Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Estonjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Tipi ta’ professjonijiet legali

Estonja

Din il-paġna tagħtik ħarsa ġenerali tal-organizzazzjoni tal-professjonijiet legali fl-Estonja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

Professjonijiet legali – introduzzjoni

Il-professjonijiet legali fl-Estonja jikkonsistu fi:

  • Prosekuturi;
  • Imħallfin;
  • Imħallfin lajċi;
  • Assistenti mħallfin u skrivana tal-qorti;
  • Avukati;
  • Nutara;
  • Bailiffs;
  • Fiduċjarji fi proċeduri ta’ falliment

Prosekuturi

Organizzazzjoni

L-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa korp tal-gvern li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Ġustizzja. L-Uffiċċju jikkonsisti f'żewġ livelli: l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (bħala l-uffiċċju tal-prosekutur superjuri) u erba’ uffiċċji ta’ prosekuturi distrettwali.

Il-ġuriżdizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tkopri lill-Estonja kollha u l-ġuriżdizzjoni ta’ kull Uffiċċju ta’ Prosekutur Distrettwali tikkorrispondi għal dik tal-prefetturi tal-pulizija. L-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa mmexxi mill-Prosekutur Ġenerali, li jinħatar fil-kariga għal ħames snin mill-gvern Estonjan fuq proposta tal-Ministru tal-Ġustizzja, wara li jkun sema' l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Estonjan.

Kull sena fis-sessjoni tar-rebbiegħa tal-Parlament, il-Prosekutur Ġenerali jagħti lill-Kumitat Kostituzzjonali tal-Parlament ħarsa ġenerali tal-prestazzjoni matul is-sena kalendarja preċedenti tal-kompiti assenjati bil-liġi lill-Uffiċċju tal-Prosekutur.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Distrettwali huwa mmexxi minn kap prosekutur, li jiġi maħtur ukoll għal ħames snin mill-Ministru għall-Ġustizzja fuq proposta tal-Prosekutur Ġenerali.

B'kollox hemm tmien tipi ta' prosekuturi fl-Estonja: il-Prosekutur Ġenerali, il-prosekuturi prinċipali tal-istat, il-prosekuturi tal-istat u l-assistenti prosekuturi fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali u tal-prosekuturi prinċipali, il-prosekuturi anzjani, il-prosekuturi speċjali, il-prosekuturi distrettwali u l-assistenti prosekuturi fl-Uffiċċji tal-Prosekuturi Distrettwali.

Ara wkoll l- Att dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur.

Rwol u dmirijiet

Skont l-Att dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur:

  • l-Uffiċċju tal-Prosekutur jipparteċipa fl-ippjanar tas-sorveljanza meħtieġa għall-prevenzjoni u l-iskoperta ta' delitti;
  • imexxi l-proċedimenti kriminali ta’ qabel il-proċess sabiex jiżgura l-legalità u l-effikaċja tagħhom;
  • jirrappreżenta lill-prosekuzzjoni pubblika fil-qorti;
  • iwettaq dmirijiet oħra imposti bil-liġi fuq l-Uffiċċju tal-Prosekutur.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur iwettaq id-dmirijiet tiegħu skont l-Att dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur b'mod indipendenti.

Peress li jmexxi l-proċedimenti kriminali, il-prosekutur jiggwida lill-korp investigattiv fil-ġbir tal-provi u jiddeċiedi jekk iressaqx akkużi kontra persuna fuq il-bażi tal-fatti stabbiliti.

Skont l-Istatuti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur:
l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali:

  • imexxi l-investigazzjonijiet preliminari u jirrappreżenta lill-prosekuzzjoni pubblika fil-qrati fl-istanzi kollha fir-rigward ta' atti ta' kondotta uffiċjali kriminali, reati ekonomiċi, reati marbuta mas-servizz fil-Forzi Armati, reati ambjentali, reati kontra l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u reati kriminali marbuta mal-kriminalità organizzata, ta' natura transfruntiera u kriminalità organizzata oħra partikolarment serja jew reati li jqanqlu l-interess pubbliku, kif ukoll reati kontra l-umanità u s-sigurtà internazzjonali, reati aktar serji kontra l-Istat, reati kriminali mwettqa minn prosekuturi u reati kriminali oħra assenjati mill-Kap Prosekutur Pubbliku;
  • jissorvelja u jagħti parir dwar l-attivitajiet tal-Uffiċċji tal-Prosekuturi Distrettwali u janalizza u jasal għal konklużjonijiet ġenerali dwar prattiki ġudizzjarji u l-prattiki tal-uffiċċji tal-prosekuturi;
  • iwettaq obbligi li jirriżultaw mill-kooperazzjoni internazzjonali, inkluża l-partiċipazzjoni fix-xogħol tal-Eurojust;
  • jipparteċipa fl-abbozzar ta’ Atti, ta’ Regolamenti u Ordnijiet Amministrattivi tal-Gvern tar-Repubblika kif ukoll ta’ Regolamenti u Ordnijiet tal-Ministru għall-Ġustizzja li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur.

Imħallfin

Organizzazzjoni

Imħallef irid ikun ċittadin Estonjan li kiseb Grad ta' Master fil-liġi rikonoxxut nazzjonalment, kwalifika ekwivalenti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 28(22) tal-Att dwar l-Edukazzjoni tar-Repubblika tal-Estonja jew kwalifika barranija ekwivalenti, irid ikun profiċjenti fl-Estonjan f'livell avvanzat, ikun ta' karattru morali għoli u jkollu l-ħiliet u l-karatteristiki personali meħtieġa biex jaħdem bħala mħallef. L-imħallfin jinħatru fil-kariga għal għomorhom. Il-Ministru għall-Ġustizzja ma għandu l-ebda dritt ta’ kmand jew ta’ awtorità dixxiplinarja fuq l-imħallfin. Imħallef jista’ jitneħħa mill-kariga biss fuq il-bażi ta’ sentenza tal-qorti li tkun daħlet fis-seħħ. L-imħallfin jistgħu jservu sal-età ta' 67 sena, iżda dan jista’ jiġi estiż.

