Tipi ta’ professjonijiet legali

Fi ħdan l-ordinamenti ġuridiċi u ġudizzjarji differenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE), hemm firxa wiesa' ta' professjonijiet legali bħal avukat, nutara, imħallfin, prosekuturi u uffiċjali ġudizzjarji. Membri tal-professjonijiet legali m'għandhomx l-istess titoli fl-Istati Membri kollha, u r-rwol u status tagħhom jista' jvarja b'mod konsiderevoli minn Stat Membru għall-ieħor.

Din il-paġna tipprovdik b'informazzjoni ġenerali (rigward ir-rwol u l-funzjonijiet) dwar professjonijiet legali differenti.

Jekk jogħġbok agħżel il-bandiera tal-pajjiż rilevanti biex tikseb informazzjoni nazzjonali dettaljata.

Jekk għandek bżonn tikkonsulta jew issib ġurista fi kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, tista' tara t-taqsima Sib... .

Introduzzjoni

Ħlief għall-professjoni tal-avukatura, il-liġi tal-Unjoni Ewropea ma tirregolax il-kundizzjonijiet sabiex wieħed jeżerċita bħala professjonist fil-qasam legali.  Il-professjonijiet fil-qasam legali huma ġeneralment regolati fuq livell nazzjonali.  Għalkemm jista' jkun hemm xi similaritajiet bejniethom, dawn ir-regolamenti nazzjonali jvarjaw sostanzjalment minn pajjiż għall-ieħor peress li jirriflettu l-kontinwazzjoni ta' tradizzjonijiet sikwit antiki.

Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa (KtE) ippubblika għadd ta' rakkomandazzjonijiet dwar il-professjonijiet legali. Waħda minn dawn l-inizzjattivi tikkonċerna l-eżerċiżżju tal-professjoni ta' avukat. Oħra tikkonċerna l-indipendenza tal-imħallfin. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KtE u informazzjoni oħra dwar din il-kwistjoni tinsab fis-sit web tiegħu.

Barra minn hekk, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tiddikjara li kull min ikun akkużat b'reat kriminali għandu d-dritt li jiddefendi ruħu hu stess jew permezz ta' għajnuna legali tal-għażla tiegħu stess jew, jekk m'għandux mezzi suffiċjenti sabiex iħallas l-għajnuna legali, li jingħata din l-assistenza b'xejn meta l-interessi tal-ġustizzja ikunu jeħtieġu hekk. Din il-klawżola tirreferi prinċipalment għar-reati kriminali, iżda l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) estendietha sabiex tkopri wkoll kawżi ċivili.

Imħallfin

Imħallef, jew arbitru tal-ġustizzja, huwa kap uffiċjali li jippresjedi fuq qorti tal-ġustizzja, jew waħdu jew bħala parti minn grupp ta' mħallfin. Il-poteri, il-funzjonijiet, il-metodi ta' ħatra, id-dixxiplina, u t-taħriġ tal-imħallfin ivarjaw ħafna bejn ġuriżdizzjoni u oħra. L-imħallef hu bħal arbitru f'logħba u jmexxi t-tribunal b'mod imparzjali u f'qorti miftuħa għall-pubbliku. L-imħallef jisma' x-xhieda kollha u kwalunkwe evidenza oħra preżentata mill-partijiet tal-każ, jivvaluta l-kredibbiltà tal-partijiet, u wara jippubblika sentenza dwar il-kwistjoni fuq il-bażi tal-interpretazzjoni tiegħu/tagħha tal-liġi u tal-ġudizzju personali tiegħu/tagħha.

Tista' ssib aktar informazzjoni dwar din il-professjoni fuq il-websajts li ġejjin:

Prosekuturi Pubbliċi

Fil-proċedimenti kriminali, is-servizz tal-prosekuzzjoni jew l-uffiċċju tal-prosekuzzjoni pubblika għandhom rwol importanti ħafna. Is-sistemi tal-Istati Membri huma wkoll differenti ħafna fir-rigward tar-rwol, dmirijiet u poteri tal-prosekuturi.

Persunal tal-Qorti

Il-funzjonijiet u t-titoli tal-persunal tal-Qorti jistgħu jkunu differenti ħafna, pereżempju: “Greffier” fi Franza, “Rechtspfleger” fil-Ġermanja.

Barra minn hekk, il-funzjonijiet tagħhom ivarjaw ħafna minn ordinament ġuridiku għal ieħor: jassistu lill-imħallfin jew lill-prosekuturi, il-ġestjoni tal-qrati, responsabbiltajiet f'ċerti proċeduri. Skont il-pajjiż, huma suġġetti għal studji legali, jistgħu jipprovdu pariri legali u/jew jibbenefikaw minn taħriġ kontinwu.

