Din il-paġna tagħtik deskrizzjoni ġenerali tal-professjonijiet legali fil-Portugall. L-imħallfin tal-qorti ġudizzjarja u l-imħallfin tal-qorti amministrattiva u fiskali Prosekuturi fis-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika Avukati Konsulenti legali Prokuraturi legali Aġenti tal-eżekuzzjoni Nutara Registraturi Uffiċjali tal-Ġustizzja Medjaturi Amministraturi ġudizzjarji Uffiċjal tal-proprjetà industrijali Organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi legali mingħajr ħlas (pro bono)
Kif stipulat fil-Kostituzzjoni Portugiża, l-imħallfin jifformaw parti minn korp sovran - il-Qrati.
L-imħallfin huma marbuta biss mil-liġi u jamministraw il-ġustizzja f'isem il-poplu.
L-imħallfin tal-qorti ġudizzjarja huma rregolati mill-Kostituzzjoni u mill-Istatut tal-Imħallfin tal-Qorti Ġudizzjarja (Estatuto dos Magistrados Judiciais). B'konformità mal-ġerarkija tal-qrati rispettivi, hemm tliet tipi ta' mħallef tal-qorti ġudizzjarja:
L-Imħallfin tal-qorti amministrattiva u fiskali huma rregolati mill-Kostituzzjoni, mill-Istatut tal-Qrati Amministrattivi u Fiskali (Estatuto dos Tribunais Administrativos e Fiscais) u fuq bażi sussidjarja mill-Istatut tal-Imħallfin tal-Qorti Ġudizzjarja (Estatuto dos Magistrados Judiciais). B'konformità mal-ġerarkija tal-qrati rispettivi, hemm tliet tipi ta' mħallef tal-qorti amministrattiva u fiskali:
L-aċċess għall-professjoni ta' mħallef huwa proċess maqsum fi tliet stadji li jinkludi kompetizzjoni pubblika, kors ta' taħriġ teoretiku u prattiku li jsir fiċ-Ċentru għall-Istudji Ġudizzjarji (Centro de Estudos Judiciários), u apprendistat. Jekk itemmu u jgħaddu mit-tliet stadji, jinħatru Juízes de Direito.
L-imħallfin ikomplu jitħarrġu tul il-karriera tagħhom.
Il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura (Conselho Superior da Magistratura) iwettaq spezzjonijiet regolari fil-qrati tal-prim'istanza, u l-Kunsill Superjuri għall-Qrati Amministrattivi u Fiskali (Conselho Superior dos Tribunais Administrativos e Fiscais) jagħmel l-istess għall-imħallfin ta' dawn il-qrati. Wara kull spezzjoni, l-imħallfin ikunu kklassifikati skont il-mertu bħala tajbin ħafna, tajbin b'mod distint, tajbin, suffiċenti u medjokri. Jekk imħallef jiġi kklassifikat bħala "medjokri", huwa jiġi sospiż minn dmirijietu u ssir inkjesta biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tiegħu għal dan ix-xogħol.
Il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura u l-Kunsill Superjuri għall-Qrati Amministrattivi u Fiskali huma responsabbli għall-ħatra, il-kollokament, it-trasferiment, il-promozzjoni u t-teħid ta' azzjonijiet dixxiplinari fir-rigward ta' mħallfin tal-qrati ġudizzjarji u l-qrati amministrattivi u fiskali.
Biex ikunu żgurati l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin, il-Kostituzzjoni tistipula li l-imħallfin ma jistgħux jaqdu funzjonijiet oħrajn, la pubbliċi u lanqas privati, bl-eċċezzjoni ta' tagħlim jew riċerka xjentifika bla ħlas fil-qasam tal-liġi. L-imħallfin jistgħu jiġu trasferiti, sospiżi, irtirati jew imneħħija biss fil-każijiet stipulati fil-liġi; huma ma jinżammux responsabbli għad-deċiżjonijiet tagħhom, ħlief fejn il-liġi tistipula l-eċċezzjonijiet.
