Ir-responsabilità tal-ġenituri - il-kustodja tat-tfal u d-drittijiet ta’ kuntatt

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Xi tfisser il-frażi fil-liġi "responsabbiltà tal-ġenituri" fil-prattika? Liema huma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri?

Il-kustodja (ir-responsabbiltà tal-ġenituri) hija d-dover u d-dritt tal-ġenituri. Din tinkludi l-kura u t-trobbija tal-minuri, l-immaniġġjar tal-proprjetà tal-minuri u r-rappreżenazzjoni tal-minuri, minbarra kwistjonijiet oħra (l-Artikolu 158 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak – Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch).

Skont l-Artikolu 160 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak, il-kura ta’ minuri tfisser primarjament li wieħed jieħu ħsieb il-benesseri u s-saħħa fiżika tiegħu u jissorvelja lill-minuri direttament, u t-trobbija ta’ minuri tinkludi, b’mod partikolari, l-iżgurar tal-iżvilupp fiżiku, mentali, emozzjonali u morali tal-minuri, u l-promozzjoni tat-talenti, il-ħiliet, il-preferenzi u l-potenzjal tal-iżvilupp tal-minuri u t-taħriġ tal-iskola/vokazzjonali tiegħu. Il-kura tinkludi wkoll il-kura medika tal-minuri u t-trobbija tal-minuri tinkludi wkoll id-deċiżjoni dwar il-post ta’ residenza tal-minuri (l-Artikolu 162 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak) u għalhekk ukoll, pereżempju, it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar ivvjaġġar barra, l-għażla tal-iskejjel u l-għażla jew il-bidla tar-reliġjon tal-minuri. Id-dritt tal-ġenituri li jrabbu l-minuri jimplika wkoll id-dritt li jsemmu l-minuri.

L-immaniġġjar tal-proprjetà tal-minuri jinkludi, pereżempju, il-manteniment tal-minuri (id-determinazzjoni, il-modifikazzjoni, ir-riċeviment, il-ġbir u l-użu tal-manteniment). L-Artikolu 164 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak jiddikjara li l-ġenituri għandhom jimmaniġġjaw il-proprjetà tal-minuri “bl-attenzjoni ta’ ġenituri diċenti”.

Ir-“rappreżentanza legali” tal-minuri hija definita bħala d-dritt u l-obbligu li jiġu mmaniġġjati l-kwistjonijiet legali għall-minuri. Dan jinkludi r-rappreżentanza tal-minuri f’każijiet fejn id-drittijiet jew l-obbligi jiġu assenjati direttament lill-minuri jew jingħata kunsens f’isem il-minuri. Rappreżentanza legali tista’ tirreferi għall-kura u t-trobbija tal-minuri u l-immaniġġjar tal-proprjetà tal-minuri fis-sens “estern” (pereż. konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kura medika ma’ tabib, qbil għal trattament ta' kura għall-minuri) għall-kuntrarju tat-twettiq attwali ta’ dawn il-kompiti “internament” (pereż. l-għoti ta’ medikazzjoni, il-bdil ta' ħarqa ta’ tarbija, li l-ġenitur jara li x-xogħol għad-dar ikun lest kollu). Ir-rappreżentanza legali tapplika wkoll barra minn dawn l-oqsma (fis-sens “pur” tat-terminu), bħal meta jinbidel l-isem jew in-nazzjonalità tal-minuri, jintalab rikonoxximent tal-paternità barra miż-żwieġ u l-eżerċitar tad-drittijiet personali tal-minuri.

2 Bħala regola ġenerali, min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq l-ulied?

Bħala regola, jekk minuri jitwieled fiż-żwieġ jew jekk il-ġenituri jiżżewġu lill xulxinwara t-twelid tal-minuri, iż-żewġ ġenituri jkollhom il-kustodja tal-minuri (l-Artikolu 177(1) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak). Jekk il-minuri jitwieled barra miż-żwieġ, bil-liġi, l-omm biss ikollha l-kustodja tal-minuri (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 177(2) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak).