F’kull każ, huma jaqdu rwol importanti fil-qrati, permezz tar-rwol tagħhom li jilqgħu lill-vittmi kif ukoll lill-konvenuti u fl-effiċjenza ġenerali tas-sistema ġudizzjarja.

Membri ta' din il-professjoni huma rappreżentati fil-livell Ewropew mill-Unjoni Ewropea tar-Rechtspfleger(E.U.R.), organizzazzjoni mhux governattiva li ġġib flimkien assoċjazzjonijiet professjonali mid-diversi pajjiżi. L-għanijiet tal-E.U.R. jinkludu l-parteċipazzjoni fil-ħolqien, l-iżvilupp u l-armonizzazzjoni tal-liġi fuq livell Ewropew u fuq dak internazzjonali; taħdem mal-istituzzjonijiet Ewropej; tirrappreżenta l-interessi professjonali tal-membri tagħha u l-promozzjoni tal-professjoni fl-interess ta’ funzjonament aħjar tas-sistema ġudizzjarja.

Bailiffs (uffiċjali ġudizzjarji)

Il-professjoni tal-uffiċjal ġudizzjarju hi regolata mill-liġi tal-Istat Membru individwali u dawn ir-regolamenti jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor.

Membri ta' din il-professjoni huma rappreżentati fil-livell Ewropew mill-Unjoni Internazzjonali tal-Uffiċjali Ġudizzjarji (UIHJ). L-għan tal-UIHJ hu li tirrappreżenta lill-membri tagħha f'organizzazzjonijiet internazzjonali u tiżgura l-kollaborazzjoni ma' korpi professjonali nazzjonali. Din taħdem sabiex ittejjeb il-liġi proċedurali nazzjonali u trattati internazzjonali u tagħmel kull sforz sabiex tippromwovi ideat, proġetti u inizzjattivi li jgħinu sabiex imexxu 'l quddiem u jelevaw l-istatus indipendenti tal-uffiċjali ġudizzjarji.

Il-Kamra Ewropea tal-Uffiċjali Ġudizzjarji (li l-akronimu Franċiż għaliha huwa CEHJ) tirrappreżenta wkoll lill-uffiċjali ġudizzjarji. Assoċjazzjoni bla skop ta' lukru rregolata bil-liġi Belġjana, is-CEHJ għandha l-għan li tippromwovi involviment akbar ta' uffiċjali ġudizzjarji fl-azzjoni miftiehma ta' professjonisti legali fid-dibattitu Ewropew.

Avukati

Ir-rwol tal-avukat, sew jekk hu individwu, kumpanija jew stat, hu ta' konsulent u rappreżentant ta' fiduċja tal-klijent, bħala professjonist rispettat minn partijiet terzi, u bħala partiċipant indispensabbli fl-amministrazzjoni imparzjali tal-ġustizzja. Meta l-avukat ikun qed jirrappreżenta dawn l-elementi kollha u jaqdi l-interessi tal-klijent tiegħu/tagħha b'mod leali u jipproteġi d-drittijiet tal-klijent, hu jkun qiegħed ukoll jaqdi l-funzjonijiet ta' avukat f'soċjetà – li huma li jantiċipa u jwaqqaf kunflitti, li jassigura li kunflitti jiġu solvuti skont prinċipji tal-liġi ċivili, pubblika jew kriminali rikonoxxuti u b'kunsiderazzjoni dovuta tad-drittijiet u l-interesssi, li jiżviluppa dejjem aktar il-liġi, u li jiddefendi l-libertà, ġustizzja u l-istat tad-dritt.

Fl-attivitajiet tagħhom l-avukati huma regolati minn organizzazzjonijiet jew awtoritajiet professjonali fi ħdan l-Istat Membru - il-kmamar u l-assoċjazzjonijiet tal-avukati - li huma responsabbli għat-tfassil ta' regoli dwar kondotta professjonali u l-amministrazzjoni tal-miżuri dixxipplinari pertinenti.

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jirregolax il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-professjoni legali. Madankollu d-Direttiva tal-1998 tfassal il-kundizzjonijiet biex avukat li jkun kiseb il-kwalifiki fi Stat Membru wieħed ikun jista' jipprattika l-professjoni tiegħu fuq bażi permanenti fi Stat Membru ieħor.

Fuq il-livell tal-UE, l-avukati huma rappreżentati mill-Kunsill tal-Ghaqdiet Ewropej tal-Avukati (CCBE) - assoċjazzjoni internazzjonali bla skop ta' qligħ li twaqqfet fl-1960. Dan il-Kunsill jaġixxi bħala l-punt ta' kuntatt bejn l-UE u l-kmamar u l-assoċjazzjonijiet tal-avukati nazzjonali fl-Ewropa dwar il-kwistjonijiet kollha ta' interess reċiproku relatat mal-eżerċizzju tal-professjoni ta' avukat.

Nutara

In-nutara huma prattikanti legali speċjalizzati u awtorizzati li jaġixxu f'ċerti kwistjonijiet legali. Minħabba l-kompiti u responsabbilitajiet tagħhom, in-nutara għandhom rwol importanti fil-leġiżlatura tal-Istat fit-22 Stat Membru fejn l-ordni ġuridiku hu bbażat fuq id-dritt ċivili Ruman. L-Irlanda hija l-unika Ġuriżdizzjoni tad-Dritt Komuni fl-Unjoni Ewropea u għandha professjoni notarili wkoll li l-prattika tagħha testendi għal firxa wiesgħa ta' servizzi legali u li l-funzjonijiet u l-awtorità tagħha jiġu eżerċitati prinċipalment f'relazzjoni ma' atti legali u strumenti li jridu jintużaw f'ġuriżdizzjonijiet barranin. Huma għandhom rwol sinifikanti fin-negozju u l-kummerċ internazzjonali tal-ġuriżdizzjoni interna tagħhom.

Id-dmirijiet tan-nutara b'mod partikolari huma:

  • li jfasslu ftehimiet privati u li jagħtu parir lill-partijiet filwaqt li jissodisfaw obbligu li jittrattaw lil kull wieħed minnhom b'mod ġust. Fl-abbozzar ta' dokumenti uffiċjali, in-nutar huwa responsabbli għal-legalità ta' dawn id-dokumenti u għall-parir li jagħti. Huma għandhom jinfurmaw lill-partijiet dwar l-implikazzjonijiet u l-konsegwenzi tal-obbligi li jidħlu għalihom,
  • li jinfurzaw l-atti li huma jabbozzaw. L-att jista' imbagħad jiġi reġistrat direttament fir-reġistri uffiċjali, jew infurzat jekk waħda mill-partijiet ma tissodisfax l-obbligi tagħha, mingħajr l-intervent preċedenti tal-imħallef,
  • li taqdi rwol ta' arbitru li, b'mod imparzjali u taħt osservanza stretta tal-liġi, jippermetti lill-partijiet jilħqu ftehim aċċettabbli b'mod reċiproku.

In-nutara huma uffiċjali pubbliċi - L-Istati jiddelegaw parti mill-poter pubbliku lilhom sabiex ikunu jistgħu jaqdu missjoni għas-servizz tal-pubbliku - li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fi ħdan il-qafas ta' professjoni indipendenti.

In-Nutara huma marbuta bil-kunfidenzjalita' professjonali. Il-kundizzjonijiet ta' nomina ta' nutara huma simili għal dawk ta' maġistrat u n-nutara ikunu soġġetti għall-istess indipendenza, permanenza ta' uffiċċju, imparzjalità, poter konklussiv u infurzabbiltà tal-azzjonijiet tagħhom flimkien mas-superviżjoni tal-attivitajiet tagħhom mill-Ministeru għall-Ġustizzja.

Hemm madwar 35 000 nutar, madwar it-22 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li l-ordinament ġuridiku tagħhom huwa bbażat fuq id-dritt ċivili Ruman.

Fin-negozjati mal-istituzzjonijiet Ewropej, in-nutara tal-ġuriżdizzjonijiet tad-dritt ċivili Ruman tal-Unjoni Ewropea huma rappreżentati mill-Kunsill tal-Kmamar tan-Nutura tal-Unjoni Ewropea (CNUE) li twaqqaf fl-1993. Is-CNUE jirrappreżenta n-nutara tal-Istati Membri tal-UE kollha fejn jeżisti r-rwol ta' nutar tal-Liġi Ċivili Rumana: L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja. L-Irlanda għandha l-korp rappreżentattiv nazzjonali tagħha, madankollu, fuq livell internazzjonali, hija rrappreżentata mill- “Forum Notarili tar-Renju Unit u l-Irlanda”.

L-aħħar aġġornament: 01/02/2020

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.
Il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li taġġorna xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.