Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna ir-Rumen ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Tipi ta’ professjonijiet legali

Rumanija

Din il-paġna tagħtik deskrizzjoni ġenerali tal-professjonijiet legali fir-Rumanija.

Il-kontenut ipprovdut minn
Rumanija

Professjonijiet legali – Introduzzjoni

Fir-Rumanija, jiġu prattikati l-professjonijiet legali li ġejjin:

Prosekuturi

Organizzazzjoni

Is-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika tar-Rumanija jinkludi:

  • l-uffiċċji tal-prosekutur affiljati mal-qrati tal-appell, tribunali, tribunali tat-tfal u tal-familja, u qrati distrettwali;
  • l-uffiċċji tal-prosekutur affiljati mal-qrati militari.
  1. L-ogħla korp hu l-Uffiċċju tal-Prosekutur affiljat mal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja, inklużi d-diviżjonijiet speċjalizzati tiegħu (id-Direttorat Nazzjonali ta’ kontra l-Korruzzjoni u d-Direttorat għall-Investigazzjonijiet tal-Kriminalità Organizzata u t-Terroriżmu).
  2. L-ewwel Livell: l-uffiċċji tal-prosekutur affiljat mal-qrati distrettwali (176);
  3. It-tieni livell: l-uffiċċji tal-prosekutur affiljati mat-tribunali (42) u l-uffiċċji tal-prosekutur affiljati mat-Tribunal għat-Tfal u l-Kwistjonijiet tal-Familja (1);
  4. It-tielet Livell: l-uffiċċji tal-prosekutur affiljati mal-qrati tal-appell (15).

Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura huwa l-korp ċentrali responsabbli fis-sistema ġudizzjarja li jirregola l-professjoni tal-prosekutur. Taħriġ professjonali inizjali u kontinwu għall-imħallfin u l-prosekuturi huwa pprovdut mill-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura, li huwa korp pubbliku b’personalità ġuridika taħt il-koordinazzjoni tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistrati. Is-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika jwettaq il-ħidmiet tiegħu permezz tal-prosekuturi li jaħdmu fl-uffiċċji tal-prosekutur. Dawn tal-aħħar jistgħu jkunu affljati mal-qrati kollha, bl-eċċezzjoni tat-tribunali tal-kondotta professjonali.

Proċeduri kriminali mwettqa minn uffiċċji tal-prosekuturi affiljati mal-qrati tal-appell, tribunali, jew tribunali tat-tfal u tal-familja

Il-ġerarkija istituzzjonali tal-uffiċċji tal-prosekuturi hija kif ġej:

  1. L-ogħla korp hu l-Uffiċċju tal-Prosekutur affiljat mal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja (l-Uffiċju tal-Prosekutur Ġenerali), mmexxija mill-Prosekutur Ġenerali tar-Rumanija. Dan il-korp jikkoordina l-attivitajiet tal-uffiċċji tal-prosekuturi affiljati mal-15-il qorti tal-appell.
  2. L-uffiċċji tal-prosekutur affiljati mal-qrati tal-appell jikkoordinaw l-attivitajiet tal-uffiċċji tal-prosekutur affiljati mat-43 tribunal (inkluż it-tribunal speċjali għat-tfal u l-kwistjonijiet tal-familja). Kull wieħed minnhom huwa amministrat minn kap prosekutur.
  3. L-uffiċċji tal-prosekuturi affiljati mat-tribunali jikkoordinaw l-attivitajiet tal-uffiċċji affiljati mal-176 qorti distrettwali funzjonanti, b’kull wieħed ikun immexxi minn prosekutur ewlieni.
  4. L-uffiċċji tal-prosekuturi affiljati mal-176 qorti distrettwali funzjonanti jirrappreżentaw l-ewwel livell (l-iktar wieħed baxx) tal-ġerarkija u huma mmexxija minn prosekuturi ewlenin.

