Tipi ta’ professjonijiet legali

Olanda

Din il-paġna tagħtik deskrizzjoni ġenerali tal-professjonijiet legali fin-Netherlands. Prosekuturi Imħallfin Avukati Nutara Professjonijiet legali oħra

Il-kontenut ipprovdut minn
Olanda

Prosekuturi

Organizzazzjoni

Is-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika (Openbaar Ministerie, jew OM) huwa organizzazzjoni nazzjonali b’uffiċċji fir-reġjuni kollha. Jeżisti wkoll Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku nazzjonali li jiffoka fuq il-ġlieda (internazzjonali) kontra l-kriminalità organizzata, u Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Funzjonali biex jiġġieled il-kriminalità u l-frodi ambjentali u finanzjarji.

Hemm 10 uffiċċji tal-prosekuturi distrettwali, fejn il-prosekuturi pubbliċi, megħjuna minn esperti amministrattivi u legali, jimmaniġġaw mijiet ta’ eluf ta’ każijiet kull sena. Jekk jitressaq appell, il-kawża tiġi riferuta lil wieħed mill-erba' uffiċċji tal-prosekuturi reġjonali. Ir-rappreżentant tal-OM f’dawn l-uffiċċji jissejjaħ l-avukat ġenerali jew Advocaat-Generaal. Il-Kapijiet Prosekuturi Pubbliċi u l-kapijiet avukati ġenerali jieħdu ħsieb dawn l-uffiċċji. Fil-livell nazzjonali l-OM huwa mmexxi minn Bord ta’ Prokuraturi Ġenerali (College van Procureurs-generaal) fl-Aja. Ir-responsabbiltà politika għall-OM hija fdata f’idejn il-Ministru tal-Ġustizzja. Flimkien mal-Bord tal-Prokuraturi Ġenerali, dan jiddeċiedi dwar il-prijoritajiet għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni.

Rwol u dmirijiet

Kull persuna ssusspettata li wettqet reat kriminali jkollha x'taqsam mal-OM. L-OM huwa l-uniku korp fin-Netherlands li jista’ jtella' persuna ssusspettata l-qorti. Huwa jiżgura li r-reati kriminali jiġu investigati u li ssir il-prosekuzzjoni.

Huwa jaħdem f’kollaborazzjoni mal-pulizija u servizzi oħra ta’ investigazzjoni. Il-Prosekutur Pubbliku huwa responsabbli mill-investigazzjonijiet. L-OM jissorvelja wkoll l-eżekuzzjoni xierqa tad-deċiżjonijiet tal-qorti; il-multi jridu jitħallsu, sentenzi ta' priġunerija jiġu skontati, u s-servizz komunitarju jitwettaq. L-OM u l-imħallfin huma parti mill-ġudikatura. Għaldaqstant, l-OM mhuwiex Ministeru kif nafuh ġeneralment.

Imħallfin

Organizzazzjoni

Kull min jixtieq isir imħallef irid ikollu mill-inqas seba’ snin esperjenza professjonali. Din l-esperjenza tista’ tinkiseb permezz ta’ kors ta’ taħriġ intern mal-ġudikatura jew xi mkien ieħor fis-sistema ġudizzjarja. Is-sistema ġudizzjarja tipprovdi t-taħriġ meħtieġ.

L-Imħallfin jinħatru mill-Kuruna, taħt il-patronaġġ tal-Ministru għas-Sigurtà u l-Ġustizzja. Iċ-ċittadini Netherlandiżi biss jistgħu jinħatru fil-kariga ta’ mħallef. Il-kandidati jrid ikollhom lawrja fil-liġi minn università Netherlandiża.

L-individwi jistgħu jiġu nnominati għal ħatra fil-ġudikatura biss wara rakkomandazzjoni ta’ kumitat ta’ selezzjoni nazzjonali magħmul minn membri mid-diversi qrati, mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u minn individwi soċjalment attivi.