Dawn li ġejjin ma jistgħux jinħatru bħala mħallfin:

  • kull min jinsab ħati ta' reat kriminali;
  • kull min tneħħa mill-uffiċċju ta' mħallef, nutar, traduttur ġuramentat jew bailiff;
  • kull min ikun tkeċċa mill-Kamra tal-Avukati Estonjana;
  • kull min ikun ġie rilaxxat minn servizz pubbliku minħabba ksur tar-regoli tad-dixxiplina;
  • kull min huwa fallut;
  • kull persuna li l-attivitajiet professjonali tagħha bħala awditur ikunu intemmu, ħlief meta dan ikun seħħ fuq talba tal-awditur;
  • kull persuna li għaliha d-dritt li taħdem bħala aġent tal-privattivi ġie rtirat, ħlief fejn dan ikun seħħ fuq talba tal-aġent tal-privattivi.

Kull min temm is-servizz preparatorju biex isir imħallef jew min huwa eżentat minn dan it-tip ta’ servizz u jkun għadda mill-eżami ta' mħallef jista' jinħatar bħala mħallef fil-qorti tal-kontea jew dik amministrattiva. Is-servizz ta' tħejjija biex wieħed isir imħallef ma għandux bżonn li jitlesta minn min ikun ħadem għal mill-inqas sentejn bħala avukat tal-qorti jew bħala prosekutur (iżda mhux bħala assistent tal-prosekutur) immedjatament qabel ma jgħaddi mill-eżami ta' mħallef, jew minn kwalunkwe persuna li tkun preċedentement ħadmet bħala mħallef jekk ma jkunux għaddew aktar minn 10 snin minn mindu tkun ħalliet il-kariga ta' mħallef.

Kull min huwa avukat ta' esperjenza u rikonoxxut u jkun għadda mill-eżami ta' mħallef jista' jinħatar bħala mħallef ta’ qorti distrettwali. Kull min ħadem bħala mħallef eżatt qabel il-ħatra tiegħu m’għandux għalfejn jagħmel l-eżami għal imħallef.

Avukati ta' esperjenza u rikonoxxuti jistgħu jinħatru bħala mħallfin tal-Qorti Suprema.

L-Imħallfin huma maħtura permezz ta’ kompetizzjoni miftuħa.

Imħallef ma jistax ikollu impjieg ieħor għajr il-kariga ta' mħallef, ħlief fil-kapaċità ta' tagħlim jew riċerka. Imħallef għandu jinforma lill-President tal-Qorti bl-impjiegi tiegħu kollha apparti dak fil-kariga ta' mħallef. Kull impjieg ieħor minbarra l-kariga ta' mħallef jista' jfixkel it-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tal-imħallef jew l-imparzjalità tiegħu fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Imħallef ma jistax ikun Membru Parlamentari jew membru ta' kunsill ta' muniċipalità jew ta' belt, membru ta' partit politiku, fundatur, sieħeb fit-tmexxija jew membru tal-bord amministrattiv jew bord superviżorju ta' kumpanija, direttur ta' fergħa ta' kumpanija barranija, fiduċjarju fi proċeduri ta' falliment, membru ta’ kumitat ta' proċeduri ta' falliment, amministratur obbligatorju ta' propjetà immobbli jew arbitru magħżul minn wieħed mill-partijiet f'tilwima.

Imħallef jista' jitneħħa mill-kariga biss b'sentenza tal-qorti. Akkużi kriminali kontra mħallef ta' qorti tal-prima jew tat-tieni istanza jistgħu jitressqu matul it-terminu tal-ħatra tiegħu biss fuq proposta tal-Qorti Suprema en banc (l-imħallfin kollha) bil-kunsens tal-President tar-Repubblika. Akkużi kriminali kontra mħallef tal-Qorti Suprema jistgħu jitressqu matul it-terminu tal-ħatra tiegħu biss fuq proposta tal-Kanċillier tal-Ġustizzja bil-kunsens ta' maġġoranza tal-Parlament Estonjan.

Ir-rekwiżiti applikabbli għall-imħallfin, għas-servizz preparatorju u għall-obbligi tagħhom huma stabbiliti fl-Att dwar il-Qrati.

Rwol u dmirijiet

Il-professjoni ġudizzjarja hija rregolata mil-liġi. L-imħallfin Estonjani kollha li jservu flimkien (en banc) adottaw kodiċi ta’ etika. Għal aktar informazzjoni ara s-sit elettroniku tal-Qrati Estonjani u s-sit elettroniku tal-Qorti Suprema.

Ir-rwol ta’ mħallef huwa li jamministra l-ġustizzja skont il-Kostituzzjoni u l-atti legali, li fuq il-bażi tagħhom l-imħallef jiddeċiedi dwar soluzzjoni ġusta għall-partijiet għall-kawża. Imħallef jiżviluppa l-liġi bl-interpretazzjoni tal-atti legali u bir-riċerka.