Fl-Uffiċċju tal-Prosekutur affiljat mal-Qorti Superjuri tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja joperaw żewġ strutturi speċjalizzati separati. Dawn huma:

  • Id-Direttorat Nazzjonali ta’ kontra l-Korruzzjoni (DNA), responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni. Dan huwa mmexxi minn kap prosekutur.
  • Id-Direttorat għall-Investigazzjonijiet tal-Kriminalità Organizzata u t-Terroriżmu (DIICOT), responsabbli mill-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Huwa mmexxi minn kap prosekutur li jaġixxi taħt il-koordinazzjoni tal-Prosekutur Ġenerali Rumen.

Proċedimenti kriminali mwettqa mill-uffiċċji tal-prosekuturi affiljati mal-qrati militari

Proċedimenti kriminali għal reati kriminali mwettqa minn persunal militari jitwettqu mill-uffiċċji tal-prosekutur militari, li għandhom l-istatus legali ta’ unitajiet militari. Huma affiljati mat-tribunali militari, mat-Tribunal Militari ta’ Bukarest jew mal-Qorti Militari tal-Appell ta’ Bukarest.

Ġerarkija funzjonali ta’ prosekuturi

Il-prosekuturi jaġixxu f’konformità mal-prinċipji ta’ legalità, imparzjalità u kontroll ġerarkiku.

Il-prosekuturi jaġixxu skont il-liġi u josservaw u jħarsu d-dinjità tal-bniedem u jiddefendu d-drittijiet tal-individwi.

Il-prosekuturi f’kull uffiċċju tal-prosekutur jirrapportaw lill-kap ta’ dak l-uffiċċju li min-naħa tiegħu jirrapporta lill-kap tal-uffiċċju tal-prosekutur ġerarkikament superjuri.

Il-kontroll li għandu jiġi eżerċitat mill-Prosekutur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekuturi affiljat mal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, il-kap prosekutur tad-Direttorat Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni, u l-kap prosekutur tal-uffiċċju tal-prosekuturi affiljat mal-qorti tal-appell fuq il-prosekuturi taħt l-awtorità tagħhom jista’ jkun jew dirett jew permezz tal-prosekuturi maħtura.

Rwol u dmirijiet

Fir-Rumanija, hemm żewġ kategoriji ta’ prosekuturi:

  1. prosekuturi ċivili, responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali mwettqa minn persuni ċivili;
  2. prosekuturi militari, responsabbli mill-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali mwettqa prinċipalment minn persunal militari.

Il-kategoriji nazzjonali tal-prosekuturi huma dawn li ġejjin:

  • Il-Prosekutur Ġenerali tar-Rumanija (il-kap tal-Uffiċċju tal-Prosekutur affiljat mal-Qorti Superjuri tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja);
  • Il-Kap prosekutur (Kap tad-DNA u d-DIICOT);
  • il-kapijiet prosekuturi (il-kapitijeit tal-uffiċċji tal-prosekuturi affiljati mal-qrati tal-appell);
  • il-prosekuturi ewlenin (il-kapitijeit tal-uffiċċji tal-prosekuturi affiljati mat-tribunali jew mal-qrati distrettwali);
  • kapijiet tat-taqsimiet (kapijiet ta’ taqsimiet interni tal-uffiċċji tal-prosekutur);
  • kapijiet tad-dipartiment (kapijiet ta’ dipartimenti interni tal-uffiċċji tal-prosekutur);
  • kapijiet tal-uffiċċju (kapijiet tal-uffiċċji interni tal-uffiċċji tal-prosekutur);
  • prosekuturi.

Kull meta jitqies neċessarju, ex officio jew b'talba tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, il-Ministru tal-Ġustizzja jista' jeżerċita kontroll fuq prosekuturi permezz ta' prosekuturi maħtura mill-Prosekutur Ġenerali tar-Rumanija, il-Kap Prosekutur tad-Direttorat Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, jew il-Ministru tal-Ġustizzja hu stess, sabiex jivverifika dan li ġej:

  • l-effettività maniġerjali tal-prosekuturi;
  • il-prestazzjoni tal-prosekuturi fit-twettiq tal-kompiti; u
  • l-kwalità tar-relazzjoni professjonali tal-prosekuturi maċ-ċittadini u ma’ persuni oħra involuti f’attivitajiet imwettqa mill-uffiċċji tal-prosekutur.