Imħallef jinħatar biex jamministra l-ġustizzja f’qorti speċifika. Tali ħatra tista’ sseħħ biss jekk il-qorti inkwistjoni tinnomina lill-imħallef prospettiv. Dawn il-kundizzjonijiet jagħmlu s-sistema ta’ ħatriet kemm jista’ jkun oġġettiva.

L-imħallef huwa uffiċjal tal-gvern bi status speċjali. Wara l-ħatra, l-imħallef ma jistax jaċċetta kariga xi mkien ieħor.

L-imħallfin jistgħu jibqgħu fil-kariga tagħhom sakemm jagħlqu 70 sena. Qabel ma jagħlqu s-70, jistgħu jitneħħew mill-kariga kontra l-volontà tagħhom biss mill-ogħla qorti fin-Netherlands, il-Qorti Suprema tan-Netherlands (Hoge Raad der Nederlanden), fuq talba tal-prokuratur ġenerali (procureur-general) ta’ din il-qorti. Din is-sistema tagħti protezzjoni adegwata mill-influwenza politika fuq il-ħatriet u t-tneħħijiet mill-kariga.

Rwol u dmirijiet

Il-kompitu tal-imħallef huwa li jieħu deċiżjoni imparzjali fit-tilwim legali – inklużi l-kawżi li l-gvern ikun parti fihom. Biex tkun iggarantita l-imparzjalità fil-konfront tal-gvern, hemm sistema speċjali ta’ selezzjoni u ta’ ħatra. B’hekk, l-istatus legali tal-imħallfin huwa differenti minn dak tal-uffiċjali l-oħra tal-gvern.

Il-Kostituzzjoni Netherlandiża teżiġi li l-ġudikatura tieħu deċiżjonijiet dwar it-tilwim, u tinkludi dispożizzjonjiet li jirregolaw l-istatus legali tal-membri tal-ġudikatura.

L-imħallfin jistgħu jisimgħu l-kawżi skont id-diskrezzjoni tagħhom, filwaqt li jkunu ggwidati mil-leġiżlazzjoni prevalenti,. Huma jiddeterminaw ukoll, sa ċertu punt, il-progress prattiku tal-proċedimenti (pereżempju, it-tul ta’ ċerti partijiet tal-proċedimenti).

Jekk parti fi proċediment ikollha xi dubji dwar l-imparzjalità tal-imħallef, il-liġi tagħtiha opportunità biex toġġezzjona li l-imħallef jisma’ l-kawża. Xi drabi, parti f'kawża ma tkunx sodisfatta b’ħidmet l-imħallef. Hawnhekk issir distinzjoni bejn id-deċiżjoni mogħtija mill-qorti u l-imġiba tal-imħallef.

  1. Jekk in-nuqqas ta’ sodisfazzjon ikun minħabba s-sentenza, il-parti li qed tilmenta ġeneralment ikollha l-possibbiltà li tressaq appell;
  2. L-ilmenti dwar l-imġiba ta’ mħallef jistgħu jitressqu quddiem il-bord tal-qorti fejn jipprattika l-imħallef inkwistjoni. Kull qorti għandha proċedura għall-ilmenti li tistipula r-regoli biex jiġu ttrattati l-ilmenti.

Hemm diversi dispożizzjonijiet statutorji li jirregolaw l-imġiba tal-imħallfin. L-iskop tagħhom huwa li jkun iggarantit li l-imħallfin jagħmlu xogħolhom b’mod imparzjali.

L-imħallfin iridu jiksbu għarfien espert f’mill-inqas żewġ oqsma. B’hekk, ġeneralment ikunu meħtieġa jisimgħu kawża waħda f’ċertu qasam, u wara jaqbilbu għall-qasam l-ieħor. Din ir-regola hija mfassla biex l-imħallfin ma jitħallewx jiffokaw għal wisq żmien u żżejjed fuq qasam wieħed ta’ għarfien espert.