Imħallef iwettaq id-dmirijiet uffiċjali tiegħu b’mod imparzjali mingħajr interess personali u josserva l-interessi tas-servizz anki barra l-attivitajiet professjonali tiegħu. Imħallef irid iġib ruħu b’mod impekkabbli kemm fl-attivitajiet professjonali tiegħu kif ukoll lil hinn minnhom u għandu joqgħod lura milli jwettaq atti li jistgħu jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-qorti. Imħallef ma jistax jiżvela informazzjoni li jsir jaf biha waqt sessjoni tal-qorti li tkun saret fil-privat jew waqt diskussjonijiet li saru biex jintlaħaq ftehim. L-obbligu tal-kunfidenzjalità japplika dejjem, anki meta l-imħallef ikun irtira. Imħallef irid jissorvelja lill-imħallfin kandidati, lill-assistenti mħallfin kandidati u lill-istudenti universitarji li jkunu qed jitħarrġu waqt li jkunu għaddejjin bis-servizz preparatorju tagħhom. L-ebda mħallef ma jintalab jissorvelja iktar minn żewġ imħallfin kandidati, assistenti, imħallfin kandidati jew studenti universitarji li jkunu qed jitħarrġu f’daqqa. Imħallef għandu jiżviluppa l-għarfien u l-ħiliet professjonali tiegħu b’mod regolari u għandu jipparteċipa fit-taħriġ.

Vantaġġi soċjali għall-imħallfin

Bil-liġi, l-imħallfin jirċievu vantaġġi soċjali varji, inkluż salarju uffiċjali, rimunerazzjoni addizzjonali, pensjoni ta' mħallef, leave, it-toga u vantaġġi soċjali oħra.

Is-salarju uffiċjali ta' mħallef huwa stabbilit fl-Att dwar is-salarji uffiċjali tal-uffiċjali tal-istat nominati mill-Parlament Estonjan u l-President tar-Repubblika. Minbarra s-salarju uffiċjali tagħhom, l-imħallfin jitħallsu salarju addizzjonali għas-snin ta' servizz li jammonta għal 5% tas-salarju uffiċjali mill-ħames sena 'l quddiem; 10% tas-salarju uffiċjali mill-għaxar sena; 15% tas-salarju uffiċjali mill-ħmistax-il sena;

Il-pensjoni ta' mħallef hija magħmula mill-pensjoni tal-irtirar tagħhom, pensjoni ta' superannwazzjoni, pensjoni tal-invalidità u pensjoni tas-superstiti għall-membri tal-familja ta' mħallef. Il-pensjoni ta' mħallef ma titħallasx matul l-impjieg bħala mħallef. Jekk imħallef irtirat jiġi impjegat xi mkien ieħor huwa jirċievi l-pensjoni ta' mħallef sħiħa irrispettivament mill-qligħ. Il-pensjoni ta' mħallef ma titħallasx lil xi ħadd li jkun tkeċċa mill-kariga għal ksur tar-regoli tad-dixxiplina jew li nstab ħati ta’ reat kriminali kommess intenzjonalment. Il-pensjoni ta' mħallef tiġi rtirata mingħand kull persuna ħatja ta' reat kontra l-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Il-pensjoni tal-irtirar ta' mħallef tista' titħallas lil kull min kien impjegat bħala mħallef għal mill-inqas ħmistax-il sena u li jkun laħaq l-età tal-pensjoni. L-imħallfin huma wkoll eliġibbli għal pensjoni tal-irtirar jekk dawn jitilfu 100%, 90% jew 80% tal-kapaċità għax-xogħol tagħhom wara ħmistax-il sena ta' impjieg bħala mħallef, anke jekk dawn ma jkunux laħqu l-età tal-pensjoni. L-imħallfin li jkunu laħqu l-età tal-pensjoni għandhom id-dritt li jirċievu pensjoni tal-irtirar wara għaxar snin ta’ ħidma bħala mħallef jekk dawn jitilfu 100%, 90% jew 80% tal-kapaċità tax-xogħol tagħhom. Il-pensjoni tal-irtirar ta' mħallef hija 75% tas-salarju finali tagħhom.

Pensjoni ta' superannwazzjoni li tammonta għal 75% tas-salarju finali ta' mħallef titħallas lil kull min kien impjegat bħala mħallef għal mill-inqas tletin sena.

Imħallef li jsir inkapaċitat għax-xogħol b'mod permanenti matul l-impjieg tiegħu bħala mħallef għandu d-dritt jirċievi l-pensjoni tal-invalidità ta' mħallef. Il-pensjoni tal-invalidità ta' mħallef hija 75% tas-salarju finali ta' mħallef fl-eventwalità ta’ telf ta' 100% tal-kapaċità għax-xogħol, 70% tas-salarju finali fl-eventwalità ta' 80% jew 90% telf tal-kapaċità għax-xogħol u 30% tas-salarju finali fl-eventwalità ta’ 40%-70% telf fil-kapaċità għax-xogħol.

Jekk imħallef imut, il-pensjoni tas-superstiti li tammonta għal 30% tas-salarju finali ta’ mħallef titħallas lil kull membru tal-familja intitolat li jirċievi pensjoni tas-superstiti, iżda b'kollox ma jitħallasx aktar minn 70% tas-salarju finali ta’ mħallef.

Imħallef huwa intitolat għal leave annwali li jammonta għal 49 jum kalendarju għal imħallef tal-qorti tal-prima jew tat-tieni istanza u 56 jum kalendarju għal imħallef tal-Qorti Suprema. Imħallef mhuwiex intitolat għal-leave addizzjonali stipulat fl-Att dwar is-Servizz Pubbliku.

Imħallfin lajċi

L-imħallfin lajċi jieħdu sehem fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi qrati tal-kontea biss f'każijiet kriminali rigward delitt tal-ewwel grad. Imħallef lajk għandu l-istess status, l-istess drittijiet u l-istess dmirijiet bħal imħallef fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Imħallef lajk jista’ jinħatar għal mhux iktar minn erba’ snin u jrid ikun ċittadin Estonjan b’kapaċità legali attiva, ikollu bejn 25 u 70 sena, ikun residenti fl-Estonja, ikun profiċjenti fl-Estonjan fuq livell avvanzat, u jkun persuna ta’ prinċipji morali xierqa sabiex iwettaq il-funzjonijiet ta’ mħallef lajk. Imħallef lajk ma jistax jinħatar għal aktar minn żewġ termini konsekuttivi.

