Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Tipi ta’ professjonijiet legali

Repubblika Ċeka

Din il-paġna tagħtik ħarsa ġenerali tal-professjonijiet legali fir-Repubblika Ċeka.

Il-kontenut ipprovdut minn
Repubblika Ċeka

Professjonijiet - Daħla

Il-professjonijiet legali jinkludu l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi, l-avukati, in-nutara, u l-marixalli tal-qorti (bailiffs).

Prosekuturi pubbliċi

Organizzazzjoni

Il-prosekuturi pubbliċi huma professjonisti legali li jaħdmu f’uffiċċju tal-prosekutur. L-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku huma korpi pubbliċi li jirrappreżentaw l-istat biex jipproteġu l-interess pubbliku fi kwistjonijet definiti b’mod ċar. Il-prosekuturi pubbliċi jimmaniġġjaw każijiet li jaqgħu fil-kompetenza tas-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika. L-ebda korp jew persuna oħra ma tista’ tindaħal fil-qasam tal-attività tagħhom jew tissosstiwihom jew tirrappreżentahom fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

L-organizzazzjoni tas-servizz tal-prosekuzzjoni tirrifletti s-sistema tal-qorti (fil-livell distrettwali, reġjonali u suprem). L-uffiċċju prinċipali tas-servizz huwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Suprem f’Brno, li huwa l-uffiċċju ċentrali tal-prosekutur pubbliku u jissorvelja s-servizz tal-prosekuzzjoni. Il-gvern għandu s-setgħa li jaħtar u jkeċċi lill-Prosekutur Pubbliku Suprem fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja.

Assoċjazzjoni professjonali

L-Unjoni Ċeka tal-Prosekuturi Pubbliċi (Unie státních zástupcù Èeské republiky) hija assoċjazzjoni professjonali volontarja li l-għan tagħha huwa li tgħin lill-uffiċċji tal-prosekuturi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u li tippromwovi l-istat tad-dritt fit-teħid tad-deċiżjonijiet ħielsa minn kwalunkwe influwenza. L-Unjoni għandha wkoll rwol importanti fit-taħriġ tal-prosekuturi u l-prosekuturi f'taħriġ u tirrappreżenta l-interessi tal-prosekuturi pubbliċi.

Il-professjoni hija rregolata mill-Kodiċi tal-Etika Professjonali għall-Prosekuturi Pubbliċi.

Fil-paġna tal-internet tal-Ministeru tal-Ġustizzja hemm disponibbli lista ta’ prosekuturi pubbliċi, imqassma skont l-uffiċċju fejn huma assenjati: Ministerstvo spravedlnosti.

Rwol u obbligi tal-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku

Il-prosekuturi pubbliċi huma uffiċjali pubbliċi bil-kompitu li jirrappreżentaw lill-istat fil-protezzjoni tal-interess pubbliku, b'mod partikolari billi jibdew prosekuzzjonijiet kriminali, u billi jiżguraw li l-liġi tiġi rispettata fir-rigward tad-detenzjoni qabel il-proċess, il-priġunerija, it-trattament mediku għall-fini ta’ protezzjoni, l-edukazzjoni istituzzjonali jew ta’ protezzjoni, il-prevenzjoni tar-reati, u d-dispożizzjoni ta’ għajnuna għall-vittmi tar-reati.

Setgħat fil-proċedimenti kriminali

Il-prosekuturi pubbliċi għandhom is-setgħa li jaġixxu f'kull stadju tal-proċedimenti kriminali. Il-prosekutur pubbliku għandu ċerti drittijiet proċedurali u huwa soġġett għal obbligi proċedurali korrispondenti.

Is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika taħdem kif huwa speċifikat fl-Att Nru 283/1993. B’mod partikolari, huwa responsabbli li jibda l-prosekuzzjonijiet kriminali pubbliċi u li jwettaq ċerti kompiti oħrajn skont il-Kodiċi Kriminali. Huwa jissorvelja wkoll il-konformità mal-liġi fir-rigward tad-detenzjoni qabel il-proċess, il-priġunerija, it-trattament mediku għall-fini ta’ protezzjoni, il-kura istituzzjonali jew ta’ protezzjoni u f’każijiet oħra fejn il-liġi tawtorizza restrizzjonijiet fil-libertà personali, u jaġixxi fi proċedimenti mhux kriminali u twettaq kompiti speċifiċi oħrajn stipulati mil-liġi.

Il-prosekuturi pubbliċi jiżguraw li l-liġi tiġi rispettata fil-proċedimenti kriminali qabel il-proċess. Skont il-Kodiċi Kriminali (Att Nru 141/1961), ċerti passi f’dan l-istadju huma l-unika prerogattiva tal-prosekutur pubbliku.

Qabel ma jibda prosekuzzjoni kriminali, huwa meħtieġ li l-prosekutur pubbliku jkun ġie notifikat bil-fatti li jindikaw li sar reat (Artikolu 158(2) tal-Kodiċi Kriminali).

Il-prosekutur pubbliku jagħmel akkuża formali (filwaqt li jirrakkomanda piena), li tagħti bidu għall-proċedura biex titressaq azzjoni quddiem il-qorti rilevanti. Il-prosekuturi pubbliċi għandhom ikunu preżenti għas-seduta prinċipali, fejn jistgħu jibdew proċedimenti billi jistabbilixxu l-akkużi u jtemmuhom bid-dikjarazzjoni ta’ għeluq tagħhom.

Il-prosekuturi pubbliċi għandhom ukoll setgħat biex jintlaħaq ftehim dwar il-ħtija u l-għotja ta’ sentenzi.

Il-prosekutur pubbliku jista’ jappella fuq il-bażi li jkun ingħata verdett ħażin. L-appelli jistgħu jkunu favur l-akkużat jew kontrih.

Jista’ jsir appell ieħor mill-Prosekutur Pubbliku Suprem.

Il-prosekutur pubbliku jista’ wkoll jirrakkomanda proċess ieħor favur l-akkużat jew kontrih.

Fil-proċedimenti kontra minorenni l-prosekutur pubbliku dejjem għandu jkun preżenti, mhux biss fis-seduta prinċipali iżda wkoll fis-seduti pubbliċi (Att Nru 218/2003 dwar il-proċedimenti ġudizzjarji f’każijiet ta’ minorenni.

Id-deċiżjonijiet dwar soluzzjonijiet alternattivi fl-istadju ta’ qabel il-proċess huma fost is-setgħat esklussivi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-prosekutur pubbliku.

Azzjoni mis-servizz tal-prosekuzzjoni fil-każijiet mhux kriminali

Is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jista' wkoll jirrakkomanda li jinbdew proċedimenti ċivili jew jista' jintervjeni fil-proċedimenti ċivili li jkunu għaddejjin, iżda biss fejn tippermetti l-liġi.

Il-bażi għall-involvimenti tas-servizz tal-prosekuzzjoni fil-proċedimenti ċivili huwa l-Artikolu 80 tal-Kostituzzjoni Ċeka, li jiddikjara li s-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jista’ jwettaq kompiti oħra skont il-liġi minbarra jibda prosekuzzjonijiet pubbliċi. Skont l-Att dwar is-Servizzi tal-Prosekuzzjoni, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jista’ jaġixxi f’proċedimenti oħra minbarra l-każijiet kriminali. Dawn is-setgħat huma koperti f’aktar dettall fil-Kodiċi Ċivili, li jispeċifika meta s-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jista’ jintervjeni fil-proċedimenti ċivili li jkunu għaddejjin.

Minbarra l-possibbiltà li jieħu sehem fil-proċedimenti ċivili, is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jista’ jirrakkomanda li l-proċedimenti jinbdew mill-Prosekutur Pubbliku Suprem, pereżempju fil-każijiet ta’ ċaħda tal-paternità skont l-Att dwar il-Familja.

Kwalifiki u rekwiżiti oħrajn għall-prosekuturi pubbliċi

Il-prosekuturi pubbliċi jieħdu l-kariga malli jinħatru. Huma jinħatru mill-Ministru tal-Ġustizzja, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Prosekutur Pubbliku Suprem, u l-ħatra tkun għal perjodu illimitat. Prosekutur pubbliku jieħu ġurament quddiem il-Ministru tal-Ġustizzja.

Sabiex persuna tinħatar bħala prosekutur pubbliku, din għandha tkun ċittadin tar-Repubblika Ċeka u:

  • għandha tgawdi minn kapaċità ġuridika,
  • għandu jkollha kondotta tajba,
  • għandu jkollha mill-inqas 25 sena fiż-żmien meta tiġi maħtura,
  • għandha tkun kisbet lawrja ta’ master’s fil-liġi f’università Ċeka,
  • għandha tkun għaddiet mill-eżami finali,
  • għandu jkollha l-kwalitajiet morali li jiggarantixxu li teżerċita l-funzjoni tagħha sewwa; u
  • għandha taċċetta l-ħatra bħala prosekutur pubbliku u l-kollokament f’uffiċċju tal-prosekutur.

Il-prosekuturi pubbliċi jinħatru għal perjodu illimitat, iżda jistgħu jiġu sospiżi mill-kariga tagħhom permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja. It-terminu tagħhom jieqaf meta jilħqu l-età ta’ 70 sena, meta jmutu jew meta jkunu ddikjarati mejta, jew jekk, pereżempju, jitilfu l-kapaċità ġuridika tagħhom jew tiġi ristretta, jekk jirrifjutaw li jieħdu l-ġurament, jekk jitilfu ċ-ċittadinanza Ċeka, jekk jaċċettaw funzjoni li ma tkunx kompatibbli ma’ dik ta’ prosekutur pubbliku, jekk jinsabu ħatja ta’ delitt, jekk jinsabu li mhumiex kompetenti biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom, jew jekk xi marda ddum tant li ma tippermettilhomx iwettqu dmirijiethom. It-terminu tagħhom jintemm ukoll jekk jitneħħew mill-kariga tagħhom bħala miżura dixxiplinarja jew jekk jirriżenjaw.

Il-Ministru tal-Ġustizzja jistabbilixxi l-baġit tas-servizz tal-prosekuzzjoni. Il-pożizzjoni ta’ prosekutur pubbliku hija rregolata mill-Att Nru 283/1993.

Funzjonijiet inkompatibbli

Għajr meta tippermetti l-liġi, prosekutur pubbliku ma jistax jaġixxi bħala arbitru jew medjatur biex isolvi t-tilwim legali, jirrappreżenta partijiet f’proċedimenti ġuridiċi, jew jaġixxi bħala aġent għal pretendent jew parti f’proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi. Minbarra li jservi bħala prosekutur pubbliku, jew bħala kap prosekutur pubbliku jew viċi kap prosekutur pubbliku, jew iwettaq dmirijiet li jirriżultaw mill-kollokament temporanju fil-Ministeru jew fl-Akkademja Ġuridika, il-prosekuturi pubbliċi ma jistgħux ikollhom funzjoni mħallsa oħra jew jimpenjaw ruħhom f’attività oħra bi qligħ, għajr il-ġestjoni tal-assi tagħhom stess u t-twettiq ta’ xogħol akkademiku, ta’ tagħlim, letterarju, ġurnalistiku jew artistiku jew iservu f’korpi konsultattivi għall-Ministru jew għall-gvern jew f’korpi parlamentari.

Remunerazzjoni

Ir-remunerazzjoni tal-prosekuturi hija stabbilita bil-liġi u mħallsa mill-istat.

Responsabbiltà professjonali

L-istat huwa responsabbli, kif speċifikat mil-liġi, għal kwalunkwe dannu, ħsara, jew telf li jirriżulta minn deċiżjonijiet illegali jew żbalji proċedurali magħmula mill-prosekuturi pubbliċi.

Il-prosekuturi pubbliċi huma responsabbli jekk iwettqu reat dixxiplinarju.

Imħallfin

Organizzazzjoni

Id-dispożizzjoni bażika li tirregola l-pożizzjoni tal-imħallfin hija l-Artikolu 82(1) tal-Kostituzzjoni Ċeka, li jiddikjara li l-imħallfin għandhom ikunu indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u li ħadd ma jista’ jipprova jdgħajjef l-imparzjalità tagħhom. Aktar regoli huma stabbiliti fl-Att Nru 6/2002 dwar il-qrati u l-imħallfin.

Ħatra u terminu

Jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti, l-imħallfin jinħatru mill-President tar-Repubblika u jieħdu l-kariga wara li jieħdu l-ġurament. Madankollu, ma hemm l-ebda dritt legali li wieħed jinħatar bħala mħallef.

It-tħejjija biex wieħed isir imħallef tinvolvi servizz ta’ tliet snin bħala mħallef f’taħriġ fil-qrati. Wara t-tlestija tas-servizz ta’ tħejjija tagħhom, l-imħallfin f’taħriġ jagħmlu eżami ġudizzjarju speċjali.

Il-ħatra bħala mħallef mhijiex limitata fiż-żmien, iżda l-imħallfin jistgħu jinħelsu mid-dmirijiet tagħhom b’mod temporanju mill-Ministru tal-Ġustizzja. It-terminu tal-imħallfin jispiċċa fit-tmiem tas-sena li fiha jagħlqu 70 sena, meta jmutu jew meta jiġu ddikjarati bħala mejta, jekk jiġu ddikjarati uffiċjalment mhux kompetenti biex iwettqu dmirijiethom, jew jekk jirriżenjaw.

Kwalifiki u rekwiżiti oħrajn għall-imħallfin

Sabiex tinħatar bħala mħallef, persuna:

  • għandha tkun ċittadin tar-Repubblika Ċeka
  • għandha tgawdi minn kapaċità ġuridika sħiħa,
  • għandu jkollha kondotta tajba,
  • għandu jkollha mill-inqas 30 sena,
  • għandha tkun kisbet lawrja ta’ master’s fil-liġi f’università Ċeka,
  • għandha tkun għaddiet mill-eżami ġudizzjarju speċjali,
  • għandu jkollha l-kwalitajiet morali li jiggarantixxu li teżerċita l-funzjoni tagħha sewwa; u
  • għandha taċċetta l-ħatra bħala mħallef u l-kollokament f'qorti speċifika.