L-imħallfin jaħdmu fi qrati distrettwali (rechtbanken). Dawn jikkonsistu f'tal-anqas erba’ setturi: is-settur tad-dritt ċivili, is-settur tad-dritt kriminali, is-settur tad-dritt amministrattiv u s-settur tal-qrati subdistrettwali. L-imħallfin li jaħdmu fis-settur tal-aħħar jissejħu kantonrechter, filwaqt li l-oħrajn jissejħu rechter. L-imħallfin li jaħdmu fil-qrati tal-appell u fil-Qorti Surpema jissejħu raadsheer.

Il-kompożizzjoni tal-qrati meta jisimgħu l-kawżi hija kif ġej:

  • Il-Kantonrechters jisimgħu l-kawżi waħidhom.
  • L-imħallfin tal-qrati distrettwali ġeneralment jisimgħu l-kawżi waħidhom, imma wħud mill-kawżi jridu jinstemgħu minn bord ta’ tliet imħallfin.
  • L-imħallfin fil-qrati tal-appell jisimgħu l-kawżi f’bord ta’ tlieta, ħlief meta kawża ta’ din x-xorta tkun tista’ tinstema’ minn imħallef wieħed. Il-liġi tipprovdi regoli għal dan.
  • Fil-Qorti Suprema, kull kawża tinstema’ minn ħames imħallfin.

L-entità governattiva responsabbli mir-regolamentazzjoni tal-professjoni hija l-Ġudikatura Netherlandiża (rechtspraak).

Bażi tad-dejta legali

Għal iktar informazzjoni, ara s-sit elettroniku ddedikat għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fin-Netherlands, li huwa aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali.

Organizzazzjoni tal-professjoni legali: Avukati

Avukati

Il-Kamra tal-Avukati Netherlandiża (de Orde) hija l-entità professjonali tad-dritt pubbliku għall-avukati kollha fin-Netherlands. L-attività ċentrali tal-Kamra tal-Avukati, li hija rregolata b’mod statutorju, hija s-sorveljanza tal-kwalità tas-servizzi li jagħtu l-avukati. Din il-kwalità tiġi żgurata, fost l-oħrajn, permezz ta’:

  • Programm edukattiv komprensiv għall-professjoni legali
  • Tfassil ta’ ordinamenti u ta’ regoli vinkolanti oħrajn għall-avukati
  • Proċedimenti dixxiplinari
  • Informazzjoni u servizzi lill-membri
  • Pariri lill-gvern Netherlandiż dwar il-pjanijiet tal-politiki u l-adozzjonijiet.

Bil-liġi, avukat irid isir membru tal-Kamra tal-Avukati. Fl-2014, kien hemm 17 000 avukat irreġistrati.

Konsulenti legali

M’hemm l-ebda entità ċentralizzata li tirregola din il-professjoni.

Nutara

Organizzazzjoni

Ara s-sit elettroniku tal-Entità Professjonali Rjali tan-Nutara (Koninklijke Notariële Beroepsorganisatie).

Rwol u dmirijiet

Il-liġi teħtieġ strument notarili għal għadd ta’ ftehimiet u ta’ tranżazzjonijiet legali. L-iktar importanti huma:

  1. Iċ-ċessjoni tal-proprjetà immobbli fin-Netherlands
  2. Il-ħolqien jew il-kanċellazzjoni tal-ipoteki
  3. L-inkorporazzjoni tal-kumpaniji pubbliċi jew privati b’responsabbiltà limitata (NVs u BVs) jew l-emendi tal-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħhom
  4. It-twaqqif ta’ fondazzjonijiet jew ta’ assoċjazzjonijiet (inklużi l-kooperattivi) jew l-emendi fil-kostituzzjoni tagħhom
  5. It-tfassil, l-emendi għal u l-eżekuzzjoni tat-testmenti
  6. It-tfassil jew l-emendi għall-kuntratti taż-żwieġ u għall-ftehimiet ta’ sħubija reġistrata
  7. It-trasferiment ta’ ishma rreġistrati
  8. L-awtorizzazzjoni tal-firem
  9. Il-provvista ta’ rigali u ta’ donazzjonijiet fi strument notarili.