Dawn li ġejjin ma jistgħux jinħatru bħala mħallef lajk: kull persuna ħatja ta' reat kriminali, kull min huwa fallut, min mhux adatt għal raġunijiet ta' saħħa, min kellu indirizz permanenti (jiġifieri indirizz imdaħħal fir-reġistru tal-popolazzjoni) għal inqas minn sena fi ħdan iż-żona ta' amministrazzjoni lokali li tkun ippreżentat lill-persuna bħala kandidat għal imħallef lajk, min jaħdem fil-qrati, fl-Uffiċċju tal-Prosekutur jew fis-Servizz tas-Sigurtà Interna, min huwa parti mill-forzi armati, min huwa avukat, nutar jew bailiff, membru tal-Gvern Estonjan jew tal-gvern muniċipali jew tal-belt, il-President tar-Repubblika, Membru Parlamentari jew gvernatur tal-kontea. Kull min ikun akkużat b'reat kriminali ma jistax jinħatar bħala mħallef lajk matul il-proċedimenti kriminali.

Essenzjalment, ir-rwol ta’ mħallef lajk huwa li jirrappreżenta, fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, il-perspettiva ta’ persuna ordinarja li tikkunsidra l-proċedimenti ġudizzjarji iktar minn perspettiva umana milli minn waħda ġuridika. Il-kunsilli tal-gvernijiet lokali għandhom ir-responsabbiltà biex jeleġġu l-imħallfin lajċi kandidati.

Imħallfin assistenti u skrivana tal-qorti

Assistent imħallef huwa uffiċjal tal-qorti li jwettaq id-dmirijiet stabbiliti bil-liġi. Assistent imħallef huwa indipendenti, imma jrid jikkonforma ruħu mal-istruzzjonijiet ta’ mħallef sa fejn dan ikun preskritt mil-liġi. Assistent imħallef huwa kompetenti li jagħmel annotazzjonijiet fir-reġistri (eż. fir-reġistru tal-artijiet, ir-reġistru kummerċjali) u li joħroġ regolamenti dwar iż-żamma tar-reġistri, inklużi li jimponi penali. Assistenti mħallfin jistgħu jimplimentaw proċedura aċċellerata għal ordnijiet ta' ħlas. Ir-restrizzjonijiet fuq iż-żamma ta' uffiċċju ta' mħallef japplikaw ukoll għall-assistenti mħallfin.

Kulħadd jista’ jinħatar bħala assistent imħallef sakemm ikun kiseb grad ta' Master fil-liġi rikonoxxut nazzjonalment, kwalifika ekwivalenti fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 28(2) tal-Att dwar l-Edukazzjoni tar-Repubblika tal-Estonja jew kwalifika barranija ekwivalenti, irid ikun profiċjenti bl-Estonjan f'livell avvanzat, ikun ta' karattru morali għoli u jkun temm is-servizz preparatorju biex isir assistent imħallef. Persuna li ma tkunx wettqet is-servizz preparatorju biex issir assistent imħallef, iżda li wettqet is-servizz preparatorju għal imħallef, jew ġiet eżentata minnu u għaddiet mill-eżami għal imħallef tista tiġi maħtura bħala assistent imħallef.

Dawn li ġejjin ma jistgħux jinħatru bħala assistent imħallef: kull min jinsab ħati ta' reat kriminali; kull min tneħħa mill-uffiċċju ta' mħallef, nutar, traduttur ġuramentat jew bailiff; kull min ikun tkeċċa mill-Kamra tal-Avukati Estonjana; kull min ikun ġie rilaxxat minn servizz pubbliku minħabba ksur tar-regoli tad-dixxiplina; kull min huwa fallut; kull persuna li l-attivitajiet professjonali tagħha bħala awditur ikunu intemmu, ħlief meta dan ikun seħħ fuq talba tal-awditur; kull persuna li għaliha d-dritt li taħdem bħala aġent tal-privattivi ġie rtirat, ħlief  fuq talba mill-aġent tal-privattivi, kull min ikun tneħħa mill-kariga ta' mħallef għaliex ma jkunx adattat għal kariga - għal tliet snin wara l-ħatra.

L-assistenti mħallfin huma maħtura permezz ta’ kompetizzjoni miftuħa.

Ir-rekwiżiti għall-assistenti mħallfin huma stabbiliti fl-Att dwar il-Qrati

Skrivan tal-qorti huwa uffiċċjal tal-qorti li jipparteċipa, jew b'mod indipendenti jew bis-superviżjoni ta' mħallef, fit-tħejjija u l-ġestjoni ta' kawżi sa fejn huwa stipulat fl-Att li jirregola l-proċedura tal-qorti. Skrivan tal-qorti għandu s-setgħa jwettaq l-istess atti u jieħu l-istess deċiżjonijiet bħal assistent imħallef jew uffiċċjal tal-qorti ieħor skont l-Att li jirregola l-proċedura tal-qorti. Skrivan tal-qorti huwa imparzjali fil-qadi ta' dmirijietu, imma jrid jikkonforma ruħu mal-istruzzjonijiet ta’ mħallef sa fejn dan ikun preskritt mil-liġi.

Ir-rekwiżiti imposti fuq l-iskrivana tal-qorti huma l-istess bħal dawk imposti fuq l-assistenti mħallfin. Sabiex jimtela post battal ta' skrivan tal-qorti ssir kompetizzjoni pubblika.

Dawn li ġejjin ma jistgħux jinħatru bħala skrivana tal-qorti: kull min ikun instab ħati ta' reat kriminali imwettaq volontarjament; kull min instab ħati ta' reat imwettaq volontarjament kontra l-Istat, irrispettivament jekk id-dettalji tal-ħtija ġewx ikkanċellati; kull min ġieh irtirat id-dritt li jaħdem bħala skrivan tal-qorti minħabba sentenza tal-qorti eżekuttiva; kull min jiġi minn jew huwa sieħeb ta' persuna li tissuperviżjona direttament skrivan tal-qorti.

Minbarra l-iskrivana tal-qorti PDF (371 Kb) en u l-imħallfin assistenti PDF (373 Kb) en, uffiċjali oħra tal-qorti jinkludu diretturi tal-qrati PDF (367 Kb) en u skrivana waqt seduti tal-qorti PDF (364 Kb) en.

Avukati

L-avukati jinkludu l-avukati li jipprattikaw il-qorti u l-assistenti tagħhom.

L-avukati huma membri tal-Kamra tal-Avukati Estonjana u huma rregolati mill-Att dwar il-Kamra tal-Avukati. Kull min jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Att dwar il-Kamra tal-Avukati u jkun għadda mill-eżami ta’ avukat jista’ jkun membru tal-Kamra tal-Avukati Estonjana.

Il-Kamra tal-Avukati Estonjana hija assoċjazzjoni professjonali awtoregolatorja li ġiet stabbilita sabiex tipprovdi servizzi legali kemm fl-interess privat kif ukoll fl-interess pubbliku u sabiex tipproteġi d-drittijiet professjonali tal-avukati. Il-Kamra tal-Avukati Estonjana timmonitorja l-attivitajiet professjonali tal-membri tagħha u l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tal-etika professjonali. Il-Kamra tal-Avukati Estonjana torganizza wkoll it-taħriġ professjonali intern tal-avukati u tipprovdi l-għajnuna legali mill-istat. Permezz tal-membri tagħha, il-Kamra tal-Avukati Estonjana tiżgura li tiġi pprovduta l-għajnuna legali mill-istat.

Il-Kamra tal-Avukati Estonjana taġixxi permezz tal-korpi tagħha. Dawn jinkludu l-assemblea ġenerali, il-bord, il-president, il-kumitat ta’ verifika, il-qorti tal-etika professjonali u l-kumitat ta’ valutazzjoni tal-adegwatezza professjonali.

L-avukati li jipprattikaw fil-qrati għandhom l-awtorità biex:

  • jirrappreżentaw u jiddefendu lill-klijenti fil-qorti u fi proċedimenti ta’ qabel il-proċess u fi proċedimenti oħrajn kemm fl-Estonja kif ukoll barra mill-pajjiż;
  • jiġbru l-provi;
  • jagħżlu bil-libertà kollha u jużaw mezzi u miżuri legali meta jipprovdu servizzi legali;
  • jiksbu mingħand awtoritajiet nazzjonali u lokali l-informazzjoni meħtieġa sabiex jipprovdu servizzi legali, ikollhom aċċess għal dokumenti u jiksbu kopji u siltiet minnhom, sakemm l-avukati ma jiġux ipprojbiti bil-liġi milli jiksbu din l-informazzjoni u din id-dokumentazzjoni;
  • jipproċessaw id-dejta personali ta’ persuni oħrajn minbarra l-klijenti tagħhom li tkun inkisbet skont kuntratt jew att legali, inkluża dejta personali sensittiva, mingħajr il-qbil ta’ dawk il-persuni jekk dan ikun meħtieġ sabiex jipprovdu s-servizzi legali;
  • jivverifikaw firem u kopji ta’ dokumenti mressqa quddiem il-qorti u quddiem korpi uffiċjali oħrajn bħala parti mis-servizzi legali pprovduti lil klijent;
  • jagħmluha ta’ arbitri jew ta’ konċiljaturi fil-proċedura stabbilita fl-Att dwar il-Konċiljazzjoni;
  • jagħmluha ta’ fiduċjari fi proċeduri ta’ falliment, jekk ikunu membri tal-Kamra.

L-assistenti tal-avukati li jipprattikaw fil-qrati għandhom l-istess awtorità bħalhom fil-limiti pprovduti mil-liġi.

L-assistenti avukati li jipprattikaw fil-qrati mhumiex awtorizzati li jkunu arbitri jew konċiljaturi fil-proċedura stabbilita fl-Att dwar il-Konċiljazzjoni. Huma ma għandhomx l-awtorità biex jirrappreżentaw jew jiddefendu lil klijenti fil-Qorti Suprema sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor bil-liġi. L-assistenti avukati li jipprattikaw il-qorti m'għandhomx l-awtorità jaġixxu bħala fiduċjarji fi proċedimenti ta' falliment.

Assistent avukat li jipprattika fil-qrati jista’ jipprovdi servizzi legali biss taħt is-superviżjoni tas-superjur tiegħu, li jkun avukat li jipprattika fil-qrati.

Meta avukat jipprovdi servizzi legali, huwa jaġixxi b’mod indipendenti u skont il-liġi, l-atti u d-deċiżjonijiet legali adottati mill-korpi tal-Kamra tal-Avukati Estonjana, ir-rekwżiti tal-etika professjonali tal-avukati , il-prattika tajba u l-kuxjenza tiegħu.

L-informazzjoni żvelata lil avukat hija kunfidenzjali. Avukat jew impjegat tal-Kamra tal-Avukati Estonjana jew ta’ uffiċċju tal-avukati li qed jinstema’ bħala xhud ma jistax jiġi interrogat jew mitlub jipprovdi spjegazzjonijiet dwar kwistjonijiet li huwa jkun sar jaf bihom waqt li kienu qed jiġu pprovduti servizzi legali.

Il-mezzi tad-dejta relatati mal-provvista ta’ servizzi legali minn avukat huma invjolabbli.

It-twettiq minn avukat tad-dmirijiet professjonali tiegħu ma jistgħux iwasslu biex huwa jiġi identifikat ma’ klijent jew mal-kawża tal-klijent il-qorti.

Avukat ma jistax jinżamm taħt arrest, jiġi suġġett għal perkwiżizzjoni jew jinżamm taħt arrest preventiv għal raġunijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet professjonali tiegħu, ħlief fuq il-bażi ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ kontea jew ta’ belt. Ma jistgħux isiru perkwiżizzjonijiet f’uffiċċju legali minn fejn avukat jipprovdi servizzi legali minħabba raġunijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet professjonali tal-avukat.

Fuq is-sit elettroniku tal-Kamra tal-Avukati Estonjana ssib lista ta' avukati u ta' ditti tal-avukati u informazzjoni oħra utli. Madankollu, permezz tal-funzjoni "Sib avukat" tista' ssib avukat mill-Unjoni Ewropea kollha.

Bażijiet tad-dejta legali

Ma hemmx bażijiet tad-dejta apparti minn dawk imniżżla hawn fuq.

Konsulenti legali

Fl-Estonja, l-attivitajiet professjonali tal-konsulenti legali mhumiex irregolati bil-liġi.

Nutara

Organizzazzjoni

In-nutara kollha fl-Estonja għandhom kompetenza ndaqs. Il-professjoni tan-nutara hija rregolata mill-Att dwar in-Nutara. Kemm il-Ministeru tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kamra tan-Nutara huma responsabbli għar-regolamentazzjoni u l-ġestjoni tal-attivitajiet professjonali tan-nutara. Il-Kamra tan-Nutara hija entità ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku u n-nutara kollha maħtura f’din il-kariga huma membri tagħha. Il-kompiti li għalihom hija responsabbli jinkludu l-monitoraġġ ta’ jekk in-nutara humiex qed iwettqu l-attivitajiet professjonali tagħhom b’mod kuxjenzjuż u korrett, l-armonizzazzjoni tal-attivitajiet professjonali tan-nutara, l-arranġamenti għat-taħriġ tan-nutara, l-organizzazzjoni tas-servizz tal-kandidati, l-amministrazzjoni u l-iżvilupp tas-sistema ta’ informazzjoni elettronika fir-rigward tan-nutara, u l-għoti ta’ assistenza lill-Ministru tal-Ġustizzja rigward attivitajiet ta’ superviżjoni, eċċ. Is-sit elettroniku tal-Kamra tan-Nutara tipprovdi informazzjoni dwar in-nutara u d-dmirijiet notarili.

Rwol u dmirijiet

Nutar għandu kariga fil-liġi pubblika. Huwa jingħata s-setgħa mill-Istat biex, fuq it-talba ta’ xi ħadd, jiddikjara l-veraċità ta' fatti u avvenimenti li għandhom tifsira ġuridika u biex iwettaq atti notarili oħrajn biex jiżgura ċ-ċertezza legali.

In-nutara jridu jkunu imparzjali, affidabbli u indipendenti fl-attivitajiet tagħhom. Huma obbligati jaċċertaw l-intenzjonijiet effettivi tal-partijiet għal tranżazzjoni u ċ-ċirkustanzi mitluba sabiex titwettaq tranżazzjoni korretta kif ukoll li jispjegaw lill-partijiet il-modi differenti kif tista’ titwettaq it-tranżazzjoni u l-konsegwenzi tat-tranżazzjoni.

In-nutara jwettqu l-atti notarili li ġejjin, fejn jintalbu jagħmlu dan:

  • jipprovdu ċertifikazzjoni notarili (diversi kuntratti, atti ta’ delega, testmenti) u awtentikazzjoni notarili (kopji, firem, kopji stampati, eċċ.);
  • isolvu kwistjonijiet ta’ suċċessjoni;
  • joħorġu ċertifikati dwar il-preparazzjoni tad-dokumenti notarili li għandhom jiġu eżegwiti fl-Estonja u li jikkorrispondu għall-formoli standard stabbiliti fl-Anness VI tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 12, 16.01.2001, pp. 1-23)).
  • jiddikjaraw dokumenti ta’ awtorizzazzjoni invalidi skont l-Att dwar in-Notarizzazzjoni;
  • jiddikjaraw li l-ftehimiet konklużi permezz ta’ avukat li jkun qed jaqdi l-funzjoni ta’ konċiljatur jew permezz ta’ nutar ieħor ikunu eżegwibbli;
  • joħorġu ċertifkati (apostilles);
  • fuq it-talba ta’ persuni ġuridiċi, iressqu r-rapporti finanzjarji annwali tagħhom quddiem il-qorti li żżomm ir-reġistru;
  • jikkonfermaw żwiġijiet u divorzji u jħejju għall-entrati taż-żwiġijiet u d-divorzji;
  • jaċċettaw depożiti ta’ flus, titoli u dokumenti;
  • jipprovdu aċċess għad-dejta mniżżla fir-reġistru tad-dipartiment tal-artijiet jew fid-dipartiment ta' reġistrazzjoni jew f'dokuent miżmum fir-reġistru;
  • jissottomettu avviżi u applikazzjonijiet fuq talba ta' kumpanija, jirċievu dokumenti jew informazzjoni oħra minn awtoritajiet ekonomiċi amministrattivi u jwasslu att amministrattiv lil kumpanija;
  • idaħħlu informazzjoni fir-reġistru fuq talba ta' kumpanija;

Il-klijent irid iħallas lin-nutar id-dritt stabbilit bil-liġi għal dawn it-tranżazzjonijiet.

In-nutara jistgħu joffru s-servizzi uffiċjali li ġejjin:

  • jagħtu pariri legali lil hinn mill-proċedura ta’ attestazzjoni;
  • jagħtu pariri rigward il-liġi dwar it-tassazzjoni u l-liġi ta’ pajjiż barrani, irrispettivament minn jekk dan ikunx parti jew le minn proċedura ta’ attestazzjoni;
  • joffru l-konċiljazzjoni skont l-Att dwar il-Konċiljazzjoni;
  • jaġixxu bħala arbitru skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili;
  • imexxu subbasti, votazzjonijiet, lotteriji u t-tlugħ bix-xorti, u jivverifikaw ir-riżultati;
  • jippresjedu fuq l-għoti tal-ġuramenti u jawtentikaw iċ-ċertifikati ġuramentati;
  • iressqu petizzjoniiet u avviżi mhux marbuta ma' kompiti uffiċjali u joħorġu ċertifikati dwar it-twassil jew l-impossibiltà ta' twassil ta' dawn il-petizzjonijiet u/jew avviżi;
  • jaċċettaw depożiti ta’ flus – bl-eċċezzjoni ta’ flus kontanti – titoli, dokumenti u oġġetti oħrajn jekk dan ma jkunx att notarili jew dmir uffiċjali li jirriżulta minnu;
  • jiċċertifikaw il-korrettezza tat-traduzzjoni ta' dokumenti minn lingwa barranija għall-Estonjan sal-2020 (mill-2015, it-tradutturi ġuramentati biss huma awtorizzati joħorġu traduzzjonijiet uffiċjali mill-Estonjan għal lingwa barranija, u mill-2020, it-tradutturi ġuramentati biss se jkunu awtorizzati joħorġu traduzzjonijiet uffiċjali minn lingwa barranija għall-Estonjan);
  • iwieġbu għal talba għal spjegazzjoni sottomessa minn kumpanija

Tista’ ssib informazzjoni dwar is-servizzi uffiċjali offruti min-nutara fis-sit elettroniku tal-Kamra tan-Nutara. Id-drittijiet għas-servizzi tan-nutara jiġu miftiehma bejn il-klijent u n-nutar qabel ma jiġi pprovdut is-servizz.

Professjonijiet legali oħrajn

Bailiffs

Fl-Estonja, din hija professjoni legali libera: il-bailiffs jaġixxu f'isimhom u huma responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom. Bailiff irid ikun imparzjali u responsabbli fid-dmirijiet tiegħu. L-attivitajiet uffiċjali ta' bailiff huma regolati taħt l-Att dwar il-Bailiffs.

Sa minn Jannar 2010 bdiet topera organizzazzjoni professjonali konġunta għall-bailiffs u għall-fiduċjarji fi proċeduri ta’ falliment, il-Kamra tal-Bailiffs u tal-Fiduċjarji fi Proċeduri ta’ Falliment (minn issa 'l quddiem il-Kamra). L-attivitajiet uffiċjali tal-bailiffs, is-superviżjoni, ir-responsabbiltà dixxiplinari u l-attivitajiet tal-assoċjazzjoni professjonali tagħhom huma rregolati mill-Att dwar il-Bailiffs. Ir-rwol tal-Kamra huwa li tiżviluppa u tippromwovi l-professjonijiet legali liberi, inklużi l-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-konformità ma’ prattika uffiċjali u professjonali tajba, u li tfassal rakkomandazzjonijiet għall-armonizzazzjoni tal-attivitajiet professjonali, torganizza taħriġ, tiżviluppa sistemi ta’ informazzjoni, eċċ. Il-Kamra għandha wkoll qorti tal-etika professjonali. Għal aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Kamra ara s-sit elettroniku.

Id-dmirijiet professjonali ta’ bailiff huma li:

1. iwettaq proċeduri eżekuttivi skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Eżekuttiva;
2. jinnotifika dokumenti skont il-kodiċijiet proċedurali;
3. jagħmel inventarji tal-proprjetajiet u jamministra l-proprjetajiet skont l-Att dwar il-Liġi tas-Suċċessjoni;
4. imexxi, fil-każijiet u skont il-proċedura prevista mil-liġi, subbasta fuq talba ta' qorti jew korp amministrattiv għajr proċedimenti ta' eżekuzzjoni.

Id-dritt tal-bailiff biex iwettaq dawn id-dmirijiet uffiċjali huwa stabbilit fl-Att dwar il-Bailiffs.

Is-servizzi uffiċjali ta’ bailiff huma li:

Fuq talba ta' xi ħadd, il-bailiff jista' jwettaq is-servizzi professjonali li ġejjin:
1) imexxi subbasti għal propjetà mobbli u immobbli
2) iwassal id-dokumenti;
3) jagħti pariri legali u jfassal dokumenti legali jekk ikollu livell ta' edukazzjoni li jikkorispondi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47(1)(1) tal-Att dwar il-Qrati.

Il-bailiffs għandhom dritt jirrifjutaw li jagħtu servizz professjonali.

Il-qbil dwar it-termini għall-għoti ta' servizzi professjonali u l-proċedura għal ħlas għandu jsir bil-miktub mal-persuna li qed titlob is-servizz. It-termini u l-ħlas maqbula għandhom ikunu konformi ma' prattika professjonali tajba.

Fl-għoti ta' servizzi professjonali, il-bailiffs ma jistgħux jeżerċitaw dawk id-drittijiet li ngħataw lilhom mil-liġi biex iwettqu l-obbligi professjonali tagħhom jew li ġejjin mill-kariga tagħhom.

Informazzjoni dwar is-servizzi provduti mill-bailiffs tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Kamra. Il-provvediment ta’ servizzi uffiċjali jiġi maqbul bil-miktub mal-persuna li tkun qed titlob is-servizz qabel ma jkun ipprovdut is-servizz.

Is-superviżjoni mill-Istat tad-dmirijiet uffiċjali tal-bailiffs titwettaq mill-Ministru għall-Ġustizzja.

Il-bailiffs huma responsabbli għall-ħsara kkważata intenzjonalment matul l-attivitajiet professjonali tagħhom, anke jekk il-ħsara tkun ġiet ikkawżata minn impjegat fl-uffiċċju tiegħu. Jekk it-talbiet għal kumpens minħabba ħsara kkważata minn att professjonali ta' bailiff ma jistgħux jiġu ssodisfati mill-assi ta' bailiff jew minn persuna oħra responsabbli għall-ħsara jew jekk it-talbiet ma jistgħux jiġu ssodisfati bi sħiħ, il-Kamra hija responsabbli għall-ħsara kkważata. L-Istat għandu r-responsabbiltà aħħarija għall-azzjonijiet tal-bailiffs. Kemm il-Kamra kif ukoll l-Istat għandhom id-dritt ta' rikors kontra l-persuna responsabbli għall-ħsara; l-Istat ukoll għandu dritt ta' rikors kontra l-Kamra.

Fiduċjarji fi proċeduri ta’ falliment

Fiduċjarju fi proċeduri ta’ falliment huwa persuna maħtura mill-qorti li, fuq il-bażi tar-rwol tagħha, twettaq tranżazzjonijiet u atti oħrajn relatati ma’ proprjetà suġġetta għal proċeduri ta’ falliment u tirrappreżenta lid-debitur fil-qorti f’tilwim relatat ma’ proprjetà suġġetta għal proċeduri ta’ falliment. L-obbligu prinċipali ta’ fiduċjarju fi proċeduri ta’ falliment huwa li jiddefendi d-drittijiet u l-interessi tal-kredituri kollha u tad-debitur u li jiżgura ruħu minn proċeduri ta’ falliment li jkunu legali, fil-pront u finanzjarjament raġonevoli. Fiduċjarju fi proċeduri ta’ falliment iwettaq id-dmirijiet tiegħu personalment. Dawn li ġejjin jistgħu jaġixxu bħala fiduċjarji: persuni fiżiċi li ngħataw l-awtorizzazzjoni biex jaġixxu ta' fiduċjarji f'falliment mill-Kamra, mill-avukati li jipprattikaw il-qorti, awdituri statutorji u bailiffs. Il-Kamra żżomm lista ta' fiduċjarji fi proċeduri ta' falliment. Il-lista tinkludi dejta dwar dawk kollha li huma intitolati li jkunu fiduċjarji fi proċeduri ta’ falliment u hija aċċessibbli għall-pubbliku mis-sit elettroniku tal-Kamra. Fiduċjarju mniżżel fil-lista jrid jiżgura ruħu li d-dejta tkun preċiża.

Id-dmirijiet prinċipali ta’ fiduċjarju fi proċeduri ta’ falliment huma li:

1) jiddetermina t-talbiet tal-kredituri, jamministra l-proprjetà suġġetta għal proċeduri ta’ falliment u jorganizza l-formazzjoni u l-bejgħ tal-proprjetà minbarra li jissodisfa t-talbiet tal-kredituri mill-proprjetà.
2) jiddetermina r-raġunijiet għall-insolvenza tad-debitur u d-data li fiha sseħħ;
3) jagħmel arranġamenti, fejn dan ikun meħtieġ, sabiex l-attivitajiet kummerċjali tad-debitur jibqgħu għaddejjin;
4) iwettaq, fejn dan ikun meħtieġ, il-likwidazzjoni tad-debitur, jekk id-debitur ikun persuna ġuridika;
5) jipprovdi informazzjoni lill-kredituri u lid-debitur fil-każijiet stabbiliti mil-liġi;
6) jirrapporta dwar l-attivitajiet tagħhom u jipprovdi informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ falliment lill-qorti, lill-uffiċjal superviżorju u lill-kumitat tal-falliment.

Is-superviżjoni mill-Istat tal-attivitajiet tal-fiduċjarji fi proċeduri ta’ falliment titwettaq mill-Ministeru tal-Ġustizzja, fuq il-bażi ta’ lmenti jew ta’ dejta oħra mibgħuta lilu dwar il-fiduċjarju u li tagħti x’tifhem lill-awtoritajiet li l-fiduċjarju naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu. Il-Ministeru tal-Ġustizzja għandu d-dritt, meta jimmonitorja l-attivitajiet ta’ fiduċjarju, li jivverifika kemm ikunu xierqa u legali l-attivitajiet professjonali tal-fiduċjarju. Il-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jieħu azzjoni dixxiplinari fil-konfront ta’ fiduċjarju li jonqos milli jikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw mill-atti legali li jistabbilixxu l-attivitajiet professjonali tal-fiduċjarji fi proċeduri ta’ falliment. Il-Ministru għall-Ġustizzja ma jistax jieħu azzjoni dixxiplinari fil-konfront tal-avukati li jipprattikaw fil-qrati li jaġixxu bħala fiduċjarji fi proċeduri ta' falliment. Madankollu, il-Ministru għandu d-dritt li jagħti bidu għal proċeduri tal-etika professjonali fil-Kamra tal-Avukati.

Minbarra s-superviżjoni amministrattiva, l-attivitajiet tal-fiduċjarji fi proċeduri ta’ falliment jiġu mmonitorjati wkoll mill-kumitat tal-falliment, mil-laqgħa ġenerali tal-kredituri, mill-qorti u mill-Kamra fil-qasam tal-kompetenza tagħhom.

Ħoloq relatati

Ministeru tal-Ġustizzja

Organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligh tal-Kamra tal-Avukati

Fondazzjoni tal-Uffiċċju għas-Servizzi Legali

Kamra tal-Avukati Estonjana

L-Uffiċċju tal-Prosekutur

Kamra tan-Nutara

Kamra tal-Bailiffs u tal-Fiduċjarji fi Proċeduri ta' Falliment

L-aħħar aġġornament: 03/08/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna