Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Tipi ta’ professjonijiet legali

L-Ingilterra u Wales

Din il-paġna tagħti ħarsa ġenerali ta' wħud mill-professjonijiet legali ewlenin fl-Ingliterra u Wales taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Renju Unit. Tinkludi informazzjoni dwar imħallfin, prosekuturi u tipi differenti ta' avukati.

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Ingilterra u Wales

Il-Ġudikatura

Fis-sistema ġudizzjarja tal-Ingilterra u Wales, jippresjedu fid-diversi qrati u tribunali fl-Ingilterra u Wales imħallfin bi status ġudizzjarju differenti kemm f'karigi full-time u part-time . Tista' ssib aktar informazzjoni dwar il-ġudikatura fl-Ingilterra u Wales fis-sit web tal-Ġudikatura tal-Ingilterra u Wales.

 

 

 

 

L-imħallfin full-time

  • Lord Chief Justice – il-Lord Chief Justice huwa l-Kap tal-Ġudikatura tal-Ingilterra u ta’ Wales u l-President tal-Qrati tal-Ingilterra u Wales. Ir-rwol ta’ President tal-Qrati beda fit-3 ta’ April 2006 meta l-funzjonijiet ġudizzjarji tal-Lord Chancellor ġew trasferiti lil-Lord Chief Justice skont l-Att dwar ir-Riforma Kostituzzjonali tal-2005. Il-Lord Chief Justice huwa wkoll il-Kap ta’ Ġustizzja Kriminali.
  • Il-kapijiet tad-diviżjoni – erba’ mħallfin anzjani jmexxu l-ġuriżdizzjonijiet l-oħra: il-Master of the Roles (Ċivili); il-President tal-Queen's Bench Division; il-President tat-Taqsima tal-Familja, u l-Kanċillier tal-High Court (Chancery). Għal aktar informazzjoni ara s-sit web tal-Ġudikatura tal-Ingilterra u Wales.
  • Il-Lords Justices of Appeal jippresjedu fil-Qorti tal-Appell, li tisma' kemm kawżi ċivili kif ukoll kriminali.
  • L-Imħallfin tal-High Court jippresjedu fil-High Court, fejn jinstemgħu l-aktar kawżi ċivili kumplessi. Dawn l-imħallfin jisimgħu wkoll l-aktar kawżi kriminali serji u sensittivi fil-Crown Court (pereżempju dwar qtil).
  • Is-Circuit Judges normalment jisimgħu kawżi kriminali, ċivili u tal-familja.
  • Id-District Judges jisimgħu kawżi ċivili. Il-biċċa l-kbir tax-xogħol tagħhom isir bil-bibien magħluqa (mhux fi proċessi miftuħa għall-pubbliku). Għandhom ukoll is-setgħa li jisimgħu kull kawża f'qorti tal-kontea, b'limitu li jisimgħu kawża taħt ammont speċifiku (li jiġi rivedut minn żmien għal żmien): il-kawżi li jaqbżu l-limitu normalment jinstemgħu minn imħallef tas-circuit. L-imħallfin distrettwali jisimgħu aktar minn 80 fil-mija tal-kawżi ċivili kontenzjużi fl-Ingilterra u Wales.
  • Id-District Judges (il-qrati tal-maġistrati) jippresjedu fil-qrati tal-maġistrati u jisimgħu it-tip ta' kawżi li ssoltu jisimgħu il-maġistrati (ara aktar 'l isfel). Madankollu, huma jassistu partikolarment f'kawżi li jikkonċernaw kwistjonijiet aktar kumplessi u fit-tul.
  • Il-High Court Masters u Registrars huma mħallfin tal-proċedura li jisimgħu il-maġġoranza tal-kawżi ċivili tac-Chancery u l-Queen’s Bench tal-High Court.

L-imħallfin part-time

L-imħallfin part-time normalment jinħatru għal perjodu ta' mhux inqas minn ħames snin, soġġetti għal-livell limitu tal-età rilevanti. It-tipi ewlenin ta' mħallfin part-time huma:

  • Id-Deputy High Court Judges, li jippresjedu f'waħda jew aktar taqsimiet tal-High Court.
  • Ir-Recorders li għandhom ġuriżdizzjoni simili għal dik tas-circuit judges, għalkemm ġeneralment huma jisimgħu l-kawżi inqas serji u kumplessi li jitressqu quddiemhom.
  • Id-Deputy District Judges li jippresjedu fil-qrati tal-kontea u fir-reġistri distrettwali tal-High Court. Huma jisimgħu l-inqas kawżi kumplessi li jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni tal-imħallfin distrettwali.
  • Ix-xogħol tad-Deputy District Judges (Qrati tal-Maġistrati) huwa simili għal dak tal-kontropartijiet full-time tagħhom.
  • Id-Deputy High Court Masters and Registrars għandhom xogħol simili għal dak tal-kollegi full-time tagħhom fil-High Court.

Il-ġudikanti tat-Tribunali

It-tribunali jisimgħu kważi 800 000 kawża fis-sena dwar varjetà kbira ta' kwistjonijiet, bħal pereżempju t-taxxa, il-pensjonijiet jew l-immigrazzjoni.

It-tribunali normalment huma f’forma ta’ bord, li jinkludi chairperson tat-tribunal ikkwalifikat fil-liġi jew imħallef, megħjun minn membri lajċi tal-bord b'oqsma speċifika ta' esperjenza. Ma hemmx ġurija u l-ġudikant tat-tribunal ma għandux is-setgħa jibgħat lill-parti t-telliefa l-ħabs. Ir-rwol prinċipali tagħhom huwa li jippruvaw jiksbu b'suċċess soluzzjoni għad-diffikultajiet u, f'ċerti każijiet, jieħdu deċiżjoni fuq l-ammont ta' kumpens jew rimedju li għandu jingħata lill-parti rebbieħa.

Il-Maġistrati

Il-maġistrati, magħrufa wkoll bħala "kummissarji tal-ġustizzja" jew "JPs", jisimgħu 95 fil-mija tal-kawżi kriminali fl-Ingilterra u Wales. Aktar minn 30 000 maġistrat jaqdu dmirijiethom f'żoni lokali u normalment jippresedu mill-inqas 26 nofstanhari fis-sena. Ma hemmx għalfejn ikunu kwalifikati fil-liġi u ma jitħallsux.

Normalment jippresedu bħala ħaġa waħda fuq "bord" ta' tlieta, fejn wieħed minnhom huwa mħarreġ biex jaġixxi bħala chairperson, billi jgħin jiggwida l-bord fix-xogħol tiegħu u billi jitkellem f'ismu. "Bord" dejjem jiġi assistit minn skrivan bi kwalifiki fil-liġi sabiex jagħti pariri dwar il-liġi u l-proċedura.

Il-maġistrati jisimgħu l-kawżi kriminali relattivament inqas serji. Dawn jinkludu s-serq sempliċi, dannu kriminali, id-diżordni pubbliku u r-reati bil-karozzi. Jisimgħu wkoll firxa ta' kwistjonijiet li jaffettwaw lill-familji u t-tfal u l-applikazzjonijiet għal-liċenzji.

Il-Prosekuturi

Organizzazzjoni

Il-Crown Prosecution Service (CPS) huwa awtorità indipendenti responsabbli mill-prosekuzzjoni tal-kawżi kriminali li ġew investigati mill-pulizija fl-Ingilterra u Wales. L-awtorità hija mmexxija wkoll mill-Avukat Ġenerali, li huwa responsabbli lejn il-Parlament għas-CPS. L-Ingilterra u Wales huma maqsuma fi 42 qasam ta' prosekuzzjoni, kull waħda minnhom immexxija minn kap prosekutur tal-kuruna. Barra minn hekk, hemm erba’ taqsimiet nazzjonali speċjalizzati: għall-kriminalità organizzata, għar-reati speċjali, għal kontra t-terroriżmu u s-servizz tal-prosekuzzjoni kontra l-frodi. Servizz tat-telefown imsejjaħ CPS Direct jipprovdi pariri u deċiżjonijiet barra l-ħinijiet tax-xogħol lill-uffiċjali tal-pulizija fl-Ingilterra u Wales.

Is-CPS huwa mmexxi mid-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi (DPP) li jieħu deċiżjonijiet dwar l-aktar kawżi kumplessi u sensittivi u jagħti pariri lill-pulizija dwar kwistjonijiet kriminali. Id-DPP għandu r-responsabbiltà ġenerali għall-akkużi u l-prosekuzzjonijiet imressqa mis-CPS u jirraporta lill-Avukat Ġenerali.

Is-CPS iħaddem prosekuturi u prosekuturi assoċjati, kif ukoll ħaddiema soċjali u amministraturi. Il-prosekuturi tal-Kuruna huma barristers jew avukati tal-esperjenza, responsabbli mill-prosekuzzjoni tal-kawżi kriminali f'isem il-Kuruna. Il-prosekuturi assoċjati jirrevedu u jippreżentaw firxa qasira ta' kawżi fil-qorti tal-maġistrati.

Rwol u dmirijiet

Il-persunal tas-CPS:

  • Jagħti pariri lill-pulizija u jirrevedi l-provi tal-każijiet għall-possibiltà ta' prosekuzzjoni
  • Jiddeċiedi dwar l-akkuża (fil-każijiet kollha ħlief dawk minuri) fejn jiġi deċiż li ssir il-prosekuzzjoni
  • Jipprepara l-kawżi u jressaqhom quddiem il-qorti.

Il-prosekuturi tal-Kuruna huma kklassifikati bħala uffiċjali pubbliċi u jiġu ingaġġati permezz ta' kompetizzjonijiet miftuħa. Biex ikun eliġibbli għall-post tax-xogħol, l-applikant irid ikun:

  • Solicitor (avukat li ma jitlax il-qorti) ammess fl-Ingilterra u Wales b'ċertifikat li juri li qed jipprattika l-professjoni
  • Barrister bil-warrant Ingliż li lesta perjodu ta' apprentistat
  • Ċittadin taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Commonwealth. L-avukati li jkunu kisbu l-kwalifiki tagħhom barra l-Ingilterra u Wales iridu joqogħdu għal u jgħaddu minn test ta' trasferiment tal-avukati qabel ma jibdew jaħdmu.

L-organizzazzjoni tal-professjoni legali: L-Avukati

Barristers (Avukati)

Il-Kamra tal-Avukati huwa l-korp li jirregola l-barristers kollha fl-Ingilterra u Wales. Ġiet stabbilita sabiex tirrapreżenta l-aħjar interessi tal-professjoni, biex tfassal u timplimenta inizjattivi ta’ politiki ewlenin u biex iżżomm l-istandards, l-unur u l-indipendenza tal-Kamra. F'konformità mal-Att dwar is-Servizzi Legali tal-2007, iddelegat l-obbligu tar-regolazzjoni tal-professjoni lill-Bord dwar l-Istandards tal-Kamra tal-Avukati li huma indipendenti u mħares sew. Il-barristers huma konsulenti legali individwali u speċjalizzati u avukati fl-awli tal-qorti. Ġeneralment, jaħdmu għal rashom u fi grupp f’uffiċċji magħrufa bħala "awli", fejn huma magħrufa bħala "kerrejja". Il-barristers jitħarrġu l-aktar fl-avukatura; fi kliem ieħor, huma mħarrġa biex jidhru għall-klijenti tagħhom quddiem il-qrati superjuri. Il-barristers iqattgħu wkoll ħafna mill-ħin tagħhom jagħtu pariri lill-klijenti tagħhom u jwettqu riċerki dwar il-każijiet, kif ukoll riċerki fil-qasam ta' speċjalizzazzjoni tagħhom. Madwar 10 fil-mija tal-barristers prattikanti jaħdmu fil-Queen's Counsel (jew QCs) fejn jittrattaw l-aktar każijiet importanti u sensittivi.

Solicitors (konsulenti legali)

Xogħol solicitor huwa li jipprovdi lill-klijenti tiegħu (membri tal-pubbliku, negozji, għaqdiet volontarji, għaqdiet tal-karità, eċċ.) b'pariri legali u bir-rappreżentazzjoni, inkluż li jidher f'isimhom quddiem il-qorti. Ix-xogħol tagħhom ivarja immens. Ħafna solicitors jaħdmu f'uffiċċju privat, li huwa sħubija ta' solicitors li joffru s-servizzi tagħhom lill-klijenti. Jistgħu jipprattikaw b'mod ġenerali fejn ikopru ħafna oqsma tal-liġi jew jispeċjalizzaw f'qasam partikolari. Oħrajn jaħdmu bħala solicitors impjegati mal-gvern ċentrali u lokali, mas-Servizz tal-Prosekuzzjoni tal-Kuruna, mal-qrati tal-maġistrati, ma' organizzazzjoni kummerċjali jew industrijali jew ma' korpi oħra. Is-solicitors jistgħu jagħżlu t-tip ta' ambjent fil-post tax-xogħol l-aktar adatt għalihom.

Ġeneralment is-solicitors jagħtu pariri legali lill-klijenti tagħhom. Jekk dawk il-klijenti wara jkollhom bżonn rappreżentazzjoni quddiem il-qrati superjuri fl-Ingilterra u Wales, is-solicitor ġeneralment iqabbad barrister biex imexxi l-kawża l-qorti. Barrister mhux dejjem ikun hemm bżonnu, madankollu, għaliex solicitors bil-kwalifiki xierqa għandhom dritt jidhru quddiem il-qorti (jiġifieri għandhom dritt jidhru għall-klijenti) fil-qrati superjuri.

L-Assoċjazzjoni tal-Liġi tirrappreżenta lis-solicitors fl-Ingilterra u Wales. Id-dmirijiet tagħha jistgħu jvarjaw minn neguzjar u l-lobbying mar-regolaturi tal-professjoni, mal-gvern u oħrajn sa joffru taħriġ u pariri. L-Assoċjazzjoni tal-Liġi teżisti biex tgħin, tħares u tippromwovi lis-solicitors fl-Ingilterra u Wales.

L-Awtorità ta' Regolamentazzjoni tas-Solicitors (Solicitors Regulation Authority, SRA) ikollha x'taqsam mal-kwistjonijiet kollha marbuta mar-regolamentazzjoni u d-dixxiplina, u tistabbilixxi, tissorvelja u tinforza l-istandards għas-solicitors fl-Ingilterra u Wales. Fl-imgħoddi magħrufa bħala l-Bord ta' Regolamentazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Liġi, taġixxi biss fl-interess pubbliku.

L-Uffiċċju għall-Ilmenti Legali huwa disponibbli għall-membri tal-pubbliku li jkunu jixtiequ jagħmlu lment dwar solicitor. Dan il-korp indipendenti u imparzjali, li qabel kien magħruf bħala s-Servizz għall-Ilmenti Legali, jaħdem biex isolvi kwalunkwe kwistjoni malajr u b'mod effiċjenti.

Nutara

In-nutara huma t-tielet u l-eqdem fergħa tal-professjoni legali fl-Ingilterra u Wales. In-nutara jistgħu jipprattikaw u jingħataw din il-fakultà tagħhom (l-awtorità biex jipprattikaw) mill-Uffiċċju tal-Fakultà (li waqqfu l-Arċisqof ta' Canterbury għall-ewwel darba fl-1279) u r-regolatur hija l-Qorti tal-Fakultajiet. In-nutara jipprovdu pont bejn il-liġi ċivili u l-common law.

In-nutara kollha jirċievu taħriġ legali u, għalkemm ħafna minnhom jistgħu jkunu wkoll solicitors, il-kwalifiki ta' nutar jinkisbu permezz ta' eżamijiet indipendenti u separati. In-nutara kollha jridu jsegwu l-ewwel kors inizjali sabiex jikkwalifikaw għall-professjoni: Hija meħtieġa t-tlestija b’suċċess tal-kors tal-prattika notarili mogħti mill-University College ta’ Londra Ladarba kwalifikati, in-nutara jistgħu jipprattikaw kullimkien fl-Ingilterra u Wales u kollha għandhom l-istess setgħat. In-nutara, minbarra li jħejju u jippubblikaw atti u strumenti notarili, jistgħu wkoll jagħtu pariri fuq it-tħejjija tat-testmenti, kwistjonijiet ta' suċċessjoni, l-amministrazzjoni tal-patrimonji u t-trasferiment tal-propjetà.

L-attivitajiet notarili ġew rikonoxxuti mad-dinja kollha għal għexieren ta' snin u dan ippermetta ċ-ċirkolazzjoni ħielsa taċ-ċittadini u tan-negozji. B'hekk, in-nutara jiffaċilitaw il-kummerċ u l-ħajja taċ-ċittadini ordinarji, billi jippermettulhom jgħixu ħajjithom u jinnegozjaw b'mod liberu bi prezz raġonevoli u mingħajr dewmien żejjed.

In-nutar għandu siġill uffiċjali u l-atti nutarili fl-Ingilterra u Wales għandhom forza probatorja. L-atti notarili jiġu preparati fil-privat u b'att pubbliku; dawn tal-aħħar huma magħrufa wkoll bħala "atti notarili f'forma awtentika". L-atti notarili bil-firma u s-siġill ta' nutar huma rikonoxxuti bħala prova ta' uffiċjal legali responsabbli fil-pajjiżi kollha madwar id-dinja.

In-nutara huma soġġetti għar-regoli professjonali simili għal dawk tas-solicitors u huma mitluba jġeddu ċ-ċertifikati tal-prattika notarili tagħhom kull sena u jkunu koperti minn assigurazzjoni ta' indennizz professjonali u assigurazzjoni kontra atti frawdolenti. It-tiġdid huwa soġġett għall-konformità mar-regoli. Appuntament notarili huwa appuntament personali mogħti minn nutar individwali. L-Assoċjazzjoni tan-Nutara hija l-organizzazzjoni li tirrapreżenta madwar 800 nutar pubbliku. Is-Society of Scrivener Notaries tirrapreżenta mawdwar 30 nutar scrivener li jipprattikaw prinċipalment fiċ-ċentru ta’ Londra, maħtura mill- Iscriveners Company, xirka antika.

L-avukati li jipprattikaw fil-qasam tal-privattivi u tat-trade marks

L-avukati li jipprattikaw fil-qasam tal-privattivi u tat-trade marks huwa konsulenti speċjalizzati fil-qasam tal-proprjetà intellettwali. Huma jagħtu pariri legali lill-klijenti tagħhom f'dan il-qasam, partikolarment b'rabta mal-privattivi, il-marki kummerċjali, id-disinji u d-drittijiet tal-awtur. Huma jidhru wkoll għall-klijenti tagħhom fil-qrati speċjalizzati tal-IP (proprjetà intellettwali) (uħud jiksbu aktar drittijiet wara li jkunu ġabu kwalifika addizzjonali biex jipprattikaw fil-litigazzjoni). Il-maġġoranza tal-avukati fil-qasam tal-privattivi u t-trade marks jaħdmu f'uffiċċju privat. Ħafna jaħdmu fi prattika speċjalizzata, iżda wħud jaħdmu wkoll flimkien ma' solicitors. Barra minn hekk, proporzjon mhux ħażin tal-professjoni taħdem fl-industrija. L-avukati li jaċċettaw litigazzjoni fil-qasam tal-privattivi u tat-trade marks jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom fil-qorti, bl-istess mod li jagħmlu s-solicitors, f’kawżi dwar proprjetà intellettwali, u jistgħu jagħtu struzzjonijiet biex il-kawża titmexxa minn avukat li jipprattika fil-qrati superjuri (barrister). L-Istitut tal-Avukati Kwalifikati fil-qasam tal-Privattivi(Chartered Institute of Patent Attorneys, CIPA) jirrappreżenta lill-avukati fil-qasam tal-Privattivi fir-Renju Unit kollu. Ir-rwol tiegħu jinkludi d-diskussjoni mal-Gvern dwar il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-avukati u tal-apprendisti fil-qasam tal-privattivi u l-konsultazzjonijiet mar-regolaturi tal-professjoni. CIPA tara li tippromwovi l-liġi tal-PI u l-professjonijiet fil-qasam tal-PI. L- Istitut tal-Avukati Kwalifikati fil-qasam tat-Trade Marks (Institute of Trade Mark Attorneys, ITMA) jirrapreżenta lill-Avukati kwalifikati fil-qasam tat-Trade Marks u l-professjoni fir-Renju Unit kollu. Fost id-dmirijiet tiegħu hemm in-negozjati mal-gvern u lobbying biex jinfluwenza l-gvern, il-fergħa regolatorja indipendenti tiegħu (Intellectual Property Regulation Board, IPReg) u organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn. Huwa jipprovdi l-edukazzjoni, taħriġ u pariri għall-professjoni ta’ Avukat ikkwalifikat fil-qasam tat-Trade Marks u jieħu ħsieb jippromwovi l-professoni u l-PI. Il-Bord dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Propjetà Intellettwali (IPReg) jieħu ħsieb il-kwistjonijiet regolatorji u ta’ dixxiplina, u jistabbilixxi, jimmonitorja u jeżegwixxi standards għall-avukati kkwalifikati fil-qasam tat-trade marks fir-Renju Unit kollhu. Huwa jaġixxi fl-interess pubbliku u jżomm Reġistri statutorji tal-avukati kwalifikati fil-qasam tal-privattivi u dawk kwalifikati fil-qasam tat-trade marks, kemm individwalment u bħala entitajiet

Professjonijiet legali oħrajn

Minbarra dawk li jaħdmu fil-qrati tal-maġistrati, l-iskrivana u l-persunal ieħor fil-maġġoranza tal-qrati fl-Ingilterra u Wales ma għandhomx bżonn ikollhom taħriġ legali. Huma ufiċjali pubbliċi li jieħdu ħsieb il-kwistjonijiet amministrattivi u jassistu lill-imħallfin. Ma jistgħux jagħtu parir legali. Bħala uffiċjali pubbliċi, il-persunal tal-qorti jiġi impjegat mis-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Maestà Tagħha.

Għal aktar informazzjoni dwar il-kategoriji tal-persunal tal-qrati ara hawnhekk PDF (456 Kb) MT.

Ir-rwol tal-iskrivana huwa differenti fil-qrati tal-maġistrati. Il-maġistrati lajċi ma għandhomx kwalifiki legali u joqogħdu fuq il-parir tal-iskrivana b'taħriġ legali, li minnhom hemm żewġ tipi: l-iskrivana tal-ġustizzja u konsulenti legalikonsulenti (jew skrivana tal-qorti).

  • L-iskrivana tal-ġustizzja huma l-konsulenti legali ewlenin tal-maġistrati. Huma avukati (jew barristers jew solicitors) bi kwalifika rilevanti ta' mill-inqas ħames snin. Huma jagħtu parir lill-maġistrati dwar il-liġi u l-proċedura kemm ġewwa u barra l-qorti. Huma responsabbli wkoll għall-ġestjoni u t-taħriġ tal-konsulenti legali, tal-kwalità tas-servizzi legali provvduti u l-forniment ta' pariri legali konsistenti fil-qasam amministrattiv tagħhom.

  • Il-konsulenti legali jaħdmu l-qorti u jagħtu pariri lill-maġistrati dwar il-liġi, il-prattika legali u l-proċedura. Huma għandhom ukoll kwalifiki legali (normalment bħala solicitors jew barristers).

Ir-rikorsi tal-High Court issa jiġu eżegwiti mill-uffiċjali ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni tal-high court li jiġu maħtura u assenjati mil-Lord Chancellor jew mid-delegat tiegħu. Huma responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-ordnijiet tal-qorti għall-irkupru ta' flus dovuti skont sentenza tal-high court jew sentenza tal-qorti tal-kontea li ġiet trasferita lill-High Court. Huma jistgħu jissekwestraw u jbiegħu l-oġġetti maqbuda biex ikopru l-ammont tad-dejn. Jistgħu wkoll jissorveljaw il-pussess tal-proprjetà u r-ritorn tal-oġġetti.

Il-bailiffs tal-qorti tal-kontea huma uffiċjali pubbliċi impjegati mis-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Maestà Tagħha biex jieħdu ħsieb l-eżekuzzjoni tas-sentenzi u / jew l-ordnijiet magħmula u rreġistrati fil-qrati tal-kontea. Huma uffiċjali pubbliċi li jeżegwixxu mandati eżekuttivi, jagħtu lura l-artijiet permezz ta' mandati ta' pussess u jirkupraw l-oġġetti permezz ta' mandati għar-ritorn tal-oġġetti. Ir-regoli dwar il-bailiffs li jeżegwixxu mandati huma stabbiliti fit-Taqsimiet 85-111 tal-Att tal-1984 dwar il-Qrati tal-Kontea. Il-proċeduri għall-eżekuzzjoni huma stabbiliti fir-regoli tal-proċedura ċivili. Barra minn hekk, il-bailiffs tal-qorti tal-kontea għandhom iktar dmirijiet, inkluża n-notifika tad-dokumenti u mandati minħabba nuqqas ta' konformità mat-termini ta' sentenza eżekuttiva. Ir-regoli dwar dawn tal-aħħar huma stabbiliti fit-Taqsima 118-122 tal-Att dwar il-Qrati tal-Kontea.

Il-bailiffs ċertifikati huma bailiffs ċertifikati privati biex jissekwestraw il-proprjetà tal-kerrej (distress for rent), u għandhom l-awtorizzazzjoni minn imħallef tas-circuit li jippresjedi qorti tal-kontea. Id-distress for rent tirreferi għas-sekwestru tal-oġġetti tal-kerrej mis-sid biex jiżgura l-ħlas tal-kera li għadu dovut mingħajr l-intervent tal-qorti. Skont numru ta' Atti oħra, il-bailiffs ċertifikati jistgħu jeżegwixxu wkoll dejn speċifiku ieħor, bħat-taxxa tal-kunsill u rati mhux domestiċi.

Ħoloq Relatati

Crown Prosecution Service,
Faculty Office,
Notaries Society,
Judiciary of England and Wales,
The Law Society,
Solicitors Regulation Authority,
Office for Legal Complaints,
Legal Services Commission,
Chartered Institute of Patent Attorneys;
Institute of Trade Mark Attorneys,
Intellectual Property Regulation Board,
Her Majesty's Courts and Tribunals Service.

L-aħħar aġġornament: 30/06/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.