Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Tipi ta’ professjonijiet legali

Skozja

Din il-paġna tagħtik deskrizzjoni ġenerali tal-professjonijiet legali fil-ġuriżdizzjoni tal-Iskozja tar-Renju Unit. Tinkludi informazzjoni dwar imħallfin, prosekuturi u avukati.

Il-kontenut ipprovdut minn
Skozja

Imħallfin

Fl-Iskozja proprjament ma hemm ebda professjoni separata ta' mħallef. Avukati (solicitors u advocates) ta' esperjenza biss jistgħu jsiru mħallfin. Il-karigi ġudizzjarji fil-ġuriżdizzjoni Skoċċiża jinkludu:

  • Il-Lord President tal-Court of Session
  • Il-Lord Justice Clerk
  • Ix-Sheriff Principals li jippresedu fuq wieħed mis-sitt sheriffdoms tal-Iskozja
  • Meta jippresedu fil-Court of Session, l-imħallfin ikunu magħrufa bħala Senators of the College of Justice
  • Meta jippresjedu fil-High Court of Justiciary, l-imħallfin ikunu magħrufa bħala Lords Commissioners of Justiciary
  • Sheriffs
  • Ix-sheriffs part-time spiss jintużaw biex jissostitwixxu x-sheriffs permanenti
  • Il-Kummissarji tal-Ġustizzja huma nies mhux professjonali li jippresedu waħedhom jew fi tlitiet, flimkien ma' skrivan ikkwalifikat fil-liġi jew assessur ġuridiku fil-qrati tal-Kummissarji tal-Ġustizzja.

Prosekuturi

Organizzazzjoni

Fl-Iskozja, l-Uffiċċju tal-Kuruna u s-Servizz tal-Prokuratur Fiskali huwa responsabbli għall-prosekuzzjonijiet kollha. Il-kap tas-servizz huwa l-Lord Advocate, li huwa wkoll Ministru tal-Gvern Skoċċiż, u d-deputat tiegħu, is-Solicitor General.

L-Uffiċċju tal-Kuruna u s-Servizz tal-Prokuratur Fiskali (COPFS) huwa unikament responsabbli għall-prosekuzzjoni tal-atti kriminali, l-investigazzjoni ta’ mwiet f’daqqa jew suspettużi, u kwereli kontra l-pulizija.

L-Att dwar l-Iskozja 1998 (l-Artikolu 48) jistipula li kull deċiżjoni tal-Lord Advocate (fil-kapaċità tiegħu bħala kap tas-Sistemi ta' Prosekuzzjoni Kriminali u Investigazzjoni tal-Imwiet fl-Iskozja) tittieħed minnu, indipendentement minn kull persuna oħra.

Avukati (lawyers jew advocates) ikkwalifikati biss jistgħu jsiru prosekuturi.

Rwol u dmirijiet

Il-pulizija (jew aġenziji speċjalisti ta' rapportar oħrajn, bħal HM Revenue and Customs) iwettqu investigazzjoni inizjali f’att kriminali u jissottomettu rapport lill-Prokuratur Fiskali lokali. Il-Prokuratur Fiskali jikkunsidra r-rapport u jiddeċiedi għandux jieħu azzjoni fl-interess pubbliku. Meta jieħu deċiżjoni, il-Prokuratur Fiskali jikkunsidra jekk hemmx biżżejjed evidenza u, jekk iva, liema azzjoni tkun xierqa: jiġifieri jmexxix, jużax miżura diretta (bħal multa fiskali) jew jiqafx minn kull azzjoni. F'kawżi li jiġu kkunsidrati minn ġurija, il-Prokuratur Fiskali jintervista lix-xhieda u jiġbor u jistħarreġ l-evidenza forensika u evidenza oħra qabel ma jiddeċiedi li jmexxi. Imbagħad huwa jirrapporta quddiem l-Avukat tal-Kuruna, li jiddeċiedi għandux imexxi.

L-organizzazzjoni tal-professjoni legali: L-Avukati

Advocates (Barristers)

L-advocates huma membri tal-Kamra tal-Avukati Skoċċiża. Huma għandhom id-dritt li jidhru fil-qrati Skoċċiżi kollha, għalkemm il-parti l-kbira ta' xogħolhom jinvolvi dehriet fil-qrati superjuri (il-Court of Session u l-High Court of Justiciary) u li jagħtu opinjonijiet speċjalisti dwar kwistjonijiet legali. L-advocates anzjani huma magħrufa bħala Queen's Counsel. L-advocates kollha huma membri tal-Faculty of Advocates.

Solicitors (Konsulenti Legali)

Is-Solicitors huma l-aktar komuni fost il-professjonisti legali. Huma jistgħu jagħtu pariri dwar il-kwistjonijiet legali kollha u jirrappreżentaw lill-klijenti fil-qorti. Is-solicitors huma kollha membri tal-Law Society tal-Iskozja, li tippromwovi l-interessi tal-professjoni tas-solicitors u tal-pubbliku fir-rigward tal-professjoni.

Hemm ukoll solicitor-advocates, li huma wkoll membri tal-Law Society tal-Iskozja. Bħall-advocates (ara fuq) dawn jistgħu jidhru quddiem il-Court of Session u l-High Court of Justiciary.

Nutara

In-Nutara Pubbliċi huma solicitors li jirreġistraw ċerti tranżazzjonijiet u jiffirmaw dokumenti legali speċifiċi. Huma mhumiex professjoni legali separata fiha nfisha.

Avukati (attorneys) fil-qasam tal-Privattivi u l-Marki Kummerċjali

L-avukati fil-qasam tal-privattivi u l-marki kummerċjali huma konsulenti speċjaliisti fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.  Huma jagħtu pariri legali f'dan il-qasam lill-klijenti, b'mod partikolari fir-rigward tar-reġistrazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' privattivi, marki u disinji kummerċjali kif ukoll dwar aspetti oħra tal-PI fosthom id-drittijiet tal-awtur.  B’differenza mid-dritt ċivili u kriminali li huma iktar ġenerali, il-liġi dwar il-proprjetà intellettwali tapplika fir-Renju Unit kollu.  Litiġju dwar id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali fl-Iskozja normalment irid isir quddiem il-Court of Session peress li għandha ġuriżdizzjoni esklużiva fil-każ ta' privattivi u l-parti l-kbira tad-drittijiet l-oħrajn irreġistrati tal-IP (b'mod partikolari Marki Kummerċjali Komunitarji u Disinji Rreġistrati fil-Komunità). Hija għandha wkoll għadd ta' mħallfin speċjalizzati fil-PI u regoli speċifiċi għall-ġestjoni ta' kawża dwar PI.  L-avukati fil-qasam tal-privattivi u l-marki kummerċjali jistgħu jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom quddiem il-Qorti tal-Kontea għall-Privattivi u f'appell mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tar-Renju Unit quddiem il-Qorti tal-Privattivi tal-Qorti Superjuri fl-Ingilterra u Wales.  L-avukati fil-qasam tal-privattivi bi kwalifiki għal-litiġji jista' jieħu sehem f'litiġju quddiem il-Qorti Superjuri f'Londra, imma avukati fil-qasam tal-privattivi u avukati fil-qasam tal-marki kummerċjali fil-mument ma għandhomx drittijiet biex jirrappreżentaw lill-klijenti f'litiġji dwar PI quddiem il-qrati Skoċċiżi.  Għalhekk fl-Iskozja l-litiġju tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bħalissa jsir minn avukati speċjalisti fil-proprjetà intellettwali spiss b'ħidma konġunta mal-avukati fil-qasam tal-privattivi u l-marki kummerċjali.

Ħafna mill-avukati fil-qasam tal-privattivi u l-marki kummerċjali fl-Iskozja jaħdmu f’uffiċċji legali privati speċjalizzati, iżda wħud jaħdmu fl-industrija.

Iċ-Chartered Institute of Patent Attorneys (CIPA) jirrappreżenta lill-avukati fil-qasam tal-Privattivi fir-Renju Unit kollu. Ir-rwol tiegħu jinkludi d-diskussjoni mal-Gvern dwar il-leġiżlazzjoni dwar il-PI, u l-għoti ta' edukazzjoni u taħriġ għall-avukati u l-apprendisti u d-diskussjoni mar-regolaturi tal-professjoni.  CIPA tara li tippromwovi l-liġi tal-PI u l-professjonijiet fil-qasam tal-PI.

L-Institute of Trade Mark Attorneys (ITMA) jirrappreżenta lill-avukati fil-qasam tal-marki kummerċjali u lill-professjoni fir-Renju Unit kollu. Fost id-dmirijiet tiegħu hemm in-negozjati mal-gvern u l-ħidma biex jinfluwenza l-gvern, il-fergħa regolatorja indipendenti tiegħu (IPReg) u organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn. Huwa jipprovdi edukazzjoni, taħriġ u pariri rilevanti għall-professjoni ta’ Avukat fil-qasam tal-marki kummerċjali u huwa responsabbli biex jippromwovi l-professjoni u l-PI.

L-Intellectual Property Regulation Board (IPReg) jittratta l-materji regolatorji u dixxiplinari kollha, u jistipula, jissorvelja u jinforza l-istandards għall-avukati fil-qasam tal-privattivi u l-marki kummerċjali fir-Renju Unit kollu.  Huwa jaġixxi fl-interess pubbliku u jżomm Reġistri statutorji tal-avukati fil-qasam tal-privattivi u l-marki kummerċjali, kemm jekk huma individwi kif ukoll jekk entitajiet.

Professjonijiet legali oħrajn

L-uffiċjali tax-Sheriff u l-Messaġġiera huma uffiċjali tal-qorti, responsabbli biex jinnotifikaw id-dokumenti u jeżegwixxu l-ordnijiet tal-qorti fl-Iskozja. Kemm il-messaġġiera kif ukoll l-uffiċjali tax-sheriff huma impjegati minn negozji privati u jitolbu ħlasijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni sekondarja.

L-Artikolu 60 tal-Att dwar il-Falliment u d-Diliġenza (l-Iskozja) 2007 se jħassar il-karigi tal-messaġġiera u tal-uffiċjal tax-sheriff u jissostitwihom bil-kariga ġdida ta’ Uffiċjal ġudizzjarju. L-uffiċjali ġudizzjarji jinħatru mil-Lord President tal-Court of Session, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Skoċċiża tal-Eżekuzzjoni Ċivili l-ġdida.

Ħoloq relatati

L-Uffiċċju tal-Kuruna u s-Servizz tal-Prokuratur Fiskali, Faculty of Advocates, Law Society of Scotland, Scottish Association of Law Centres; Chartered Institute of Patent Attorneys, Institute of Trade Mark Attorneys, Intellectual Property Regulation Board

L-aħħar aġġornament: 07/10/2014

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.