Il-prosekuturi fis-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jirrappreżentaw l-Istat, imexxu l-prosekuzzjonijiet u jiddefendu l-istat tad-dritt demokratiku u l-interessi ddeterminati mil-liġi. Il-prosekuturi pubbliċi għandhom l-istatut u l-awtonomija tagħhom kif previst mil-liġi.
L-aċċess għall-professjoni ta' prosekutur pubbliku huwa permezz ta’ kompetizzjoni pubblika, li tikkonsisti f’testijiet tal-għarfien, valutazzjoni tas-CV u eżami psikoloġiku, li lkoll isiru fiċ-Ċentru għall-Istudji Ġudizzjarji (Centro de Estudos Judiciários).
Il-kandidati li jgħaddu jinħatru bħala apprendisti (auditores de justiça). Ladarba jlestu t-taħriġ teoretiku u prattiku fiċ-Ċentru għall-Istudji Ġudizzjarji, jinħatru deputati prosekuturi apprendisti.
Il-karriera ta’ prosekutur pubbliku tikkonsisti f’ħames livelli, elenkati f’ordni ġerarkiku:
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (Procuradoria-Geral da República) huwa l-ogħla korp fis-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika u huwa presedut mill-Prosekutur Ġenerali. Dan jinkludi wkoll il-Kunsill Superjuri tas-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika (Conselho Superior do Ministério Público), il-Kunsill Konsultattiv, konsulenti legali uffiċjali u servizzi ta' appoġġ.
Il-Kunsill Superjuri tas-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika huwa responsabbli għall-ħatra, il-kollokament, it-trasferiment u l-promozzjoni tal-prosekuturi pubbliċi u għat-teħid ta' azzjonijiet dixxiplinari kontrihom.
L-avukati huma professjonisti ġuridiċi li, ladarba jirreġistraw ruħhom mal-Kamra tal-Avukati, jipprovdu rappreżentanza ġuridika u pariri legali, li jikkonsistu fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tan-normi ġuridiċi fuq talba ta' parti terza.
Ir-reġistrazzjoni mal-Kamra tal-Avukati (Ordem dos Advogados) fil-Portugall hija meħtieġa biex persuna tkun tista’ taħdem bħala avukat.
Biex wieħed ikollu aċċess għall-professjoni, jeħtieġ li:
Iċ-ċittadini barranin li kisbu l-lawrja tagħhom fil-Portugall jistgħu jirreġistraw mal-Kamra tal-Avukati Portugiża bl-istess mod bħaċ-ċittadini Portugiżi, sakemm il-pajjiż tan-nazzjonalità tagħhom jagħti drittijiet identiċi liċ-ċittadini Portugiżi.
L-avukati minn Stati Membri oħrajn tal-UE li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom b’mod permanenti, bil-ħsieb li jaħdmu fil-Portugall bit-titolu professjonali tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, iridu jirreġistraw mal-Kamra tal-Avukati. F’każijiet bħal dawn, huma jistgħu jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom fil-qorti biss taħt il-gwida ta’ avukat li jkun irreġistrat mal-Kamra tal-Avukati. Jekk iridu jaħdmu bħala avukati bl-istess drittijiet u dmirijiet tal-avukati Portugiżi, iridu jirreġistraw mal-Kamra tal-Avukati u jridu joqogħdu għal eżamijiet bil-kitba u orali bil-Portugiż.
Il-Kamra tal-Avukati hija l-assoċjazzjoni pubblika li tirrappreżenta l-professjonisti li jkunu avukati prattikanti li jaġixxu skont l-istatut tal-Kamra. Hija tiżgura aċċess għal-liġijiet, tirregola l-professjoni u tieħu azzjoni dixxiplinari fil-konfront ta’ avukati u ta’ avukati apprendisti (l-uniku korp li jagħmel hekk), tħares ir-rwol soċjali, id-dinjità u l-prestiġju tal-professjoni u tippromwovi aċċess għall-għarfien u l-applikazzjoni tal-liġi.
Fis-sistema ġuridika Portugiża, m’hemm l-ebda distinzjoni bejn avukati u konsulenti legali.
Il-prokuraturi legali huma professjonisti indipendenti li jagħtu lill-klijenti tagħhom pariri legali u jirrappreżentawhom legalment fil-qorti, fil-limiti imposti mill-istatut tagħhom u mil-leġiżlazzjoni proċedurali. Huma jistgħu jirrappreżentaw lill-partijiet fil-qorti kull meta r-rappreżentanza legali ta’ avukat (advogado) ma tkunx obbligatorja.
Il-prokuraturi legali jistgħu anke jirrappreżentaw legalment liċ-ċittadini u n-negozji barra mill-qorti, pereżempju, quddiem l-amministrazzjoni fiskali, fl-uffiċċji notarili, fl-uffiċċji tar-reġistraturi u quddiem il-korpi tal-amministrazzjoni pubblika.
Biex wieħed ikollu aċċess għall-professjoni, jeħtieġ li:
Il-professjonisti minn Stat Membru ieħor tal-UE jew miż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jirreġistraw ruħhom mal-Kulleġġ tal-Prokuraturi Legali (Colégio dos Solicitadores) b'konformità mal-Liġi Nru 9/2009 tal-4 ta' Marzu 2009, kif emendata mil-Liġi Nru 41/2012 tat-28 ta' Awwissu 2012 u l-Liġi Nru 25/2014 tat-2 ta' Mejju 2014.
L-Ordni tal-Prokuraturi Legali u l-Aġenti tal-Eżekuzzjoni (Ordem dos Solicitadores e dos Agentes de Execução, OSAE) hija l-assoċjazzjoni pubblika li tirrappreżenta lil dawn il-professjonisti tal-liġi. Hija responsabbli, fost l-oħrajn, biex teżerċita setgħat dixxiplinari fuq il-membri tagħha u biex tagħti opinjonijiet dwar abbozzi ta' leġiżlazzjonijiet marbuta mal-kompetenzi tagħha.
Tista' ssib iktar informazzjoni hawnhekk: http://www.osae.pt/.
L-aġenti tal-eżekuzzjoni huma professjonisti li jingħataw setgħat fil-livell nazzjonali biex iwettqu attivitajiet ta’ eżekuzzjoni ċivili. Dawn huma professjonisti indipendenti u imparzjali u li ma jirrappreżentaw lill-ebda parti, imma li għandhom ir-responsabbiltà biex iwettqu l-formalitajiet kollha għall-eżekuzzjoni, inklużi qbid, in-notifika tad-dokumenti, avviżi u l-bejgħ tal-beni maqbuda. F'xi każijiet id-dmirijiet tagħhom jistgħu jsiru minn uffiċjal tal-qorti.
L-aġenti tal-eżekuzzjoni jinħatru mill-parti li tkun qed titlob l-eżekuzzjoni jew mill-qorti.
L-aġenti tal-eżekuzzjoni jridu jkollhom lawrja fl-istudji tal-prokuraturi legali jew fil-liġi u:
L-Ordni tal-Prokuraturi Legali u l-Aġenti tal-Eżekuzzjoni u l-Kulleġġ Speċjalizzat tal-Aġenti tal-Eżekuzzjoni (Colégio de Especialidade dos Agentes de Execução) huma l-korpi responsabbli biex jirregolaw il-professjoni.
Is-CAAJ, li huwa indipendenti mill-Ordni tal-Prokuraturi Legali u l-Aġenti tal-Eżekuzzjoni, huwa l-korp responsabbli għas-sorveljanza u l-eżerċizzju ta' azzjonijiet dixxiplinari fuq l-aġenti tal-eżekuzzjoni.
Tista' ssib iktar informazzjoni fis-siti li ġejjin: http://www.osae.pt/ u http://www.caaj-mj.pt/.
In-nutara huma professjonisti speċjalisti awtorizzati jwettqu dmirijiet f'ċerti kuntesti legali. Dawn għandhom rwol ewlieni fil-kummerċ, kemm nazzjonalment u hemm internazzjonalment.
In-nutara għandhom is-setgħa li:
Ir-riforma tal-professjoni ta' nutar u l-privatizzazzjoni konsegwenti tas-settur ifissru li n-nutara għandhom rwol doppju: huma uffiċjali pubbliċi kif ukoll professjonisti liberi imma ma għadhomx impjegati taċ-ċivil.
Bħala uffiċjali pubbliċi, in-nutara jaqgħu taħt l-awspiċi tal-Ministeru tal-Ġustizzja, li għandu setgħat regolatorji, kif ukoll għandu s-setgħa li jieħu passi dixxiplinari kontra n-nutara. Minħabba l-istatus liberali l-ġdid tal-professjoni, l-Ordni tan-Nutara ilu jirregola l-attivitajiet tan-nutara, flimkien mal-Ministeru tal-Ġustizzja, mill-2006, u b'hekk jiżgura li n-nutara jimxu mal-kodiċi tal-etika li huma obbligati josservaw u jiggarantixxi li jaħdmu fl-interess pubbliku kif inhu mitlub minnhom; dan ma jaffettwax is-setgħa tal-Ministeru li jintervjeni, li, minħabba n-natura tal-professjoni, huwa konferit fuqu mil-liġi.
Ir-reġistraturi huma uffiċjali pubbliċi b'responsabbiltà għar-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' fatti u atti ġuridiċi relatati mal-proprjetà immobbli, il-proprjetà mobbli li trid tkun irreġistrata, l-attivitajiet u l-avvenimenti tan-negozju fil-ħajjiet tan-nies. Ir-rwol tagħhom essenzjalment jinvolvi t-twettiq tal-kontrolli ġuridiċi tad-dokumenti msemmija fuq u dawk relatati u l-iżgurar li d-drittijiet li jinsabu fid-dokumenti li jiċċertifikaw il-fatti li jridu jiġu rreġistrati jkunu definiti korrettament u li jikkonformaw mal-ordni stipulata legalment tar-reġistrazzjoni; huma responsabbli wkoll mill-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni u jistgħu jiddeċiedu jdaħħlux il-fatt jew att ġuridiku fir-reġistru.
Skont l-oqsma ta' dmirijiethom, ir-reġistraturi jistgħu jkunu:
Aċċess għall-professjoni teħtieġ lawrja fil-liġi minn università Portugiża jew kwalifika akkademika ekwivalenti. Il-kandidati jridu jgħaddu wkoll minn testijiet tal-aptitudni u jagħmlu kors universitarju ta' estensjoni ta' sitt xhur li jiffoka fuq suġġetti ġuridiċi u suġġetti relatati mar-reġistrazzjoni meħtieġa mir-reġistraturi. Imbagħad dawn jagħmlu sena apprendistat, u wara jieħdu sehem f'kompetizzjoni pubblika. Il-kandidati jkunu vvalutati f'kull stadju ta' dan il-proċess u jistgħu jkunu eliminati jekk jeħlu fi kwalunkwe stadju tal-proċedura tad-dħul. L-istadju finali huwa kompetizzjoni pubblika organizzata mill-Istitut tar-Reġistri u tan-Nutara (Instituto dos Registos e do Notariado).
L-Istitut tar-Reġistri u tan-Nutara huwa responsabbli mid-direzzjoni, il-koordinazzjoni, l-appoġġ, l-evalwazzjoni u s-sorveljanza tal-attività tal-uffiċċji tar-reġistri.
L-uffiċjali tal-ġustizzja huma kategorija ta’ funzjonarji tal-ġustizzja (funcionário de justiça) li, fost affarijiet oħra, jipprovdu assistenza fil-qrati jew lis-servizzi tal-prosekuzzjoni pubblika. Madankollu, in-nozzjoni tal-uffiċjal tal-ġustizzja tkopri wkoll tekniki tal-IT, persunal amministrattiv, tekniku u ta' appoġġ u ħaddiema tal-manutenzjoni.
L-aċċess għall-karriera ta' uffiċjal tal-ġustizzja jibda bir-rwoli fil-livell tad-dħul ta' skrivan awżiljarju (escrivão auxiliar) fis-servizz ġudizzjarju u skrivan awżiljarju fil-qasam tal-ġustizzja (técnico de justiça auxiliar) fis-servizzi tal-prosekuzzjoni pubblika. L-aċċess huwa miftuħ għall-persuni li jkunu temmew kors ta’ taħriġ professjonali, u li jkunu ġew approvati permezz ta’ proċedura ta’ ammissjoni.
Il-funzjonarji tal-ġustizzja huma rregolati minn Statut speċifiku (Estatuto dos Funcionários de Justiça), kif stabbilit fid-Digriet Liġi Nru 343/1999 tas-26 ta' Awwissu 1999. Dawn għandhom rwol importanti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali, partikolarment fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttivi u r-Regolamenti Ewropej.
Id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (Direção-Geral da Administração da Justiça) huwa l-korp tal-Ministeru tal-Ġustizzja responsabbli mir-reklutaġġ, mill-ġestjoni u mill-amministrazzjoni tal-funzjonarji tal-ġustizzja.
Il-Kunsill tal-Uffiċjali tal-Ġustizzja (Conselho de Oficiais de Justiça) huwa l-korp responsabbli mill-valutazzjoni tal-mertu professjonali tal-uffiċjali tal-ġustizzja, u mill-eżerċizzju ta’ awtorità dixxiplinarja fil-konfront tagħhom.
Fl-Artikolu 2(b) tal-Liġi 29/2013 tad-19 ta' April 2013, medjatur huwa ddefinit bħala "(...) parti terza imparzjali u indipendenti, bl-ebda setgħa li timponi azzjoni fuq partijiet li jirċievu l-medjazzjoni, li tgħinhom jaslu għal ftehim finali dwar il-kwistjoni disputata." Din il-Liġi tiddefinixxi wkoll l-istatus tal-medjaturi li jaħdmu l-Portugall u tistipula d-dispożizzjonijiet għall-inklużjoni tagħhom fil-listi ta' kull waħda mis-sistemi ta' medjazzjoni pubbliċi; dan isir permezz ta' proċedura tal-għażla, li hija rregolata mill-Ordni ta' Implimentazzjoni (Portaria) Nru 282/2010 tal-25 ta' Mejju 2010.
Xogħol il-medjaturi huwa importanti ħafna, peress li jgħinu lill-partijiet jaslu għal ftehim u dan min-naħa tiegħu jgħin biex iżomm l-armonija soċjali u, f'xi każijiet, jirritornaha. Fil-Portugall, hemm medjaturi speċjalisti li jittrattaw kwistjonijiet kriminali, industrijali u tal-familja. Ma hemm l-ebda NGO li qed taħdem fil-qasam tal-medjazzjoni, imma hemm assoċjazzjonijiet privati li jipprovdu servizzi tal-medjazzjoni u taħriġ għall-medjaturi.
Ma hemm l-ebda kodiċi tal-etika nazzjonali għall-medjaturi, imma l-Att dwar il-Medjazzjoni msemmi fuq jinkludi kapitolu dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tal-medjaturi, li jridu wkoll jaġixxu skont il-prinċipji stipulati fil-Kodiċi ta' Kondotta Ewropew għall-Medjaturi, li jagħmel parti mit-taħriġ tagħhom.
L-imġiba tal-medjaturi tkun monitorizzata mis-sistema ta' medjazzjoni pubblika, li hija maqsuma fi tliet partijiet li jiffukaw fuq kwistjonijiet ċivili, industrijali u kriminali. Kull parti tas-sistema ta' medjazzjoni pubblika hija ġestita minn awtorità pubblika, li hija identifikata fl-istatut ta' assoċjazzjoni tal-awtorità.
Fil-Portugall, il-medjaturi ma jirċevux taħriġ mingħand korp pubbliku; minflok, jitħarrġu minn korpi privati li jkunu ċċertifikati mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Ġustizzja (Direção Geral da Política de Justiça, DGPJ) b'konformità mal-Ordni ta' Implimentazzjoni Nru 345/2013 tas-27 ta' Novembru 2013, b'fokus partikolari fuq il-konformità mal-qafas kwalitattiv.
Id-DGPJ, permezz tal-Uffiċċju għas-Soluzzjoni Alternattiv għat-Tilwim (GRAL), iġestixxi s-sistemi ta' medjazzjoni pubblika. Għalkemm ma jipprovdix informazzjoni dwar kif issib medjatur, huwa jżomm listi ta' medjaturi, u l-medjaturi jistgħu jżidu isimhom ma' din il-lista billi jieħdu sehem fil-proċedura tal-għażla stipulata fir-regoli approvati bl-Ordni ta' Implimentazzjoni Nru 282/2010 tal-25 ta' Mejju 2010.
Tista' ssib iktar informazzjoni hawnhekk: http://www.dgpj.mj.pt/.
L-amministraturi ġudizzjarji huma responsabbli għas-sorveljanza u l-koordinament tal-atti li huma parti mill-proċess ta’ rkupru speċjali (processo especial de revitalização); huma jġestixxu jew jillikwidaw ukoll il-patrimonju tal-insolvenza f'każ ta' proċedimenti ta' insolvenza, u jwettqu d-dmirijiet kollha konferiti lilhom mill-istatut jew mil-liġi. Skont il-funzjonijiet eżerċitati fil-proċediment, jista' jinħatar amministratur ġudizzjarju temporanju, amministratur tal-insolvenza jew fiduċjarju.
Ir-rwol tal-amministratur ġudizzjarju huwa stabbilit fil-Liġi Nru 22/2013 tas-26 ta' Frar 2013.
Amministratur ġudizzjarju:
Il-Kummissjoni għall-Assistenti Ġuridiċi (Comissão para o Acompanhamento dos Auxiliares da Justiça, CAAJ) hija responsabbli għall-proċedura ta’ ammissjoni għall-amministraturi ġudizzjarji u timmonitorizza xogħolhom.
L-Uffiċjali tal-proprjetà industrijali huma speċjalisti fil-proprjetà industrijali li l-kumpaniji u l-individwi jistgħu jistaqsuhom biex jgħinuhom jiddefendu d-drittijiet u l-interessi tagħhom.
Uffiċjali tal-proprjetà industrijali huma awtorizzati mill-Istitut Nazzjonali tal-Proprjetà Industrijali (Instituto Nacional da Propriedade Industrial) iwettqu atti tal-proprjetà industrijali f'isem il-klijenti tagħhom mingħajr ma jkollhom għalfejn juru l-prokura tagħhom.
L-eżerċizzju tal-professjoni tal-uffiċjali tal-proprjeta industrijali fi ħdan l-Istitut Nazzjonali tal-Proprjeta Industrijali huwa rregolat mid-Digriet-Liġi Nru 15/95 tal-24 ta' Jannar 1995.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja, f’kooperazzjoni mal-Kamra tal-Avukati u mal-awtoritajiet lokali, jiżgura l-eżistenza, fit-territorju Portugiż kollu, ta’ Uffiċċju għall-Pariri Legali (Gabinetes de Consulta Jurídica), fejn iċ-ċittadini jistgħu jieħdu pariri legali mingħajr ħlas mingħand professjonisti fil-qasam legali. Tista’ ssib lista ta’ dawn l-uffiċċji, flimkien mad-dettalji ta’ kuntatt rilevanti, onlajn, inkluż fis-sit tad-Direttorat Ġenerali tal-Politika tal-Ġustizzja (www.dgpj.mj.pt).
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.