It-tieni sentenza tal-Artikolu 177(2) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak jiddikajra li ġenituri mhux miżżewġin jistgħu, wara li jiġu infurmati dwar il-konsegwenzi legali, jiddikjaraw personalment quddiem ir-reġistratur li t-tnejn huma responsabbli għall-kustodja tal-minuri, sakemm il-kustodja ma tkunx diġà ġiet riżolta fil-qorti. Jekk il-ġenituri ma jgħixux f’unità domestika waħda, dawn għandhom jaslu għal ftehim dwar liema ġenitur ser ikun il-persuna primarja għall-kura tal-minuri. Inkella, il-ġenituri jistgħu jidħlu fi ftehim quddiem il-qorti jew jippreżentaw tali ftehim lill-qorti (l-Artikolu 177(3) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak). Il-qorti tista’ wkoll tagħti l-kustodja liż-żewġ ġenituri (l-Artikolu 180(2) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak).

Kustodja konġunta tista’ tintemm biss permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti. Il-qorti mbagħad għandha tfittex soluzzjoni amikevoli. Jekk dan ma jirnexxix, il-qorti tagħti l-kustodja lil ġenitur wieħed jew għal darb’oħra liż-żewġ ġenituri (l-Artikolu 180 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak). Jekk il-qorti tagħti kustodja konġunta, din għandha tistipula wkoll l-unità domestika li primarjament il-minuri ser jingħata kura fiha. F’dawn id-deċiżjonijiet, il-qorti dejjem tipprijoritizza x’inhu l-aħjar fl-interess tal-minuri.

Jekk ġenitur wieħed biss jingħata l-kustodja, l-ieħor jingħata d-dritt għal kuntatt personali mal-minuri u għad-drittijiet għal informazzjoni, espressjoni u rappreżentanza kif definit fl-Artikolu 189 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak.

3 Jekk il-ġenituri ma jkunux kapaċi jew ma jridux jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fuq uliedhom, tista’ tinħatar persuna oħra minflokhom?

Jekk iż-żewġ ġenituri jiġu pprevenuti milli jeżerċitaw il-kustodja, il-qorti għandha tiddeċiedi liema nanniet (jew, fin-nuqqas ta’ dan, nannu/a), jew liema ġenituri foster (jew ġenitur foster) għandhom jingħataw il-kustodja tal-minuri. Jekk in-nanniet jew il-ġenituri foster ikunu jridu jingħataw il-kustodja, ġeneralment koppja tieħu preċedenza fuq nannu/a wieħed/waħda jew ġenitur foster wieħed, sakemm dan ma jkunx fl-aħjar interess tal-minuri. Jekk iż-żewġ ġenituri jiġu pprevenuti milli jipprovdu xi aspett ta’ kura, dan japplika kif xieraq. Il-benesseri tal-minuri dejjem huwa l-kriterju primarju meta tingħata l-kustodja.

Jekk il-ġenitur bil-kustodja unika jiġi pprevenut milli jeżerċita l-kustodja, il-qorti għandha tiddeċiedi jekk f’dan il-każ għandhiex tingħata kustodja sħiħa jew parzjali lill-ġenitur l-ieħor, lin-nanniet jew nannu/a, jew lil ġenituri foster (jew ġenitur foster). Il-ġenitur l-ieħor jieħu preċedenza fuq in-nanniet u l-ġenituri foster diment li jiġi ggarantit il-benesseri tal-minuri ma’ dak il-ġenitur.

Jekk m’hemmx ġenituri, nanniet jew ġenituri foster li jistgħu jingħataw il-kustodja, persuna xierqa oħra tista’ tingħatalha l-kustodja tal-minuri (l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak). Il-benesseri tal-minuri huwa l-fattur deċiżiv meta tintgħażel din il-persuna; ix-xewqat tal-minuri u dawk tal-ġenituri wkoll għandhom jiġu kkunsidrati (l-Artikolu 205(1) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak). Il-qraba huma l-ewwel li jiġu kkunsidrati, segwiti minn persuni oħrajn qrib il-minuri, u finalment persuni xierqa oħra, bħal organizzazzjonijiet tal-benesseri tat-tfal jew taż-żgħażagħ (l-Artikolu 209 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak).