Dan il-kontroll la japplika għas-sensiela sħiħa ta’ miżuri li l-prosekuturi jkunu jistgħu jieħdu matul proċedimenti kriminali u lanqas għad-deċiżjonijiet korrispondenti.

Il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jitlob lill-Prosekutur Ġenerali tar-Rumanija jew, fejn ikun xieraq, lill-Kap Prosekutur tad-Direttorat Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni biex jirrapporta dwar l-attivitajiet tal-uffiċċji tal-prosekuturi u jista' joħroġ struzzjonijiet dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex il-kriminalità tkun ipprevenuta u miġġielda b’mod effettiv.

L-Uffiċċju tal-Prosekuturi affiljat mal-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja iressaq rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura u lill-Ministru tal-Ġustizzja, li min-naħa tiegħu jippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu dwar ir-rapport lill-Parlament tar-Rumanija.

Imħallfin

Organizzazzjoni

Il-korp ċentrali fis-sistema ġudizzjarja responsabbli biex jirregola l-professjoni ta’ mħallef huwa l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (CSM). Taħriġ professjonali inizjali u kontinwu għall-imħallfin u l-prosekuturi huwa pprovdut mill-Istitut Nazzjonali tal-Maġistratura, li huwa korp pubbliku b’personalità ġuridika taħt il-koordinazzjoni tal-Kunsill Superjuri tal-maġistrati.

Rwol u dmirijiet

Fir-Rumanija, l-imħallfin jispeċjalizzaw f’dawn il-kategoriji ta’ kawżi:

  • kawżi ċivili u ta’ infurzar ċivili;
  • kawżi kriminali u ta’ infurzar kriminali;
  • kawżi kummerċjali (imħallifin f'kawżi ta' falliment);
  • kawżi taħt il-liġi tal-familja u tat-tfal;
  • kawżi amministrattivi u fiskali / finanzjarji;
  • kawżi li jinvolvu tilwim fuq ix-xogħol u l-assigurazzjoni soċjali;
  • kawżi kostituzzjonali;
  • kawżi militari;

Organizzazzjoni tal-professjoni legali: avukati

Avukati

Il-korp ċentrali responsabbli mill-professjoni tal-avukati huwa l-Unjoni Nazzjonali tar-Rumanija tal-Assoċjazzjonijiet tal-Avukatura (UNBR), li hi persuna ġuridika ta’ interess pubbliku li tinkludi l-assoċjazzjoni kollha tal-avukatura fir-Rumanija. Dan jiżgura l-eżerċizzju kwalifikat tad-dritt tad-difiża, kompetenza u dixxiplina professjonali, u l-protezzjoni tad-dinjità u l-unur għall-avukati li huma membri tal-unjoni. L-assoċjazzjonijiet kollha tal-avukatura tar-Rumanija huma membri tal-Unjoni Nazzjonali tar-Rumanija tal-Assoċjazzjonijiet tal-Avukatura.

Bażijiet tad-data legali

Informazzjoni dwar l-avukati Rumeni tinsab fuq is-sit web tal-Unjoni Nazzjonali tar-Rumanija tal-Assoċjazzjonijiet tal-Avukatura.

L-aċċess għal din il-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas.

Konsulenti legali

Skont il-liġi, il-konsulenti legali jistgħu jiffurmaw assoċjazzjonijiet fil-livell ta' kontej, skont is-settur jew il-qasam tal-attività u skont l-interessi professjonali tagħhom, jew, fejn applikabbli, assoċjazzjonijiet nazzjonali, skont il-liġi dwar l-assoċjazzjonijiet u l-fundazzjonijiet. Waħda mill-assoċjazzjonijiet professjonali stabbiliti skont il-Liġi dwar l-assoċjazzjonijiet u l-fundazzjonijiet hija l-Unjoni Nazzjonali Rumena tal-Konsulenti Legali (OCJR). Tinkludi l-assoċjazzjonijiet kollha tal-konsulenti legali fil-kontej kollha. Il-konsulenti legali jistgħu wkoll jiffurmaw assoċjazzjonijiet professjonali oħra. Il-listi ta’ konsulenti legali minn County jinsabu fuq il-websajts individwali tal-assoċjazzjonijiet membri tal-OCJR. Il-links huma disponibbli fuq il-websajt tal-OCJR.

Nutara Pubbliċi

Organizzazzjoni

Skont il-liġi, il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Rumanija ddelega l-eżerċizzju ta’ servizzi notarili lill-Unjoni Nazzjonali tan-Nutara Pubbliċi (UNNP). L-Unjoni Nazzjonali tan-Nutara Pubbliċi hija l-korp professjonali li jirrappreżenta lin-Nutara Pubbliċi u hija responsabbli mill-organizzazzjoni tal-professjoni tan-nutara pubbliċi, mis-salvagwardja tal-interessi professjonali tal-membri tagħha u mid-difiża tar-reputazzjoni u tal-awtorità tal-professjoni. In-nutara pubbliċi attivi kollha huma membri ta' din l-Unjoni. In-nutara pubbliċi huma miġbura fi 15-il-Kamra tan-Nutara Pubbliċi, li kull waħda minnhom hija affiljata mal-qorti tal-appell.

Rwol u dmirijiet

Fir-Rumanija, in-Nutara Pubbliċi jipprovdu s-servizzi legali li ġejjin:

  • ifasslu d-dokumenti meħtieġa għal raġunijiet ta' suċċessjoni legali u testamentarja;
  • jikkonkludu l-kuntratti (kuntratti ta’ bejgħ, kuntratti ta’ skambju, kuntratti ta’ manutenzjoni, kuntratti ta' donazzjonijiet, kuntratti fuq l-ipoteki, kuntratti ta' rahan/lokazzjoni, kuntratti tal-kiri) u atti oħra (garanziji mitluba minn istituzzjonijiet varji mill-amministraturi);
  • ifasslu artikoli ta’ assoċjazzjoni għal kumpaniji, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet;
  • jawtentikaw dokumenti;
  • jiċċertifikaw firem, kampjuni u siġilli ta' firem;
  • kwalunkwe servizzi oħrajn previsti mil-liġi.

Professjonijiet legali oħra

L-uffiċjali ġudizzjarji tal-infurzar

L-Unjoni Nazzjonali Rumena tal-Uffiċjali tal-Infurzar Ġudizzjarju (UNEJ) hija korp professjonali b’personalità ġuridika li jinkludi l-ufficjali kollha tal-infurzar ġudizzjarju. Huwa responsabbli għall-preservazzjoni tar-reputazzjoni u l-awtorità tal-professjoni ta’ uffiċjal tal-infurzar ġudizzjarju. Il-missjoni ewlenija tiegħu hija li jirrappreżenta u jiddefendi l-interessi professjonali tal-membri tiegħu. L-uffiċjali tal-infurzar ġudizzjarju huma organizzati fi 15-il kamra, b’kull waħda tkun affiljata mal-qorti tal-appell korrispondenti.

Lista ta’ tal-ufficjali gudizzjarji tal-infurzar tinsab fuq il-websajts tal-Unjoni Nazzjonali Rumena tal-Uffiċjali tal-Infurzar Ġudizzjarju u tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Madankollu, iż-żewġ bażi tad-data għandhom strutturi differenti.

Skrivana tal-Qorti.

Il-korp ċentrali fis-sistema ġudizzjarja responsabbli biex jirregola l-professjoni ta’ skrivan tal-qorti huwa l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (CSM).

L-Iskola Nazzjonali tal-Iskrivani tal-Qorti (SNG) hija korp pubbliku b’personalità ġuridika taħt il-koordinazzjoni tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, responsabbli biex jipprovdi taħriġ professjonali inizjali u ulterjuri għall-iskrivani tal-qorti.

Is-sistema ġudizzjarja tar-Rumanija għandha diversi kategoriji ta’ skrivani tal-qorti:

  • skrivani tas-seduta;
  • skrivani fil-qasam tal-istatistika;
  • skrivani tar-riċerka;
  • skrivani tal-IT;
  • skrivani tal-arkivjar;
  • skrivani reġistraturi;

Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar din il-kategorija professjonali f’dan dokument PDF (390 Kb) en.

L-aħħar aġġornament: 09/09/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna