Tipi ta’ professjonijiet legali

Ġermanja

Din il-paġna tipprovdi informazzjoni dwar il-ġuristi fil-Ġermanja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

Prosekutur pubbliku

Rwol u dmirijiet

Is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika (Staatsanwaltschaft) huwa organu indipendenti fil-ġurisdizzjoni kriminali strutturat bl-istess mod bħall-qrati nnifishom. L-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa responsabbli għat-tmexxija ta’ investigazzjonijiet preliminari, it-tressiq tal-atti ta’ akkuża għall-prosekuzzjoni fil-proċess u l-eżekuzzjoni tal-piena. Sakemm ma jkunx hemm leġiżlazzjoni li tindika l-kuntrarju, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika huwa responsabbli wkoll mit-tmexxija ta' prosekuzzjonijiet għal kontravvenzjonijiet minuri.

Is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika għandu l-obbligu li jaġixxi kull fejn ikun hemm reat li jista’ jiġi pproċessat, jekk kemm-il darba jkun hemm raġunijiet biżżejjed (il-prinċipju ta’ legalità). Dan ifisser li, qabel ma jiddeċiedi jekk għandhiex titressaq azzjoni pubblika, l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jinvestiga u jwettaq eżami legali tal-fatti kollha li jkun sar jaf bihom. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku huwa marbut b’obbligu ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità. Irid iqis kemm l-evidenza inkriminanti kif ukoll l-evidenza favur il-persuna suspettata. Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi jkunu ssodisfati, irid jitressaq att ta’ akkuża. Meta l-proċedimenti jkunu relatati ma’ reat, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jista’ jastjeni mill-prosekuzzjoni jekk il-ħtija tat-trasgressur titqies bħala minuri u ma jkun hemm l-ebda interess pubbliku fil-prosekuzzjoni tat-trasgressur. Taħt ċerti kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, il-kunsens tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tiftaħ il-proċedimenti prinċipali huwa wkoll meħtieġ. L-akkużat jista’ wkoll ikun soġġett li jwettaq ċerti obbligi u jsegwi ċerti struzzjonijiet biex jingħalaq il-każ.

Meta jwettaq investigazzjonijiet għal proċedimenti kriminali, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jista’ jifittex l-għajnuna minn partijiet oħra. Dawn il-partijiet jinkludu uffiċjali tal-pulizija, investigaturi tat-taxxa u uffiċjali tad-dwana. Dawn il-partijiet iridu jsegwu l-istruzzjonijiet tas-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika.

Qabel ma każ kriminali jkun jista’ jiġi pproċessat, trid titressaq akkuża kontra l-konvenut. Bi ftit eċċezzjonijiet li jikkonċernaw offiżi żgħar, l-akkuża trid dejjem titressaq mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku. Il-prosekutur pubbliku normalment jipparteċipa fil-proċess bħala rappreżentant tal-awtorità tal-prosekuzzjoni.

Is-servizz tal-Prosekutur Pubbliku huwa involut kemm fi proċedimenti tal-ewwel istanza kif ukoll fil-livell tal-appell (appelli fuq punti ta’ fatti u punti ta’ liġi).

Waqt il-proċess, l-akkuża għandha tinqara mill-prosekutur pubbliku. Huwa għandu d-dritt li jinterroga lill-konvenut u lil kwalunwe xhud. Huwa jista’ wkoll jagħmel it-talbiet tiegħu għall-evidenza. Fi tmiem il-proċess, il-prosekutur pubbliku jippreżenta l-argumenti tal-għeluq filwaqt li jevalwa l-fatti legali u sostantivi. Huwa ta’ spiss jitlob lill-Qorti biex taqta’ s-sentenza dwar il-konvenut jew biex dan jiġi liberat.

Bil-kunsens tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, tal-qorti u tal-akkużat, il-proċedimenti kriminali jistgħu jitwaqqfu f’dan l-istadju. Dan pereżempju jista’ jsir jekk il-ħtija tal-akkużat titqies bħala baxxa wara li jkun sar il-proċess.

Jekk l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jkun konvint li d-deċiżjoni tal-qorti trid tiġi riveduta fuq bażi ta’ fatt jew ta’ liġi, huwa jista’ jagħmel appell anki favur il-konvenut.

Organizzazzjoni

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandu s-sede tiegħu fil-Qorti Reġjonali (Landgericht), fil-Qorti Reġjonali Superjuri (Oberlandesgericht) u fil-Qorti Federali tal-Ġustizzja (Bundesgerichtshof) u għandu struttura ġerarkika.

Minħabba s-sistema Federali fil-Ġermanja, huwa meħtieġ li wieħed jiddistingwi bejn il-kompetenzi tal-Gvern Federali u l-kompetenzi tal-Istati Federali (Länder).

L-uffiċċji tal-Prosekuturi Pubbliċi tal-Istati Federali (Staatsanwaltschaften der Länder)

Bl-eċċezzjoni ta’ reati li għalihom il-Prosekutur Ġenerali Federali (Ġeneralbundesanwalt) fil-Qorti Federali tal-Ġustizzja għandu l-ġurisdizzjoni, l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku tal-Länder huma kompetenti biex jipproċedu r-reati. Il-Prosekutur Ġenerali Federali fil-Qorti Federali tal-Ġustizzja u l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi tal-Istati Federali huma distini u separati, u joperaw kull wieħed fil-livell tiegħu. Ma teżisti l-ebda rabta ġerarkika bejn il-livell nazzjonali u l-livell tal-Istati Federali. Madankollu, f’każijiet eċċezzjonali, il-prosekutur Ġenerali Federali fil-Qorti Federali tal-Ġustizzja jista’ jittrasferixxi proċedimenti li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu lill-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku tal-Land jew jieħu proċedimenti li jaqgħu fil-kompetenzi ta’ dawn tal-aħħar.

Kull wieħed mis-16-il Stat Federali għandu s-servizz tiegħu ta' prosekuzzjoni pubblika, l-organizzazzjoni tal-uffiċċji hija deskritta hawn taħt:

Kull qorti reġjonali (Landgericht) għandha l-uffiċċju tagħha ta' prosekutur pubbliku, li huwa wkoll responsabbli għall-qrati lokali (Amtsgerichte) fid-distrett ġudizzjarju ta’ dik il-qorti reġjonali.

Kull wieħed mill-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku fil-qrati reġjonali jaqa’ taħt l-awtorità tal-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali fil-qorti reġjonali superjuri korrispondenti (Oberlandsgericht), li min-naħa tiegħu jaqa’ taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Istat Federali rispettiv.

L-Uffiċċji tal-Prosekutur-Ġenerali (Generalstaatsanwaltschaften) huma responsabbli għall-appelli u l-punti tal-liġi fil-qrati reġjonali superjuri. Jekk proċedimenti bħal dawn jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-prosekuzzjoni titmexxa mill-Prosekutur Ġenerali Federali.

Għal aktar informazzjoni dwar l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku irreferi għat-Taqsima Qrati u Uffiċċji tal-Prosekuturi Pubbliċi (Gerichte und Staatsanwaltschaften) fuq is-sit web tal-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur. Ħafna mis-servizzi tal-prosekuzzjoni pubblika għandhom il-websajts tagħhom, li jistgħu jiġu aċċessati mill-portali dwar il-ġustizzja tal-Istati Federali (Länder).

L-Avukat Ġenerali Federali fil-Qorti Federali tal-Ġustizzja (Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof)

Il-ġudikatura fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija fil-prinċipju kwistjoni tal-Länder (l-Artikolu 30, 92, 96 tal-Liġi Bażika). L-Avukat Ġenerali Federali fil-Qorti Federali tal-Ġustizzja “huwa l-uniku uffiċċju tal-prosekutur tal-Gvern Federali. Huwa jissejjaħ ukoll l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (“Bundesanwaltschaft”). Minbarra l-Prosekutur Ġenerali Federali, dan jikkonsisti minn avukati federali oħra, prosekuturi anzjani u prosekuturi pubbliċi u impjegati oħra. Il-Prosekutur Ġenerali Federali jmexxi l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fil-Qorti Federali tal-Ġustizzja.

L-Avukat Ġenerali Federali fil-Qorti Federali tal-Ġustizzja jwettaq l-uffiċċju tal-prosekutur fil-każijiet kriminali serji kollha kontra l-Istat li jikkompromettu b’mod sinifikanti s-sigurtà interna tal-Ġermanja (b’mod partikolari l-att ta’ vjolenza terroristika) jew is-sigurtà esterna (tradiment u spjunaġġ). Fil-każ ta’ reati oħra li għandhom il-karattru ta’ protezzjoni tal-Istat, il-Prosekutur Ġenerali Federali (Generalbundesanwalt) tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja jassumi r-responsabbiltà għall-prosekuzzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi fit-§Taqsima 120 (2) tal-Att dwar il-Kostituzzjoni tal-Qrati (Gerichtsverfassungsgesetz) magħruf ukoll bħala d-dritt ta’ evokazzjoni (Evokationsrecht). Il-Prosekutur Ġenerali Federali fil-Qorti Federali tal-Ġustizzja huwa wkoll responsabbli għall-prosekuzzjoni ta' reati relatati mal-Kodiċi tar-Reati Kontra l-Liġi Internazzjonali (Völkerstrafgesetzbuch) u jintervjeni fi proċedimenti ta’ appell u ta’ lment quddiem id-diviżjoni kriminali tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja (Bundesgerichtshof).

L-Avukat Ġenerali Federali jinħatar mill-President Federali fuq proposta mill-Ministru Federali għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur. Il-proposta trid tiġi approvata mill-Bundesrat Ġermaniż. Il-ħidma tal-Prosekutur Ġenerali Federali hija soġġetta għas-superviżjoni amministrattiva tal-Ministru Federali għall-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur. Madankollu, il-Ministru Federali ma jeżerċita l-ebda drittjiet ta’ superviżjoni fuq il-prosekuturi pubbliċi tal-Länder, u ma jistax jagħtihom struzzjonijiet.

Imħallef

Organizzazzjoni

Il-leġiżlazzjoni prinċipali li tirregola l-professjoni ta’ mħallef kemm fil-qrati nazzjonali kif ukoll fil-qrati reġjonali hija l-Att tal-Imħallfin Ġermaniżi (Deutsches Richtergesetz (DRiG)). Jinsabu aktar dispożizzjonijiet fil-liġi Ġermaniża fil-livell tal-Istat Federali (Land).

Il-Ministeri tal-Ġustizzja tal-Istati Federali jissorveljaw il-ħidma tal-imħallfin fil-livell tal-Istat Federali. Il-ħidma tal-imħallfin fil-Qrati Federali, bl-eċċezzjoni tal-imħallfin tal-Qorti Kostituzzjonali Federali (Bundesverfassungsgericht), hija ssorveljata mill-Ministeru Federali rilevanti.

Rwol u dmirijiet

Imħallfin professjonisti u mħallfin lajċi (Berufsrichter und Laienrichter)

L-imħallfin professjonisti (Berufsrichter) iservu jew fil-qrati nazzjonali jew fil-qrati reġjonali. L-imħallfin fil-livell tal-Istat Federali jeżerċitaw dmirhom f’qorti lokali (Amtsgericht), f’qorti reġjonali (Landgericht) jew f’qorti reġjonali superjuri (Oberlandesgericht). Il-biċċa l-kbira tal-imħallfin jaħdmu fil-livell tal-Istat Federali.

L-imħallfin Federali (Bundesrichter) jistgħu jservu fil-Qorti Kostituzzjonali Federali (Bundesverfassungsgericht), fil-Qorti Federali tal-Ġustizzja (Bundesgerichtshof), fil-Qorti Federali tax-Xogħol (Bundesarbeitsgericht), fil-Qorti Federali tal-Finanzi (Bundesfinanzhof), fil-Qorti Soċjali Federali (Bundessozialgericht), fil-Qorti Federali Amministrattiva (Bundesverwaltungsgericht) jew fil-Qorti Federali tal-Privattivi (Bundespatentgericht).

Fi proċedimenti kriminali, l-imħallfin professjonisti jingħaqdu mal-imħallfin lajċi (Laienrichter) (Schöffen). L-imħallfin laċji jissejħu minn fost iċ-ċittadini biex jeżerċitaw dan is-servizz bla ma jitħallsu. Teoretikament, persuna tista’ anki tinħatar mingħajr il-kunsens tagħha stess. Ċittadin li jinħatar bħala mħallef lajk jista’ biss jirrifjuta s-servizz f’ċirkustanzi eċċezzjonali. L-imħallfin lajċi (Schöffen) jipparteċipaw fis-seduti tal-qrati lokali u fis-seduti tal-Awla kriminali u l-Awla tal-minorenni fil-qrati reġjonali.

Fil-prinċipju, l-imħallfin lajċi għandhom l-istess drittijiet ta’ vot bħall-imħallfin professjonisti. Dan ifisser li jiddeċiedu flimkien mal-imħallfin professjonisti dwar jekk il-konvenut ikunx ħati u dwar x’sentenza għandha tingħata.

Skont it-Taqsima § 36 tal-Att dwar il-Kostituzzjoni tal-Qrati (Gerichtsverfassungsgesetz (GVG)), l-imħallfin lajċi jiġu eletti kull ħames snin. Ċittadini Ġermaniżi biss jistgħu jagħmluha ta' mħallfin lajċi (§ it-Taqsima 31 GVG). Il-persuni li ġejjin huma esklużi mill-kariga ta’ mħallfin lajċi (§Taqsima 33 tal-GVG):

  • persuni taħt l-età ta’ ħamsa u għoxrin sena jew li għandhom aktar minn sebgħin sena, jew li jkunu għalqu s-sebgħin sena sal-bidu tal-mandat;
  • persuni li mhumiex residenti fid-distrett ikkonċernat;
  • persuni li mhumiex adattati għall-kariga minħabba problemi ta’ saħħa;
  • persuni li mhumiex adattati għall-kariga minħabba nuqqas ta’ għarfien tal-lingwa Ġermaniża;
  • persuni li finanzjalment ikunu f’ falliment;

Persuni oħra li ma jistgħux iwettqu d-dmirijiet ta’ mħallef lajk huma:

  • persuni li, bħala riżultat ta’ talba minn imħallef, ma jkollhomx il-kapaċità li jokkupaw kariga pubblika jew li jkunu ġew ikkundannati għal terminu ta’ priġunerija ta’ aktar minn sitt xhur għal reat intenzjonat; jew
  • li jkunu qed jiġu investigati fir-rigward ta’ reat li jista’ jwassal għat-telf tal-kapaċità ta’ kariga pubblika (§ it-Taqsima 32 tal-GVG).

L-imħallfin lajċi huma intitolati għall-kumpens ta’ telf ta’ introjtu finanzjarju, l-ammont jiġi determinat mill-Att ta’ Kumpens u Remunerazzjoni Legali (Justizvergütungs- und –entschädigungsgesetz) (§ it-Taqsima 55 tal-GVG). L-Istati Federali jipprovdu fuljetti ta’ spjegazzjoni li jinfurmaw lill-imħallfin lajċi dwar id-dmirijiet tagħhom. Dawn il-fuljetti huma ppubblikati wkoll fuq l-internet. L-Istati Federali joffru wkoll it-taħriġ għall-imħallfin lajċi

Uffiċjal ġudizzjarju (Rechtspfleger)

L-uffiċjali ġudizzjarji huma uffiċjali tal-ġudikatura Ġermaniża. Ir-rwol tagħhom – bħala “t-tieni kolonna tat-tielet fergħa tal-Gvern” – huwa prinċipalment limitat għal kwistjonijiet mhux kontenzjużi (inklużi s-suċċessjoni, il-kustodja, kwistjonijiet varji li jikkonċernaw lit-tfal u l-adozzjoni, ir-reġistrazzjoni tal-art, il-kummerċ, is-soċjetajiet kooperattivi u s-sħubiji, l-insolvenza, ir-reġistrazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet, ta' proprjetà matrimonjali, ta’ bastimenti eċċ.). Ir-responsabbiltajiet tagħhom madankollu jestendu għal għadd ta’ attivitajiet ġudizzjarji oħra, bħal pereżempju fir-rigward ta’ proċedimenti għall-ordnijiet għall-ħlas, l-għajnuna legali, mandati ta’ eżekuzzjoni, bejgħ bis-subbasta sforzat u riċevituri, insolvenza, l-istabbiliment ta’ spejjeż, l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, u proċedimenti quddiem il-Qorti Federali tal-Privattivi u fl-ordni legali internazzjonali.

Attwalment l-għadd ta’ uffiċjali ġudizzjarji huwa akbar mill-għadd ta’ mħallfin fil-qrati lokali. Id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom huma stabbiliti fl-Att tal-Uffiċjali Ġudizzjarji (Rechtspflegergesetz, RPflG). Fit-twettiq tad-dmirijiet u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom, l-uffiċċjali ġudizzjarji, bħall-imħallfin, huma imparzjali u indipendenti u marbuta biss bil-liġi u bl-istatut. Bħala kwistjoni ta' prinċipju, jistgħu jinġiebu l-appelli kontra d-deċiżjonijet tagħhom skont il-liġijiet proċedurali ġenerali fis-seħħ.

Bażijiet tad-data

Bażijiet tad-data fuq l-internet dedikati lill-professjonijist ġudizzjarji u li huma aċċessibbli għall-pubbliku huma:

L-informazzjoni hija disponibbli wkoll fil-paġni web tal-Assocjazzjoni Germaniza tal-Imhallfin (Deutscher Richterbund) jew tal-Assocjazzjoni Germaniza tal-Ufficjali Gudizzjarji (Bundes Deutscher Rechtspfleger).

Avukat

Fil-Ġermanja hemm madwar166,000 avukat. Dawn isegwu l-istess taħriġ legali bħall-imħallfin u jistgħu jagħtu pariri u jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom fi kwalunkwe forma ta’ kwistjoni legali. Għandhom il-permess li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom kemm fl-Awla tal-Qorti kif ukoll barra mill-Qorti; skont il-liġi Ġermaniża ma teżisti l-ebda kategorija ta’ avukati li huma dedikati speċifikament għar-rappreżentanzi fil-qrati. Fil-prinċipju, l-avukati huma intitolati jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom fil-qrati kollha fil-Ġermanja. L-unika eċċezzjoni hija meta l-avukati jkunu jixtiequ jirrappreżentaw il-klijent tagħhom f’kawża ċivili quddiem il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, fejn jeżistu prerekwiżiti ta’ ammissjoni speċifiċi. Eċċezzjoni oħra hija għall-avukati interni (Syndikusrechtsanwälte) (li huma avukati impjegati minn impjegatur mhux avukat biex jagħtu pariri u jirrappreżentaw lill-impjegaturi fi kwistjonijiet legali). Ma jistgħux jirrappreżentaw lill-impjegatur tagħhom quddiem uħud mill-qrati.

L-avukati huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet statutorji tal-Att Federali tal-Avukati (Bundesrechtsanwaltsordnung, BRAO). Il-professjoni legali hija wkoll awtoregolata b'aktar regoli marbutin mal-professjoni, jew b’mod aktar speċifiku, bil-Kodiċi ta’ Kondotta Professjonali tal-Avukati (Berufsordnung fur Rechtsanwälte, BORA) u bil-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Avukati Speċjalisti (Fachanwaltsordnung, FAO). Ir-rimunerazzjoni tal-avukati hija ddeterminata permezz tal-Att ta’ Remunerazzjoni tal-Avukati (Rechtsanwaltsvergütungsgesetz, RVG).

L-avukati huma mqassma f'27 Kamra reġjonali tal-Avukati (Rechtsanwaltskammern) kif ukoll fil-Kamra tal-Avukati tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja. Il-Kmamar huma responsabbli għall-ammissjoni fil-professjoni legali. Barra minn hekk, huma responsabbli wkoll mill-monitoraġġ tal-avukati biex jiżguraw li dawn jikkonformaw mal-obbligi professjonali tagħhom.

Bażijiet tad-data

Informazzjoni komprensiva dwar il-professjoni legali tista’ tinkiseb fuq il-websajt tal-Kamra Federali tal-Avukati (Bundesrechtsanwaltskammer, BRAK). Barra minn hekk,  l-Assoċjazzjoni ta’ Avukati Germaniżi (Deutsche Anwaltverein, (DAV), l-ikbar assoċjazzjoni indipendenti ta’ avukati Ġermaniżi, tipprovdi firxa wiesgħa ta’ informazzjoni dwar il-professjoni legali, li hija wkoll disponibbli bl-Ingliż u bil-Franċiż.

Il-websajts li ġejjin joffru wkoll l-għajnuna biex wieħed isib avukat: id-Direttorju Uffiċjali tal-Avukati Germaniżi (Bundesweites Amtliches Anwaltsverzeichnis) li jelenka l-avukati kollha (il-kontenut huwa bil-Ġermaniż u bl-Ingliż), kif ukoll is-Servizz Federali ta' Informazzjoni dwar l-Avukati (Deutsche Anwaltauskunft).

Avukat tal-Privattivi (Patentanwalt)

Jeżistu madwar 3 500 avukat prattikanti fi kwistjonijet dwar il-privattivi fil-Ġermanja. L-avukati tal-privattivi f’dan il-qasam ikunu ġeneralment temmew l-istudji f’livell universitarju fix-xjenzi jew f’suġġett tekniku, flimkien ma’ taħriġ legali addizzjonali. L-ambitu tal-attività tagħhom huwa limitat għall-konsulenza u r-rappreżentanza tal-klijenti tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali (b'mod partikolari fir-rigward ta’: Privattivi, mudelli ta’ utilità, disinni industrijali u marki kummerċjali (trademarks) u disinji), b’attenzjoni speċifika fuq il-proċeduri ta’ applikazzjoni ta’ monitoraġġ. Dawn l-avukati tal-privattivi huma intitolati li jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom quddiem l-Uffiċċju Ġermaniż tat-Trademarks u l-Privattivi, il-Qorti Federali tal-Privattivi, u, f’ċirkostanzi speċifiċi, quddiem il-Qorti Federali tal-Ġustizzja. Madankollu, fil-Qrati reġjonali u l-qrati reġjonali superjuri, l-avukati tal-privattivi jistgħu biss jagħtu opinjonijiet dwar il-kawżi tal-klijenti tagħhom, u mhux jifformulaw il-konklużjonijiet

L-avukati tal-privattivi huma soġġetti għal dispożizzjonijiet statutorji tal-Att dwar l-Avukati tal-Privattivi (Patentanwaltsordnung (PAO)). Huma jagħmlu parti mill-Kamra tal-Avukati tal-Privattivi (Patentanwaltskammer).

Bażijiet tad-data

Is-sit web dwar il-Kamra tal-Avukati tal-Privattivi (Patentanwaltskammer) tipprovdi informazzjoni dwar il-professjoni ta’ dawn il-konsulenti. Ir-Reġistru Uffiċjali Federali tal-Avukati tal-Privattivi (Bundesweite Amtliche Patentanwaltsverzeichnis) huwa disponibbli wkoll hemmhekk.

Nutar

Fil-Ġermanja attwalment jeżistu madwar 7,000 nutar prattikanti, li ġeneralment iridu jkunu temmew l-istess taħriġ legali bħall-imħallfin. Huma jipprovdu appoġġ u pariri indipendenti, imparzjali u oġġettivi għal tranżazzjonijiet legali importanti kif ukoll it-trattament ta' kwistjonijiet legali fil-qasam tal-ġustizzja preventiva. L-aktar kompitu importanti tagħhom huwa ċ-ċertifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet legali.

Minħabba l-istruttura Federali tal-Ġermanja, jeżistu diversi tipi ta’ nutara: Fil-parti l-kbira tal-Istati Federali, in-nutara jeżerċitaw il-kompiti tagħhom bħala l-impjieg professjonali ewlieni tagħhom (Nutara li jeżerċitaw professjoni unika) (Nurnotariat). Madankollu, f’xi Stati Federali, il-kompiti ta’ nutara jitwettqu flimkien mal-ħidma ta’ avukat (Nutara li jagħmluha ta’ avukati wkoll) (Anwaltsnotariat). In-nutara kollha jinħatru u huma ssorveljati mill-Awtorità Ġudizzjarja Reġjonali rispettiva tagħhom (Landesjustizverwaltung).

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-professjoni tan-nutara jinstabu fl-Att Federali tal-Nutara (Bundesnotarordnung, BNotO). Ir-remunerazzjoni tan-nutara hija ddeterminata mill-Ordni dwar it-Tariffi (Kostenordnung, KostO).

In-nutara huma membri tal-Kamra tan-Nutara reġjonali rispettiva tagħhom.

Bażijiet tad-data

Informazzjoni komprensiva dwar diversi suġġetti relatati mal-professjoni tan-nutara tinsab fil-websajt tal-Kamra Federali tan-Nutara (Bundesnotarkammer). Id-Direttorju tan-Nutara huwa wkoll ta' għajnuna meta wieħed ikollu bżonn ifittex nutar. L-informazzjoni tista’ tinkiseb bil-Ġermaniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż u bl-Ispanjol.

Professjonijiet Legali Oħra

Professjonijiet legali ddefiniti fl-Att tas-Servizzi Legali (Rechtsdienstleistungsgesetz)

L-Att tas-Servizzi Legali jagħmilha possibbli għall persuni li jiġbru d-djun, għall-konsulenti tal-pensjonijiet u għall-fornituri tas-servizz legali bi speċjalizzazzjoni fil-liġi barranija li jipprovdu servizzi legali ekstraġudizzjarji. F'ċerti każijiet, il-persuni li jiġbru d-djun u l-konsulenti tal-pensjonijiet jistgħu wkoll jirrappreżentaw il-klijenti tagħhom quddiem il-qorti. Il-prerekwiżit għat-twettiq ta’ din l-attività huwa reġistrazzjoni, li l-approvazzjoni għaliha tinkiseb billi wieħed japplika mill-qorti. L-ismijiet tal-persuni rreġistrati huma elenkati fir-Reġistru tas-Servizzi Legali (Rechtsdienstleistungsregister).

Ma hemm l-eba rekwiżit legali għal dawn il-fornituri reġistrati tas-servizzi li jridu jappartjenu lil Kamra jew assoċjazzjoni professjonali speċifika. Il-professjonijiet ta’ ġbir ta’ dejn u konsultazzjoni tal-pensjonijiet huma parzjalment koordinati minn firxa ta’ entitajiet professjonali; L-akbar entitiajiet huma l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Aġenziji għall-Ġbir ta’ Dejn (Bundesverband Deutscher Inkassounternehmen), l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Eżekuttivi Legali/Fornituri tas-Servizzi Legali (Bundesverband Deutscher Rechtsbeistände/Rechtsdienstleister) u l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-konsulenti tal-pensjonijet (Bundesverband der Rentenberater).

Bażijiet tad-data

Huwa possibbli li wieħed jikkonsulta r-Reġistru tas-Servizzi Legali, li jinkludi lista tal-fornituri tas-servizzi legali u lista’ tal-qrati responsabbli għall-reġistrazzjoni, permezz tal-portal ġudizzjarju Ġermaniż. Tista’ tinkiseb firxa wiesgħa ta’ aktar informazzjoni mis-siti tal-internet tal-organizzazzjonijiet li ġejjin: l-Assocjazzjoni Germaniza tal-Agenziji tal-Gbir tad-Djun (Bundesverband Deutscher Inkassounternehmen), l-Assocjazzjoni Germaniza tal-Ezekuttivi Legali/Fornituri tas-Servizz Legali (Bundesverband Deutscher Rechtsbeistände/Rechtsdienstleister), u l-Assocjazzjoni Germaniza tal-Konsulenti tal-Pensjonijiet (Bundesverband der Rentenberater) bieten vielfältige weitergehende Informationen.

Organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi legali mingħajr ħlas

Fil-Ġermanja, għadd ta’ organizzazjonijiet karitattivi jipprovdu pariri legali mingħajr ħlas (f’konformità mat-Taqsimiet §§ 6 u 8 tal-Att dwar is-Servizzi Legali). Uħud mill-aktar importanti minn dawn huma:

Links tal-internet relatati

Il-Portal tal-Awtoritajiet tal-Ġustizzja tal-Gvern Federali u tal-Länder

Informazzjoni dwar il-qrati u l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi, il-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-Protezzjoni tal-Konsumatur

Il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja u għall-Protezzjoni tal-Konsumatur

Il-Ministeru tal-Ġustizzja ta’ Hamburg

Il-Ministeru tal-Ġustizzja ta’ Berlin

Il-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Bavarja

L-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Imħallfin

Il-Kamra tal-Avukati Federali

Direttorju uffiċjali tal-avukati fil-Ġermanja

L-Assoċjazzjoni tal-Avukati Ġermaniżi

Informazzjoni dwar l-avukati Ġermaniż

Il-Kamra tal-Avukati tal-Privattivi

Lista ta’ nutara

Il-Kamra Federali tan-Nutara

Ir-Reġistru tas-Servizzi Legali

L-Assoċjazzjoni għal Benessri tal-Ħaddiema Ġermanizi (Arbeiterwohlfahrt Bundesverband e.V.)

Caritas

Diakonie

L-Uffiċċju Ċentrali għall-Benesseri Soċjali tal-Lhud fil-Ġermanja

L-Assoċjazzjoni Ġermaniża tas-Salib l-Aħmar

L-Assoċjazzjoni għall-Benesseri tal-Parità

L-aħħar aġġornament: 10/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.