Għal raġunijiet prattiċi, nutar ta’ spiss iwettaq anki tipi oħrajn ta’ tranżazzjonijiet legali u jista’ jabbozza tipi oħrajn ta’ ftehimiet. Dawn jinkludu, pereżempju, ftehimiet ta’ sħubija (sħubijiet kummerċjali, ċivili u limitati), ftehimiet bejn persuni li jikkoabitaw u dispożizzjonijiet sabiex kumpaniji privati b’responabbiltà limitata jkunu protetti minn partijiet terzi.

Professjonijiet legali oħra

L-Organizzazzjoni Professjonali Rjali tal-Uffiċjali Ġudizzjarji (il-Koninklijke Beroepsorganisatie van Gerechtsdeurwaarders jew KBvG) kienet inkorporata fl-Att dwar l-Uffiċjali Ġudizzjarji, li daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Lulju 2001. Dan jagħti lill-KBvG – li l-uffiċjali ġudizzjarji kollha fin-Netherlands iridu jissieħbu fiha – il-kompitu li trawwem prattika tajba fi ħdan il-professjoni.

L-uffiċjali ġudizzjarji Netherlandiżi għandhom ir-responsabbiltà li jirċievu u jibagħtu dokumenti skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta' Mejju 2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta' dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali. Id-dokumenti li għandhom jiġu servuti fin-Netherlands iridu jintbagħtu direttament lil wieħed mill-uffiċjali ġudizzjarji tagħha. It-talbiet għal dan is-servizz iridu jsiru bin-Netherlandiż jew bl-Ingliż.

Talba ta’ din ix-xorta, madankollu, ma tistax tintbagħat lill-entità ċentrali Netherlandiża, l-Organizzazzoni Professjonali Rjali tal-Uffiċjali Ġudizzjarji. L-għajnuna tagħha tista’ tintalab biss fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ddefiniti fl-Artikolu 3(c) tar-Regolament Ewropew imsemmi iktar 'il fuq.

Servizzi legali pro bono

Għal pariri legali primarji, tista’ titlob l-għajnuna f’wieħed mid-Dipartimenti tas-Servizzi Legali. Hawnhekk tista’ titlob kjarifiki dwar kwistjonijiet legali, informazzjoni u pariri. Dan huwa l-ewwel post fejn il-konsumatur għandu jmur biex jingħata għajnuna legali.

Jekk ikun meħtieġ, inti tintbagħat għand avukat jew medjatur privat, u dan ikun it-tieni post fejn tingħata għajnuna legali.

Is-servizzi ta’ informazzjoni kollha fid-Dipartimenti tas-Servizzi Legali huma mingħajr ħlas. Dawn jingħataw fil-post jew bħala parti minn konsultazzjoni (mhux iktar minn 60 minuta). Tista’ tavviċina dawn id-Dipartimenti bi problemi rigward id-dritt ċivili, id-dritt amministrattiv, id-dritt kriminali u d-dritt dwar l-immigrazzjoni.

Ġew stabbliti total ta’ 30 Dipartiment tas-Servizzi Legali. Dawn ġew mifruxa b’mod ġeografikament regolari, biex kull ċittadin Netherlandiż ikollu aċċess faċli għas-servizzi legali.

Ara s-sit elettroniku tad-Dipartimenti tas-Servizzi Legali għal iktar informazzjoni.

Ħoloq

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (OM), L-Amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-Qorti Suprema tan-Netherlands (Nederlandse rechtspraak en de Hoge Raad der Nederlanden), Il-Kamra tal-Avukati Netherlandiża (Nederlandse Orde van Advocaten), L-Entità Professjonali Rjali tan-Nutara (Koninklijke Notariële Beroepsorganisatie), L-Organizzazzoni Professjonali Rjali tal-Uffiċjali Ġudizzjarji (Koninklijke Beroepsorganisatie van Gerechtsdeurwaarders), Id-Dipartimenti tas-Servizzi Legali (Het Juridisch Loket), Skeda Informattiva dwar il-Persunal tal-Qorti PDF (389 Kb) en

L-aħħar aġġornament: 11/10/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna