijiet, tista’ tiġi ordnata l-priġunerija direttament. Id-deċiżjoni li tordna l-konsenja ta' persuna jew ir-regolament ta’ aċċess ser tenfasizza l-konsegwenzi tal-ksur tal-ordni ta’ eżekuzzjoni. Il-multa massima għal persuna waħda hija ta’ EUR 25 000 u t-terminu massimu ta’ priġunerija huwa ta’ sitt xhur. Mezz potenzjali ieħor ta’ eżekuzzjoni huwa li tintuża miżura koersiva immedjata kontra l-parti obbligata. Mhuwiex permissibbli li tintuża forza fuq minuri jekk ikun jeħtieġ li jiġi ċedut biex ikun jista’ jiġi eżerċitat id-dritt għall-aċċess. L-użu ta’ forza fuq minuri huwa permess biss jekk dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri u ma jkunx possibbli li l-obbligu jiġi infurzat b’mezzi inqas severi.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” jkopri d-drittijiet u l-obbligi kollha li għandhom il-ġenituri fir-rigward ta’ minuri. Parti importanti tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija l-kura tal-ġenituri; ir-responsabbiltà tal-ġenituri tinkludi wkoll kuntatt mal-minuri u d-dover li jiġi provdut manteniment lill-minuri (ara l-kummenti fil-mistoqsija 1). Il-kummenti li ġejjin jirreferu għall-kura tal-ġenituri (kustodja) u għall-aċċess.

Id-deċiżjonijiet dwar il-kustodja tal-ġenituri u l-aċċess maħruġa fi Stati Membri oħra tal-UE (ħlief id-Danimarka) huma rikonoxxuti fil-Ġermanja abbażi tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (ir-Regolament Brussell IIa) u għalhekk mhi meħtieġa l-ebda proċedura speċjali għal dan l-iskop. Madankollu, fil-Ġermanja huwa wkoll possibbli li wieħed japplika għal rikonoxximent ta’ tali deċiżjonijiet fil-Qorti tal-Familja kompetenti. Dan ir-rikonoxximent japplika fir-rigward tal-partijiet kollha.

Qabel ma tkun tista’ tiġi eżegwita deċiżjoni dwar il-kustodja tal-ġenituri minn Stat Membru ieħor fil-Ġermanja, trid issir talba għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibilità, kif stabbilit fir-Regolament Brussell IIa, jiġifieri d-deċiżjoni trid tiġi approvata għall-eżekuzzjoni fil-Ġermanja. It-talba trid issir lill-Qorti tal-Familja lokali fejn għandha s-sede tagħha l-Qorti Reġjonali Superjuri (Oberlandesgericht). It-talba għall-eżekuzzjoni għandha tiġi akkumpanjata minn kopja tad-deċiżjoni u ċertifikat mill-qorti fl-Istat Membru oriġinali billi tintuża l-formola standard provduta fl-Anness II tar-Regolament. L-applikanti m’hemmx għalfejn jiġu rrappreżentati minn avukat. Madankollu, applikanti li jgħixu fi Stat Membru ieħor iridu jaħtru rappreżentant awtorizzat biex jaċċetta n-notifika fil-Ġermanja. Il-Qorti tal-Familja tasal għal deċiżjoni mingħajr seduta orali minn qabel. Ir-Reġistratur tal-qorti ser toħroġ l-ordni ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ din id-deċiżjoni. Appelli kontra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Familja jistgħu jitressqu mal-Qorti Reġjonali Superjuri. Appelli kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Reġjonali Superjuri jistgħu jitressqu mal-Qorti Federali tal-Ġustizzja (Bundesgerichtshof) jekk il-Qorti Reġjonali Superjuri tippermetti dan. Fil-Ġermanja, 22 biss minn aktar minn 650 Qorti tal-Familja huma responsabbli għal talbiet għal dikjarazzjonijiet ta’ rikonoxximent u eżegwibilità. L-indirizzi tagħhom jinsabu hawnhekk: http://www.bundesjustizamt.de/sorgerecht - “Zuständige Gerichte (bil-Ġermaniż) u http://www.bundesjustizamt.de/custody-conflicts - “Competent German courts” (bl-Ingliż).

Għandu jiġi nnutat li ċerti deċiżjonijiet ta’ Stati Membri dwar drittijiet ta’ aċċess u r-ritorn tal-ulied li tneħħew jew li nżammu illegalment jistgħu jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fil-Ġermanja mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ eżegwibilità u mingħajr l-għażla li dan ir-rikonoxximent jiġi kkontestat. Madankollu, f’każijiet bħal dawn, id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri huma wkoll liberi li jitolbu formalment id-dikjarazzjoni ta’ eżegwibilità għal tali deċiżjonijiet mill-qrati Ġermaniżi.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” jkopri d-drittijiet u l-obbligi kollha li għandhom il-ġenituri fir-rigward ta’ minuri. Parti importanti tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija l-kura tal-ġenituri; ir-responsabbiltà tal-ġenituri tinkludi wkoll kuntatt mal-minuri u d-dover li jiġi provdut manteniment lill-minuri (ara l-kummenti fil-mistoqsija 1). Il-kummenti li ġejjin jirreferu għall-kura tal-ġenituri (kustodja) u għall-aċċess.

It-22 qorti msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija 15 għandhom ukoll kompetenza speċjali f’dan il-każ. It-talbiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar il-kustodja tal-ġenituri jridu jsiru lill-Qorti tal-Familja fis-sede tal-Qorti Reġjonali Superjuri li fil-ġurisdizzjoni tagħha jgħix abitwalment ir-rispondent jew il-minuri affettwat mid-deċiżjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, tkun kompetenti l-Qorti tal-Familja li fil-ġurisdizzjoni tagħha jeżisti l-interess fin-nuqqas ta’ rikonoxximent jew il-ħtieġa għal kura; inkella tkun il-Qorti tal-Familja Pankow/Weißensee. Il-bidu ta’ din il-proċedura ġeneralment iwassal għall-kompetenza għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-minuri inkwistjoni kkonċentrati f’post wieħed, jiġifieri, qorti waħda tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-minuri. Madankollu, id-deċiżjonijiet (dwar ir-rikonoxximent jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent) japplikaw biss fl-Istat Membru fejn ikunu nħarġu. Madankollu, xorta tista’ ssir proċedura fil-Ġermanja biex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ rikonoxximent, anki bħala miżura ta’ prekawzjoni.

Fir-rigward ta’ din il-proċedura, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni tal-eżekuzzjoni għandhom japplikaw kif xieraq fl-ewwel istanza u f’kull proċediment tal-appell.

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

It-terminu “responsabbiltà tal-ġenituri” jkopri d-drittijiet u l-obbligi kollha li għandhom il-ġenituri fir-rigward ta’ minuri. Parti importanti tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija l-kura tal-ġenituri; ir-responsabbiltà tal-ġenituri tinkludi wkoll kuntatt mal-minuri u d-dover li jiġi provdut manteniment lill-minuri (ara l-kummenti fil-mistoqsija 1). Il-kummenti li ġejjin jirreferu għall-kura tal-ġenituri (kustodja) u għall-aċċess.

Trid issir distinzjoni bejn kwistjonijiet tad-dritt applikabbli u kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni. L-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi tar-residenza abitwali tal-minuri, normalment ikollhom ġurisdizzjoni f’materji ta’ kustodja tal-ġenituri u ta’ aċċess (l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 u l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Protezzjoni tat-Tfal). Madankollu, in-nazzjonalità hija irrilevanti. Id-dritt applikabbli huwa wkoll ibbażat fuq il-Konvenzjoni tal-Aja dwar il-Protezzjoni tat-Tfal. F’konformità wkoll ma’ din il-Konvenzjoni, bil-liġi, fil-prinċipju, huma l-liġijiet tal-Istat li fih jgħix abitwalment il-minuri li japplikaw għall-assenjament, it-tneħħija u l-eżerċitar tal-kustodja tal-ġenituri u tad-dritt ta’ aċċess. Fil-prinċipju, il-kustodja tal-ġenituri li tirriżulta mil-liġijiet tal-Istat tar-residenza abitwali tal-minuri tkompli anki jekk jinbidel il-post ta’ residenza tal-minuri. Jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi Ġermaniżi li jkollhom ġurisdizzjoni b’virtù tal-post tar-residenza tal-minuri joħorġu dispożizzjonijiet dwar il-kustodja tal-ġenituri u l-aċċess, dawn ikunu rregolati mid-dritt Ġermaniż.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 29/12/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.