L-imħallfin mhux esperti jinħatru mill-pubbliku ġenerali (sakemm ikollhom kondotta tajba). Dawn jieħdu ġurament quddiem il-president tal-qorti u jservu għal erba’ snin.

Funzjonijiet inkompatibbli

Minbarra li jservu bħala president jew viċi president ta’ qorti, l-imħallfin ma jistgħu jeżerċitaw l-ebda forma oħra ta’ attività mħallsa għajr il-ġestjoni tal-assi tagħhom stess u t-twettiq ta’ xogħol akkademiku, ta’ tagħlim, letterarju, ġurnalistiku jew artistiku jew li jservu f’korpi konsultattivi għall-Ministeru jew għall-gvern jew f’korpi parlamentari.

Remunerazzjoni

Il-livell tar-remunerazzjoni tal-imħallfin huwa stabbilit bil-liġi.

Rwol u obbligi

Id-dritt bażiku u l-obbligu tal-imħallfin huma li jibqgħu indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijiethom u li jkunu marbuta biss bil-liġi, billi jinterpretawha bl-aħjar użu tal-għarfien tagħhom u skont il-kuxjenza tagħhom. Ma għandhomx jippermettu li jiġu influwenzati pereżempju mill-interessi tal-partiti politiċi, l-opinjoni pubblika jew il-medja. Huwa projbit li wieħed jipprova jdgħajjef jew jhedded l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin.

L-imħallfin għandhom jagħtu d-deċiżjonijiet tagħhom fi żmien raġonevoli u mingħajr dewmien mhux meħtieġ u għandhom jagħtu l-opportunità lill-partijiet fil-proċedimenti u lir-rappreżentanti tagħhom li jaffermaw id-drittijiet tagħhom, iżda ma jistgħux jinnegozjaw magħhom dwar is-sustanza tal-każ jew dwar kwistjonijiet proċedurali li jistgħu jaffettwaw il-każ.

Anke meta jispiċċaw mill-kariga tagħhom, l-imħallfin ma għandhomx jiżvelaw kwistjonijiet li jkunu saru jafu bihom matul it-twettiq ta’ dmirijiethom; dan l-obbligu jista’ jitneħħa f’każijiet eċċezzjonali biss.

Lista ta’ mħallfin u l-qrati fejn jaħdmu hija disponibbli fil-paġna tal-internet tal-Ministeru tal-Ġustizzja: Ministerstvo spravedlnosti.

L-Unjoni tal-Imħallfin Soudcovská unie ma tirrappreżentax l-imħallfin kollha, għax is-sħubija hija volontarja. L-assemblea ġenerali tagħha adottat kodiċi ta’ kondotta għall-imħallfin li tistabbilixxi prinċipji etiċi biex iservu ta' gwida għall-ġudikatura.

Kategoriji u speċjalizzazzjoni tal-imħallfin

Minbarra li jieħdu deċiżjonijiet fil-każijiet, l-imħallfin jistgħu wkoll iservu bħala presidenti jew viċi presidenti tal-qorti. Dawn jinħatru mill-President tar-Repubblika (Qorti Suprema u Qorti Amministrattiva Suprema) jew mill-Ministru tal-Ġustizzja (qrati superjuri, reġjonali u distrettwali). Il-kompiti ewlenin tagħhom jinkludu l-amministrazzjoni tal-qrati.

Imħallef jista’ wkoll jinħatar biex jippresjedi kulleġġ tal-Qorti Suprema jew tal-Qorti Amministrattiva Suprema, jew biex jippresjedi senat tal-qorti.

Internament, il-qrati distrettwali, reġjonali u superjuri bażikament huma organizzati f'diviżjonijiet kriminali, ċivili u amministrattivi speċjalizzati għat-tipi differenti ta' każijiet.

Responsabbiltà professjonali tal-imħallfin

L-istat huwa responsabbli għal kwalunkwe dannu, ħsara, jew telf li jirriżulta minn deċiżjoni, deċiżjoni ta’ żamma, sentenza jew miżura ta’ protezzjoni ħażina jew minn irregolarità proċedurali. L-imħallef ikkonċernat jista’ jiġi mitlub jagħti kumpens biss jekk jinsab ħati ta’ reat dixxiplinarju jew kriminali. L-imħallfin huma responsabbli għall-professjonaliżmu tagħhom fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

Nutara

Organizzazzjoni

In-nutara u l-attivitajiet tagħhom huma rregolati bl-Att Nru 358/1992 dwar in-nutara u l-attivitajiet tagħhom (il-Kodiċi Notarili).

In-nutara għandhom ikunu membri tal-Kamra tan-Nutara li hija responsabbli għall-amministrazzjoni tal-professjoni. Il-Kamra torganizza wkoll it-taħriġ professjonali u l-eżamijiet tan-nutari f’taħriġ. Lista ta’ nutara, imqassma skont ir-reġjun, tista’ tinsab fil-paġna tal-internet Notáøská komora.

Ħatra u terminu

In-nutara jinħatru għal post battal mill-Ministru tal-Ġustizzja, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kamra, wara eżami kompetittiv. Nutar jieħu l-kariga tiegħu ladarba jiddaħħal fir-reġistru tan-nutara li jinżamm mill-Kamra tan-Nutara.

Nutar f’taħriġ iħejji għall-professjoni billi jaħdem ma’ nutar. L-istadju li jmiss fit-tħejjija huwa meta l-persuna f’taħriġ tikseb l-istatus ta’ nutar kandidat wara li tkun lestiet skema ta’ taħriġ ta' mill-inqas tliet snin u tgħaddi mill-eżami notarili.

Il-mandat ta’ nutar mhuwiex limitat fiż-żmien, iżda jista’ jiġi sospiż. It-terminu tan-nutara jispiċċa meta jilħqu l-età ta’ 70 sena, meta jmutu jew jekk jiġu ddikjarati bħala mejta, meta jitkeċċew, jekk jitilfu ċ-ċittadinanza tar-Repubblika Ċeka, jekk jitilfu l-kapaċità ġuridika, jew jekk, pereżempju, jirrifjutaw li jieħdu l-ġurament jew jekk saħħithom ma tippermettilhomx iwettqu dmirijiethom fuq żmien twil.

L-għadd ta’ uffiċċji ta’ nutara fiż-żona ta’ kull qorti distrettwali huwa stabbilit mill-Ministru tal-Ġustizzja wara li jikkonsulta mal-Kamra tan-Nutara.

In-nutara huma indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijiethom. Huma marbuta biss bil-liġi. L-eżerċizzju tal-professjoni ta' nutar huwa inkompatibbli ma' kwalunkwe attività mħallsa oħra (għajr meta l-liġi tgħid mod ieħor).

Kwalifiki u rekwiżiti oħrajn għan-nutara

Sabiex tinħatar bħala nutar, persuna:

  • għandu jkollha ċ-ċittadinanza tar-Repubblika Ċeka,
  • għandha tgawdi minn kapaċità ġuridika sħiħa,
  • għandu jkollha kondotta tajba,
  • għandu jkolla lawrja universitarja,
  • għandha tkun lestiet perjodu ta’ prattika notarili ta’ mill-inqas ħames snin,
  • għandha tkun għaddiet mill-eżami notarili,

Sabiex tibda tipprattika bħala nutar, persuna:

  • għandha tinħatar bħala nutar,
  • għandha tkun ħadet il-ġurament quddiem il-Ministru tal-Ġustizzja, jekk dan ikun għadu ma sarx,
  • għandha tkun kisbet it-timbru uffiċjali ta’ nutar,
  • għandha tkun ħadet polza tal-assigurazzjoni tar-responsabilità għal kwalunkwe dannu, ħsara jew telf li jista’ jseħħ matul l-eżerċizzju tal-professjoni tagħha.

Funzjonijiet inkompatibbli

In-nutara ma jistgħux jeżerċitaw attività oħra bi qligħ minbarra l-ġestjoni tal-assi tagħhom stess. Madankollu, jistgħu jwettqu xogħol akkademiku, ġurnalistiku, ta’ tagħlim, ta’ interpretazzjoni, espert jew artistiku b'remunerazzjoni.

Remunerazzjoni

Skont il-Kodiċi Notarili, nutar jaħdem għal remunerazzjoni, li b’mod ewlieni jikkonsisti minn dritt ta' ħlas, rimborż għal ħin tiegħu, u rimborż tal-ispejjeż. Il-ħlas isir mill-persuna li jkollha bżonn l-assistenza tan-nutar. In-nutara għandhom id-dritt jitolbu ħlas raġonevoli minn qabel fir-rigward tad-dritt ta' ħlas u l-ispejjeż tagħhom. Regoli dettaljati dwar ir-remunerazzjoni tan-nutara huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni speċifika.

Rwol u obbligi tan-nutara

Fit-twettiq ta’ dmirijiethom in-nutara għandhom jikkonformaw ma’ atti tal-liġi u dispożizzjonijiet legali oħra ta’ applikazzjoni ġenerali; fil-provvista ta’ assistenza legali huma marbuta wkoll bl-istruzzjonijiet tal-klijenti tagħhom. Huma għandhom id-dritt li jirrifjutaw li jagħmlu dak li huwa mitlub biss jekk dan joħloq kunflitt mal-liġi ġeneralment applikabbli; jekk huma stess jew persuni qribhom ikunu involuti fil-każ; jekk ikunu diġà pprovdew assistenza legali fl-istess każ lil xi ħadd ieħor b’interessi li joħolqu kunflitt; jew jekk il-persuna li titlob assistenza ma tħallasx ammont ta’ flus raġonevoli minn qabel mingħajr raġuni valida. Nutar għandu d-dritt li jirtira minn kuntratt ma’ klijent jew persuna li qed titlob parir meta jkun hemm ksur tal-fiduċja reċiproka.

In-nutara ma jistgħux jiżvelaw kwistjonijiet li jkunu saru jafu bihom matul xogħolhom u li jistgħu jaffettwaw l-interessi leġittimi tal-klijenti tagħhom jew tal-persuni li qed jitolbu parir; il-persuni kkonċernati biss jistgħu jeħilsuhom minn dan l-obbligu.

Is-servizzi legali u servizzi oħrajn ipprovduti min-nutari jinkludu:

  • li jaġixxu bħala kummissarji ġudizzjarji, jiġifieri bħala aġenti tal-qorti, għal kwistjonijiet ta' suċċessjoni
  • li jfasslu atti notarili - rekords uffiċjali ta’ atti legali, ta’ laqgħat ġenerali annwali u laqgħat ta’ persuni ġuridiċi, ta’ atti u sitwazzjonijiet oħrajn
  • li jfasslu kuntratti
  • kustodja notarili
  • li jfasslu atti notarili li jippermettu l-infurzar
  • li jfasslu u jiddepożitaw testmenti
  • li jfasslu ftehimiet ta’ qabel iż-żwieġ (li għandhom ikunu fl-għamla ta' att notarili), ftehimiet ta' garanzij u jirreġistraw il-garanziji
  • li jawtentikaw dokumenti.

Joħorġu wkoll siltiet mir-Reġistru tal-Artijiet tar-Repubblika Ċeka, eċċ.

Responsabbiltà professjonali tan-nutara

In-nutara huma responsabbli għal kwalunkwe dannu, ħsara jew telf li jistgħu jikkawżaw meta jwettqu dmirijiethom mal-klijenti, il-persuni li jitolbu għal parir, jew persuni oħrajn ikkonċernati; huma wkoll responsabbli quddiem il-persunal tagħhom għal kwalunkwe dannu, ħsara jew telf li jistgħu jġarrbu matul xogħolhom. Biex ikopru r-riskju għandu jkollhom polza tal-assigurazzjoni tar-responsabilità.

In-nutara huma wkoll soġġetti għal azzjoni dixxiplinarja.

Is-superviżjoni mill-Istat tan-nutara hija r-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Kamra tan-Nutara tar-Repubblika Ċeka, u l-kmamar tan-nutara individwali.

Assoċjazzjoni professjonali

Il-kmamar tan-nutara, stabbiliti mil-liġi fiż-żona ta' kull qorti reġjonali u l-qorti muniċipali ta' Praga, jinkludu n-nutara kollha stabbiliti fiż-żona korrispondenti. Il-kamra tan-nutara tgawdi minn personalità ġuridika u għandha d-dħul u l-korpi tagħha stess.

Il-Kamra tan-Nutara tar-Repubblika Ċeka hija l-organizzazzjoni professjonali ċentrali awtonoma li tinkludi l-kmamar tan-nutara individwali. Hija tgawdi minn personalità ġuridika u għandha d-dħul u l-korpi tagħha stess. Il-kompiti tagħha jinkludu ż-żamma u l-ġestjoni tar-reġistru ċentrali tat-testmenti, li huwa lista mhux pubblika f'għamla elettronika li tinkludi testmenti, atti ta' diżeredazzjoni u atti li jħassruhom, rekords tal-ħatra u t-tkeċċija tal-eżekuturi testamentarji. Il-Kamra tan-Nutara tar-Repubblika Ċeka żżomm ukoll ir-reġistru tal-garaziji.

Organizzazzjoni tal-professjoni legali: ġuristi

Avukati

L-avukati għandhom ikunu membri tal-Kamra tal-Avukati Ċeka (Èeská advokátní komora), l-organizzazzjoni mhux governattiva awtonoma ċentrali responsabbli għall-professjoni.

Il-provvista tas-servizzi mill-avukati hija rregolata mill-Att Nru 85/1996, o advokacii.

Rekwiżiti għall-avukati

Biex persuna teżerċita l-professjoni ta’ avukat, hija għandha tkun imniżżla fir-reġistru tal-avukati li jinżamm mill-Assoċjazzjoni tal-Avukatura Ċeka. Biex persuna titniżżel fir-reġistru, din għandha tapplika bil-miktub u:

Is-servizzi legali jistgħu jiġu pprovduti fir-Repubblika Ċeka biss minn:

Fir-Repubblika Ċeka hemm tip wieħed biss ta’ avukat mingħajr ebda tip ta’ distinzjoni. L-avukati individwali jibnu l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom f'wieħed mill-oqsma tal-liġi biss ladarba jibdew jipprattikaw.

Drittijiet u obbligi tal-avukati

Avukat jieħu l-kariga tiegħu malli jitniżżel fir-reġistru.

Persuna li trid issir avukat tħejji għall-professjoni billi taħdem bħala avukat f’taħriġ ma’ avukat.

Ir-reġistrazzjoni mhijiex limitata fiż-żmien, iżda d-dritt li wieħed jeżerċita bħala avukat jista’ jiġi sospiż, kif speċifikat fil-liġi jew wara deċiżjoni meħuda mill-Kamra tal-Avukati Ċeka.

Id-dritt li wieħed jeżerċita bħala avukat jispiċċa meta avukat jitneħħa mir-reġistru bir-raġunijiet speċifikati mil-liġi, bħal pereżempju l-mewt jew jekk jiġi ddikjarat mejjet, it-telf jew ir-restrizzjoni tal-kapaċità ġuridika, li jitneħħa mir-reġistru bħala miżura dixxiplinarja, il-falliment, jew b’talba ta’ avukat stess. Il-Kamra tal-Avukati Ċeka tista’ wkoll tiddeċiedi li tneħħi avukat mir-reġistru.

Funzjonijiet inkompatibbli

Skont il-liġi, avukat li qed jeżerċita l-professjoni tiegħu ma jistax fl-istess ħin ikun impjegat jew ikollu pożizzjoni oħra simili, għajr bħala għalliem l-università, u ma jistax iwettaq attività li mhijiex kompatibbli ma’ dik ta’ avukat.

Remunerazzjoni

L-avukati ġeneralment jaġixxu fuq ħlas ta’ dritt mill-klijent; l-avukat jista’ jitlob għal ħlas raġonevoli minn qabel. Il-metodu għad-determinazzjoni tad-drittijiet ta' ħlas tal-avukati għas-servizzi legali, ir-rimborż tal-ispejjeż, u r-remunerazzjoni għaż-żmien tiegħu huwa rregolat minn dispożizzjoni ġeneralment vinkolanti. Bħala regola, id-dritt ta' ħlas għall-provvista ta’ servizzi legali hija stipulata f’kuntratt mal-klijent (“dritt ta' ħlas kuntrattwali”). Jekk le, din tiġi determinata skont l-iskala tad-drittijiet ta' ħlas mhux kuntrattwali tal-avukati. Jekk avukat jinħatar biex jipprovdi servizzi legali, id-drittijiet jitħallsu mill-istat.

Assoċjazzjoni professjonali

L-Assoċjazzjoni tal-Avukatura Ċeka, li għandha s-sede tagħha fi Praga u fergħa f’Brno, hija l-organizzazzjoni professjonali awtonoma għall-avukati kollha. Din għandha l-korpi tagħha stess u toħroġ regoli professjonali vinkolanti għall-avukati li jkunu ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Kamra tal-Avukati Ċeka.

Dawn jinkludu r-regoli tal-etika professjonali u r-regoli dwar il-kompetizzjoni li jirregolaw l-avukati fir-Repubblika Ċeka.

Responsabbiltà professjonali

L-avukati huma responsabbli quddiem il-klijenti tagħhom għal kwalunkwe dannu, ħsara jew telf li huma, jew l-impjegati jew ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu jikkawżaw matul xogħolhom. L-avukati għandhom ikunu assigurati kontra tali responsabbiltà.

L-avukati huma wkoll responsabbli jekk jinsabu ħatja ta’ reat dixxiplinarju li jinvolvi ksur serju jew repetut tal-obbligi tagħhom.

Bażi ta’ dejta legali

Lista ta’ avukati hija disponibbli fil-paġna tal-internet tal-Kamra tal-Avukati Ċeki. F’din il-paġna tista’ tfittex avukati mhux biss skont il-post, iżda wkoll skont l-ispeċjalizzazzjoni u l-għarfien tagħhom tal-lingwi.

L-aċċess għall-bażi ta’ dejta huwa bla ħlas?

Iva.

Avukati kummerċjali/parir legali

Fir-Repubblika Ċeka hemm tip wieħed biss ta’ avukat.

Professjonijiet legali oħra

Marixxalli tal-Qorti

Marixxall tal-qorti huwa professjonist legali indipendenti li jinforza l-implimentazzjoni skont il-Kodiċi tal-Infurzar. Il-marixxalli tal-qorti kollha għandhom ikunu membri tal-Kamra tal-Marixxalli tal-Qorti awtonoma.

Dawn huma rregolati mill-Att Nru 120/2001 dwar il-marixxalli tal-qorti u l-infurzar (il-Kodiċi tal-Infurzar).

Il-marixxalli tal-qorti jinħatru mill-Ministru tal-Ġustizzja.

Fir-Repubblika Ċeka marixxall tal-qorti huwa uffiċjal pubbliku u dmirijietu jitqiesu bħala atti tal-qorti.

Sabiex persuna tinħatar bħala marixxall tal-qorti, din għandha tkun ċittadin tar-Repubblika Ċeka u:

Ħatra u terminu

Wara li jieħu ġurament, marixxall tal-qorti jinħatar mill-Ministru tal-Ġustizzja għal post battal wara proċedura ta' għażla ppubblikata. Meta jinħatar huwa jsir membru tal-Kamra tal-Marixxalli tal-Qorti. It-tħejjija tal-kariga ta’ marixxall tal-qorti tinvolvi li l-ewwel jaħdem bħala marixxall tal-qorti f’taħriġ ma’ marixxall tal-qorti stabbilit. L-istadju li jmiss huwa marixxall tal-qorti kandidat; il-kandidati għandhom ikunu lestew eżerċizzju ta’ mill-inqas tliet snin u jkunu għaddew mill-eżami tal-marixxalli tal-qorti qabel ma jkunu jistgħu jitniżżlu fir-reġistru.

Il-ħatra mhijiex limitata fiż-żmien, iżda l-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jissospendi marixxall tal-qorti. Matul il-perjodu ta’ sospensjoni, marixxall tal-qorti ma’ jistax jaġixxi bħala marixxal tal-qorti, u jinħatar sostitut, bħalma huwa l-każ għal kwalunkwe perjodu ieħor meta l-marixxall tal-qorti ma jkunx jista’ jaħdem (pereżempju mard, vaganzi).

Persuna tieqaf tkun marixxall tal-qorti minn meta tieqaf tkun membru tal-Kamra tal-Marixxalli tal-Qorti. Dan iseħħ mal-mewt jew mad-dikjarazzjoni ta’ mewt, it-tkeċċija, it-telf taċ-ċittadinanza tar-Repubblika Ċeka, jew it-telf jew ir-restrizzjoni tal-kapaċità ġuridika.

Funzjonijiet inkompatibbli

Il-marixxalli tal-qorti ma jistgħux jeżerċitaw attività oħra bi qligħ minbarra l-ġestjoni tal-assi tagħhom stess. Madankollu, jistgħu jwettqu xogħol akkademiku, ta’ pubblikazzjoni, ta’ tagħlim, ta’ interpretazzjoni, espert jew artistiku b'remunerazzjoni.

Remunerazzjoni

Il-marixxalli tal-qorti jwettqu l-infurzar u attivitajiet oħra għal remunerazzjoni, li l-aktar tinkludi id-dritt ta' ħlas tal-marixxall tal-qorti, ir-rimborż tal-ispejjeż, ir-remunerazzjoni tal-ħin tiegħu, u r-remunerazzjoni għall-għotja ta’ ċitazzjonijiet. Id-dritt ta' ħlas tal-marixall tal-qorti tista’ tiġi deċiża bejn il-marixxall tal-qorti u l-persuna kkonċernata. Jekk ma jkun hemm l-ebda ftehim bħal dan, id-dritt ta' ħlas jiġi ddeterminat skont id-diżpozzizzjoni legali ġeneralment applikabbli. Il-marixxalli tal-qorti għandhom id-dritt jitolbu għal ħlas raġonevoli minn qabel tal-ispejjez tal-infurzar.

Responsabbiltà professjonali

Il-marixxalli tal-qorti huma responsabbli għal kwalunkwe dannu, ħsara jew telf ikkawżat matul ix-xogħol ta’ infurzar tagħhom, minnhom stess jew mill-impjegati tagħhom. Għandhom ikunu koperti minn assigurazzjoni tar-responsabbiltà.

Il-marixxalli tal-qorti u l-kandidati marixxalli tal-qorti huma wkoll responsabbli għar-reati dixxiplinarji li jinvolvu ksur tal-obbligi tagħhom skont il-liġi jew li jikkawżaw dannu serju jew ripetut għad-dinjità tal-professjoni.

Għal aktar dettalji ara l-paġna tal-internet Kamra tal-Marixxalli tal-Qorti

Organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi legali pro bono (bla ħlas)

Hemm għadd ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li jipprovdu għajnuna legali pubblika f’oqsma diversi: pereżempju Ekologický právní servis, luridicum remedium.

F’ċerti każijiet speċifiċi l-Kamra tal-Avukati Ċeka tipprovdi parir legali bla ħlas ukoll.

L-Assoċjazzjoni tal-Avukatura Ċeka tipprovdi parir legali bla ħlas dwar kwistjonijiet ta’ infurzar.

L-aħħar aġġornament: 13/05/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.