4 Jekk il-ġenituri jiddivorzjaw jew jinfirdu, ir-responsabbiltà tal-ġenituri kif tkun iddeterminata għall-ġejjieni?

Il-kustodja konġunta tibqa’ tapplika wara divorzju jew l-annullament ta’ żwieġ. Madankollu, jekk il-ġenituri jixtiequ jżommu kustodja konġunta bħal qabel, dawn għandhom iressqu ftehim lill-qorti f’perjodu ta’ żmien raġonevoli li jispeċifika l-ġenitur li l-minuri ser jgħix primarjament miegħu. Il-qorti għandha tapprova dan il-ftehim jekk ikun fl-aħjar interess tal-minuri. Madankollu, il-ġenituri mhumiex permessi li jaqsmu l-kustodja b’mod li jfisser li, pereżempju, li ġenitur wieħed ikun responsabbli kollu kemm hu għall-kura u għat-trobbija tal-minuri, filwaqt li l-ieħor jieħu ħsieb il-proprjetà tal-minuri u li jirrappreżenta lill-minuri biss; il-ġenitur li l-minuriser jgħix primarjament miegħu dejjem għandu jkollu l-kustodja sħiħa. Jekk tali ftehim ma jitressaqx f’perjodu raġonevoli ta’ żmien wara x-xoljiment taż-żwieġ, jew jekk ma jkunx fl-aħjar interess tal-minuri, il-qorti għandha tiddeċiedi, jekk ma jistax jintlaħaq ftehim amikevoli – fejn meħtieġ wara medjazzjoni, liema ġenitur ser ikollu l-kustodja unika tal-minuri fil-futur.

Il-ġenituri jistgħu jispeċifikaw ukoll li ġenitur wieħed biss għandu jżomm il-kustodja tal-minuri wara x-xoljiment taż-żwieġ. F’każijiet bħal dawn, huwa ċar li mhuwiex meħtieġ ftehim li jistipula l-ġenitur li l-minuri ser jgħix primarjament miegħu. Dan japplika mhux biss għal każijiet li fihom jixxolja ż-żwieġ, iżda wkoll għal każijiet li fihom il-ġenituri ta’ minuri jkunu għadhom miżżewġin iżda jgħixu separatament b’mod permanenti. F’każijiet bħal dawn, il-qorti tiddeċiedi biss wara talba ta’ wieħed mill-ġenituri.

L-informazzjoni ta’ hawn fuq dwar il-kustodja wara xoljiment taż-żwieġ tal-ġenituri tapplika wkoll għal każijiet li fihom jisseparaw is-sħab tul il-ħajja. Għalhekk, il-ġenituri ta’ minuri li jitwieled barra miż-żwieġ jistgħu jingħataw kustodja konġunta mill-qorti jekk l-unità domestika konġunta tneħħiet jew saħansitra jekk tali unità domestika qatt m’eżistiet, diment li jkun hemm ftehim dwar residenza fis-seħħ li tkun fl-aħjar interess tal-minuri.

5 Jekk il-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema formalitajiet għandhom ikunu rrispettati biex il-ftehim jorbot legalment?

Ara l-mistoqsija 4.

6 Jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri, liema huma l-mezzi alternattivi biex jiġi solvut il-kunflitt mingħajr intervent tal-qorti?

Il-ġenituri jistgħu jikkuntattjaw lis-servizzi tal-benesseri tat-tfal jew taż-żgħażagħ (konsulenza tal-familja) jew organizzazzjonijiet privati għal parir. Inkella, il-ġenituri jistgħu jattendu medjazzjoni, konsulenza tal-koppji jew konsulenza tal-ġenituri jew jużaw servizzi ta’ konsulenza oħra.

7 Jekk il-ġenituri jmorru l-qorti, liema kwistjonijiet jistgħu jiġu deċiżi mill-imħallef fir-rigward tat-tfal?

L-imħallef fil-Qorti tat-Tutela (Pflegschaftsgericht) jista’ uffiċjalment jibda u jiddeċiedi biss fi proċedimenti relatati mal-kustodja u d-drittijiet ta’ aċċess. Jekk ikun hemm riskju akut għall-benesseri tal-minuri, is-servizzi tal-benesseri tat-tfal u taż-żgħażagħ għandhom jiġu nnotifikati. Jekk il-minuri ikun f’periklu imminenti, dawn għandhom jieħdu miżuri xierqa, inkluż l-irtirar tal-kustodja fl-aktar każijiet serji.

Il-manteniment tat-tfal jista’ jiġi deċiż biss wara talba tar-rappreżentant legali tal-minuri jew tal-persuna ta’ età legali intitolata għal manteniment. Dan ma jistax jiġi deċiż mill-qorti ex officio. Il-manteniment tat-tfal għandu jintalab bħala parti minn proċedimenti legali mhux kuntenzjużi (Außerstreitverfahren). Dan japplika wkoll għal tfal ta’ età legali. L-uffiċjali ġudizzjarji (Rechtspfleger) huma responsabbli għal dan.

8 Jekk il-qorti tiddeċiedi li ġenitur wieħed biss għandu jkollu l-kustodja tal-ulied, dan ikun ifisser li huwa jew hija jistgħu jiddeċiedu dwar l-affarijiet kollha li jirrigwardjaw it-tfal mingħajr ma qabel jikkonsultaw lill-ġenitur l-ieħor?

Il-ġenitur mingħajr il-kustodja għandu d-dritt li jiġi infurmat f’ħin waqtu dwar kwistjonijiet importanti li jaffettwaw il-minuri u miżuri ppjanati li jeħtieġu rappreżentanza kollettiva fil-każ ta’ kustodja konġunta (l-Artikolu 167(2) u (3) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak) mill-persuna bil-kustodja u biex jikkummenta dwar din l-informazzjoni (dritt għal informazzjoni u espressjoni). Il-kummenti għandhom jiġu kkunsidrati jekk ix-xewqat espressi jkunu ta’ aktar benefiċċju għall-interessi tal-minuri. Dawn id-drittijiet jestendu wkoll għal kwistjonijiet inqas importanti (diment li dawn ma jkunux biss kwistjonijiet ta’ kuljum), jekk, minkejja r-rieda tal-ġenitur mingħajr il-kustodja, huwa ma jkollux kuntatt wiċċ imb wiċċ regolari mal-minuri, pereżempju minħabba li ċ-ċirkostanzi ma jippermettux dan jew minħabba li l-minuri jirrifjuta l-kuntatt (l-Artikolu 189(3) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak).

Jekk il-ġenitur mingħajr kustodja b’mod persistenti jonqos milli jikkonforma ma’ dawn l-obbligi, il-qorti tista’ tieħu l-miżuri xierqa wara talba u, jekk il-benesseri tat-tfal ikun f’riskju, ex officio (l-Artikolu 189(4) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak). Il-qorti tista’, pereżempju, toħroġ digrieti speċifiċi lill-ġenitur li qiegħed jonqos milli jikkonforma, jew tawtorizza l-ġenitur mingħajr il-kustodja biex jikseb informazzjoni huwa stess mingħand it-tabib jew mill-iskola. Jekk l-imġiba tal-ġenitur mingħajr il-kustodja tpoġġi l-benesseri tal-minuri f’riskju, il-kustodja tista’ tiġi rtirata jew parzjalment jew kollha skont l-Artikolu 181 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak).

Id-dritt għal informazzjoni u espressjoni jista’ jiġi ristrett jew irtirat mill-qorti jekk l-eżerċitar tiegħu jipperikola serjament il-benesseri tat-tfal. L-istess japplika jekk il-ġenitur ikkonċernat jabbuża minn dawn id-drittijiet jew jeżerċitahom b’mod li jkun inaċċettabbli għall-ġenitur l-ieħor. Dawn jieqfu jeżistu wkoll jekk il-ġenitur innifsu jirrifjuta kuntatt mal-minuri mingħajr ġustifikazzjoni (l-Artikolu 189(2) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak).

Il-kustodja dejjem għandha tiġi eżerċitata b’mod li jkun tal-aħjar benefiċċju għall-interessi tal-minuri. Meta jiġi ddeterminat liema jkunu l-aħjar interessi tal-minuri, għandhom jiġu kkunsidrati l-personalità u l-ħtiġijiet tal-minuri, speċjalment it-talenti, il-ħiliet, il-preferenzi u l-potenzjal għall-iżvilupp tiegħu, u l-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-ġenituri.

Il-persuni kollha bil-kustodja (ġenituri, nanniet, ġenituri foster, oħrajn) u persuni li għandhom drittijiet u obbligi oħra fir-rigward ta’ minuri (pereż. drittijiet ta’ aċċess), sabiex jissalvagwardjaw il-benesseri tal-minuri, għandhom jonqsu minn kwalunkwe ħaġa li tista’ xxekkel ir-relazzjoni tal-minuri ma’ persuni oħra li għandhom drittijiet u obbligi fir-rigward tal-minuri jew li jistgħu jagħmluha aktar diffiċli għal persuni bħal dawn biex iwettqu d-doveri tagħhom (rekwiżiti ta’ kondotta tajba [Wohlverhaltensgebot], l-Artikolu 159 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak).

9 Jekk il-qorti tiddeċiedi li l-ġenituri għandu jkollhom il-kustodja konġunta ta’ uliedhom, dan xi jfisser fil-prattika?

Il-prinċipju ta’ rappreżentanza unika japplika għal rappreżentanza legali, jiġifieri kull ġenitur huwa intitolat u obbligat li jirrappreżenta lill-minuri waħdu. Għalhekk, azzjoni legali li tittieħed minn ġenitur wieħed xorta tkun legalment valida anki jekk il-ġenitur l-ieħor ma jaqbilx magħha (l-Artikolu 167(1) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak). Il-ftehim taż-żewġ ġenituri awtorizzati biex jirrappreżentaw lill-minuri huwa meħtieġ biss fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 167(2) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak (pereż. meta jinbidel l-isem jew il-kunjom tal-minuri, tintgħażel jew tinbidel ir-reliġjon tal-minuri, il-minuri jiġi ttrasferit għal kura barra, eċċ.)

L-approvazzjoni tal-ġenitur l-ieħor awtorizzat biex jirrappreżenta lill-minuri u l-kunsens tal-qorti huma meħtieġa meta l-minuri jiġi rrappreżentat jew jingħata kunsens f’isem il-minuri fi kwistjonijiet relatati mal-proprjetà mhux soġġetti għal intrapriża ordinarja (l-Artikolu 167(3) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak). Dawn jinkludu, pereżempju, l-iżvestiment jew l-ipotekar tal-proprjetà, ir-rinunzja ta’ dritt għall-wirt, l-aċċettazzjoni bla kondizzjoni jew ir-rinunzja ta’ suċċessjoni, u l-aċċettazzjoni ta’ donazzjonijiet bi gravami.

Fil-proċedimenti ċivili, kull ġenitur huwa intitolat jirrappreżenta lill-minuri waħdu. Jekk il-ġenituri ma jistgħux jaqblu jew il-qorti ma nnominatx wieħed minnhom jew parti terza bħala r-rappreżentant tal-minuri, ir-rappreżentant ikun il-ġenitur li jtemm l-ewwel stadju proċedurali (Verfahrenshandlung) l-Artikolu 169 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak). Il-ġenituri għandhom josservaw ir-rekwiżiti ta’ kondotta tajba (ara l-mistoqsija 9).

10 Għand liema qorti jew awtorità għandi nirrikorri jekk inkun irrid nippreżenta rikors dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri? Liema formalitajiet għandhom ikunu rispettati u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Skont l-Artikolu 109 tal-Att dwar ġuriżdizzjoni tal-qorti (Jurisdiktionsnorm – JN), il-qorti kompetenti hija l-Qorti tad-Distrett (Bezirksgericht) tad-distrett fejn il-minuri għandu r-residenza abitwali tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ tali residenza fl-Awstrija, ir-residenza (attwali) tiegħu. Jekk il-minuri m’għandu l-ebda residenza fl-Awstrija, il-qorti kompetenti hija dik tad-distrett fejn ir-rappreżentant legali għandu r-residenza abitwali tiegħu. Jekk m’hemm l-ebda tali residenza fl-Awstrija, hija l-qorti tad-distrett fejn ġenitur minnhom ikollu r-residenza abitwali tiegħu, inkella l-Qorti tad-Distrett tal-Belt ta’ Vjenna (Bezirksgericht Innere Stadt Wien). Ir-residenza abitwali tvarja mir-residenza (sempliċi) fis-sens li normalment tkun il-post ta’ residenza għal perjodu ta’ żmien speċifiku u kontinwu (madwar sitt xhur).

It-talbiet għat-trasferiment ta’ kustodja unika jew parteċipazzjoni fil-kustodja jistgħu jsiru bil-kitba, bil-posta jew wiċċ imb wiċċ fil-Qorti tad-Distrett f’dawk magħrufa bħala “jiem tal-uffiċċju” (Amtstage), li jsiru tal-inqas darba fil-ġimgħa, normalment it-Tlieta filgħodu. Il-partijiet m’hemmx għalfejn jiġu rrappreżentati minn avukat. Madankollu, jekk jixtiequ li jiġu rrappreżentati, dawn jistgħu jiġu rrappreżentati biss minn avukat (“rekwiżit relattiv għal rappreżentanza legali” [relative Anwaltspflicht] skont l-Artikolu 101(1) tal-Att dwar proċedimenti mhux kontenzjużi).

It-talba għandu jkun fiha deskrizzjoni tal-każ, l-ismijiet, il-kunjomijiet u l-indirizzi tar-rikorrent u r-rappreżentant tiegħu u, jekk meħtieġ, l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet l-oħrajn li jaf bihom, u fi kwistjonijiet li jappartjenu għall-istat ċivili, id-data u l-post tat-twelid u n-nazzjonalità tal-partijiet ukoll (l-Artikolu 10(3) tal-Att dwar proċedimenti mhux kuntenzjużi).

Jekk il-formola jew il-kontenut tat-talba jkun skorrett jew mhux mimli kollu b’mod li jxekkel stadji proċedurali ulterjuri, il-Qorti m’għandhiex tiċħdu jew tirrifjutah immedjatament imma l-ewwel għandha tfittex li tirrettifikah (l-Artikolu 10(4) tal-Att dwar proċedimenti mhux kontenzjużi).

11 Liema proċedura tapplika f’dawn il-każijiet? Jista’ wieħed jagħmel użu minn proċedura ta’ emerġenza?

F’dawn il-każijiet, tapplika l-proċedura mhux kuntenzjuża, skont l-Att dwar proċedimenti mhux kuntenjużi.

Skont l-aħjar interessi tal-minuri, il-Qorti għandha tagħti jew tirtira l-kustodja u d-dritt għal kuntatt personali, speċjalment sabiex iżżomm kuntatt affidabbli u sabiex tistabbilixxi ċarezza ġuridika, u xi drabi għandha tagħmel dan fuq bażi provviżorja bħala parti minn proċedura ta’ emerġenza. Dan jista’ jkun meħtieġ, b’mod partikolari, wara x-xoljiment taż-żwieġ tal-ġenituri jew tal-unità domestika (il-Punt 1 tal-Artikolu 180(1) tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak). Din id-deċiżjoni hija b’mod provviżorju vinkolanti u eżegwibbli, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Qorti.

12 Nista’ nikseb għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Skont l-Artikolu 63 sa 73 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung – ZPO), l-għajnuna legali tingħata fi proċedimenti ċivili fuq talba jekk parti ma tkunx tista’ tissodisfa l-ispejjeż tal-proċedimenti mingħajr ma ssib lilha nfisha taħt il-livell ta’ sussistenza meħtieġ. Skont l-Artikolu 7(1) tal-Att dwar proċedimenti mhux kuntenzjużi, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati kif xieraq fi proċedimenti mhux kuntenzjużi (bħal fi proċedimenti relatati mal-manteniment tat-tfal).

Il-livell ta’ sussistenza meħtieġ, f’termini astratti, jinsab bejn l-introjtu medju statistiku ta’ persuna impjegata u l-livell ta’ sussistenza minimu. Jitqies f’riskju jekk il-parti u l-familja tagħha intitolati għal manteniment lanqas ma jkun jista' jkollhom ħajja saħansitra modesta, meta jiġu kkunsidrati kwalunkwe assi li jintużaw jew il-possibbiltà ta’ tfaddil li jakkumula waqt proċedimenti itwal. Tista’ tingħata wkoll għajnuna legali parzjali.

L-għajnuna legali tiġi approvata biss jekk l-azzjoni jew id-difiża legali maħsuba ma tidhirx li tkun frivola jew bla skop b’mod ċar. L-għajnuna legali tista’ tingħata kemm lil persuni fiżiċi kif ukoll lil dawk ġuridiċi. In-nazzjonalità tal-parti hija irrilevanti.

L-għajnuna legali tinkludi b’mod partikolari eżenzjoni provviżorja mill-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti, u l-ispejjeż għax-xhieda, l-esperti, l-interpreti, kif ukoll ħlas tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-parti jekk teħtieġ li tidher personalment. Jekk ir-rappreżentanza minn avukat tkun meħtieġa bil-liġi (bħal f’tilwim li jinvolvi ammonti ta’ aktar minn € 5000 jew fi proċedimenti quddiem qrati reġjonali [Landesgerichte]) jew jekk fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ ikun jidher li jkun meħtieġ, il-parti tingħata b’mod provviżorju avukat Awstrijak bla ħlas. L-avukat jagħti parir legali lill-parti qabel il-proċedimenti bl-għan li tissolva t-tilwima barra mill-qorti.

L-Artikolu 71 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li l-partijiet li jirċievu l-għajnuna legali jkunu meħtieġa jħallsu lura parti mill-ammonti jew l-ammonti kollha li ġew eżentati minnhom b’mod provviżorju u li għadhom ma tħallsux lura. Barra minn hekk, dawn ikollhom iħallsu l-avukat assenjat lilhom ir-rati stabbiliti jekk u hekk kif ikunu jistgħu mingħajr ma jirriskjaw is-sussistenza tagħhom. Wara perjodu ta’ tliet snin wara l-konklużjoni tal-proċedimenti, l-obbligu tal-ħlas lura ma jistax jibqa’ jiġi impost. Sabiex jiġi vverifikat jekk il-kondizzjonijiet għall-ħlas lura ġewx issodisfati, il-qorti tista’ titlob lill-parti biex tippreżenta dikjarazzjoni ġdida tal-assi (Vermögensbekenntnis) flimkien ma’ evidenza raġonevoli f’perjodu ta’ żmien xieraq.

13 Ikun possibbli li jsir appell kontra deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri?

Jista’ jsir appell kontra d-deċiżjonijiet mill-qorti tal-prim'istanza dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri (l-Artikolu 45 tal-Att dwar proċedimenti mhux kuntezjużi). L-iskadenza għall-appell hija 14-il jum mid-data li tingħata l-kopja bil-miktub tad-deċiżjoni (l-Artikolu 46(1) tal-Att dwar proċedimenti mhux kuntezjużi). Bħala regola, hija l-qorti tat-tieni istanza li tiddeċiedi dwar l-appell.

F’ċerti każijiet, l-appelli dwar punt tad-dritt (Revisionsrekurs) jistgħu jiġu ppreżentati lill-Qorti Suprema (Oberster Gerichtshof) kontra deċiżjoni maħruġa mill-qorti tal-appell (Rekursgericht) bħala parti mill-proċedimenti tal-appell (cf. l-Artikolu 62 tal-Att dwar proċedimenti mhux kuntezjużi). Appelli bħal dawn huma permessibbli biss jekk isolvu kwistjoni legali ta’ importanza konsiderevoli għall-manteniment ta’ unità, ċertezza jew żvilupp legali. Madankollu, dwar xi kwistjonijiet, tali appelli mhumiex ammissibbli, bħal dwar kwistjonijiet relatati mal-għajnuna, l-ispejjeż u t-tariffi legali. L-iskadenza għall-appelli dwar punt tad-dritt hija 14-il jum mid-data li fiha tingħata d-deċiżjoni tal-qorti tal-appell (l-Artikolu 65(1) tal-Att dwar proċedimenti mhux kuntezjużi). L-appell għandu jiġi ffirmat minn avukat jew nutar (il-Punt 5 tal-Artikolu 65(3) tal-Att dwar proċedimenti mhux kuntezjużi).

14 F’ċerti każijiet, jista’ jkun meħtieġ li wieħed japplika lill-qorti jew lil awtorità oħra għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Liema proċedura tapplika f’każ bħal dan?

Skont l-Artikolu 110(2) tal-Att dwar proċedimenti mhux kuntezjużi, id-deċiżjonijiet ma jistgħux jiġu eżegwiti skont il-Kodiċi tal-Eżekuzzjoni (Exekutionsordnung). Skont l-Artikolu 79(2) tal-Att dwar proċedimenti mhux kuntenzjużi, il-Qorti għandha tordna miżuri vinkolanti xierqa fuq talba jew ex officio. Dawn il-miżuri jinkludu multi, detenzjoni sa sena, attendenza obbligatorja, spezzjoni tad-dokumenti, informazzjoni u oġġetti mobbli oħrajn u l-ħatra ta’ fiduċjarji li għadhom jieħdu azzjoni raġonevoli għad-detriment u r-riskju tal-persuna inadempjenti. Is-sentenzi dwar kuntatt personali wkoll għandhom jiġu eżegwiti kontra r-rieda tal-ġenitur li ma jgħixx fl-unità domestika konġunta mal-minuri. Il-qorti tista’ wkoll teżegwixxi sentenzi dwar kustodja permezz ta’ forza diretta xierqa.

Skont l-Artikolu 110(3) tal-Att dwar proċedimenti mhux kuntenzjużi, il-qorti tista’, ex officio, tastjeni milli tordna l-eżekuzzjoni biss jekk u sakemm l-eżekuzzjoni tkun tpoġġi f’periklu l-benesseri tal-minuri. Barra minn hekk, meta s-sentenzi tal-kustodja jiġu eżegwiti mill-qorti jew jiġu approvati mill-qorti, il-qorti tista’ tfittex assistenza minn servizzi tal-benesseri tat-tfal jew taż-żgħażagħ jew mill-Qorti tal-Familja, speċjalment fir-rigward tal-kura temporanja tal-minuri jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiżgura l-benesseri tiegħu. Madankollu, il-korpi ġudizzjarji biss jistgħu jużaw forza diretta biex jeżegwixxu s-sentenzi tal-qorti. Dawn jistgħu jitolbu assistenza mill-pulizija.

15 X’għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta u infurzata f’dan l-Istat Membru?

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Brussell IIa, deċiżjonijiet minn Stati Membri oħra jiġu rikonoxxuti mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura speċjali.

Proċedura għall-approvazzjoni ta’ deċiżjoni li tittieħed minn qorti barranija (proċedura exequatur) hija meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar il-kustodja (l-Artikolu 28 et seq tar-Regolament Brussell IIa); id-dettalji tal-proċedura jitħallew għall-Istati Membri biex jirregolawhom skont l-Artikolu 30 tar-Regolament. Fl-Awstrija dan huwa regolat mll-Artikoli 112 sa 116 tal-Att dwar proċedimenti mhux kuntenzjużi.

16 F’liema qorti f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri biex nopponi r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri maħruġa minn qorti fi Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Talbiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni dwar il-kustodja li tittieħed fi Stat Membru ieħor (l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Brussell IIa) jaqgħu – bħall-proċedura exequatur – taħt il-kompetenza tal-Qorti tad-Distrett li f’dan id-distrett il-minuri għandu r-residenza abitwali tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ tali residenza, ir-residenza tiegħu fl-Awstrija. Jekk il-minuri ma jkollux residenza fl-Awstrija, il-Qorti kompetenti tkun dik fid-distrett fejn ir-rappreżentant legali jkollu r-residenza abitwali tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ tali residenza fl-Awstrija, u sakemm il-każ ikun relatat ma’ minuri, il-Qorti li wieħed mill-ġenituri jkollu r-residenza abitwali tiegħu fid-distrett tagħha. Inkella, il-Qorti kompetenti tkun il-Qorti tad-Distrett taċ-Ċentru tal-Belt ta’ Vjenna (l-Artikolu 109 tal-Att dwar il-ġuriżdizzjoni tal-qorti flimkien mal-Artikolu 109 ta’ dan l-Att).

17 Liema liġi għandha tiġi applikata mill-qorti fi proċediment dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri meta t-tfal jew il-partijiet ma jkunux jgħixu f’dan l-Istat Membru jew ikunu ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Jekk il-qrati Awstrijaċi jitqiesu kompetenti skont ir-Regolament Brussell IIa jew il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-protezzjoni tat-tfal, dawn japplikaw primarjament il-liġi Awstrijaka.

L-aħħar aġġornament: 16/10/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.