Tipi ta’ professjonijiet legali

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

Professjonijiet legali – Introduzzjoni

Professjonijiet relatati oħrajn

F’Ċipru, ma hemm l-ebda professjoni relatata, bħal, ngħidu aħna, il-professjoni ta’ nutar pubbliku. Dak kollu li għandu x’jaqsam mal-affarijiet legali huwa materjal legali u l-membri tal-Assoċjazzjoni tal-Avukatura ta’ Ċipru (Pankýprios Dikigorikós Sýllogos) biss jistgħu jipprattikaw skont il-liġijiet rilevanti. Naturalment, l-avukati rtirati jistgħu jkomplu jaħdmu bħala konsulenti legali interni kemm f’ditti tal-avukati eżistenti kif ukoll f’organizzazzjonijiet oħrajn.

Professjoni li jista’ jingħad li hija professjoni relatata hija dik tal-paralegali (dikigorikoí ypálliloi), li għaliha hemm leġiżlazzjoni separata. Il-persuni li jixtiequ jsiru paralegali jridu jkunu temmew edukazzjoni fil-livell sekondarju, iridu jkunu ħadmu għal mill-inqas 6 xhur konsekuttivi f’ditta tal-avukati, irid ikollhom karattru impekkabbli u jridu jippreżentaw applikazzjoni quddiem ir-Reġistratur (Protokollitís) tal-Qorti Distrettwali (Eparchiakó Dikastírio) li fid-distrett tagħha tinsab id-ditta tal-avukati fejn jaħdem il-kandidat.

Il-Prosekuturi (Dimósioi Katígoroi)

Organizzazzjoni

Ġenerali

Minbarra l-kapaċità tiegħu bħala konsulent legali għall-Istat, l-Avukat Ġenerali (Genikós Eisangeléas) tar-Repubblika jmexxi anke l-Uffiċċju Legali (Nomikí Ypiresía) u jagħmilha ta’ Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi (Ypéfthynos tis Ypiresías Diacheírisis Poinikón Ypothéseon).

Fl-Uffiċċju Legali tar-Repubblika, li huwa mmexxi mill-Avukat Ġenerali, jaħdmu avukati, li wħud minnhom ikunu speċjalizzati fil-liġi kriminali u jieħdu ħsieb il-kawżi li jinstemgħu quddiem il-Qrati Kriminali.(Kakourgiodykeía). Fil-każijiet kollha, l-Avukat Ġenerali jiġi infurmat u joħroġ il-linji gwida rilevanti.

Minbarra l-membri tal-Uffiċċju Legali, il-membri tal-Forza tal-Pulizija ta’ Ċipru (Astynomikí Dýnami Kýprou) li jkollhom lawrja fil-liġi u l-kwalifiki biex jipprattikaw bħala avukati jagħmluha wkoll ta’ prosekuturi pubbliċi. Għalkemm huma uffiċjali tal-pulizija, dawn il-persuni jirrapportaw u jwieġbu lill-Avukat Ġenerali waqt li jkunu qed jaġixxu ta’ prosekuturi pubbliċi . L-Avukat Ġenerali għandu l-istess poteri b’relazzjoni max-xogħol imwettaq minn dawn il-persuni li għandu max-xogħol imwettaq mill-avukati tal-Uffiċċju Legali.

F’każijiet eċċezzjonali, l-Avukat Ġenerali għandu l-awtorità li jiddelega kawżi speċifiċi lil avukati prattikanti ta’ reputazzjoni tajba.

Rwol u dmirijiet tal-prosekuturi pubbliċi

Is-servizz tal-prosekuzzjoni (Katigoroúsa Archí) quddiem il-qrati kriminali distrettwali jitmexxa mill-avukati li jaħdmu fid-dipartimenti tal-prosekuzzjoni tal-pulizija, għalkemm dan naturalment ma jipprekludix il-possibbiltà f’każijiet speċifiċi li membru tal-Uffiċċju Legali jingħata struzzjonijiet biex iwettaq dan ix-xogħol. Is-servizz tal-prosekuzzjoni ta’ quddiem il-Qrati Kriminali jitmexxa mill-avukati li jaħdmu fl-Uffiċċju Legali. Irrispettivament minn min jidderieġi s-servizz tal-prosekuzzjoni, huma lkoll jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Avukat Ġenerali, li jista’ jintervjeni fi kwalunkwe mument u okkażjonalment jista’ jissospendi l-proċedimenti kriminali.

L-Uffiċċju Legali huwa mmexxi mill-Avukat Ġenerali, assistit mid-Deputat Avukat Ġenerali (Voithós Genikós Eisangeléas), segwit mill-Avukati tar-Repubblika (Eisangeleís tis Dimokratías), mill-Prosekuturi Anzjani tar-Repubblika (Anóteroi Dikigóroi tis Dimokratías) u mill-Prosekuturi tar-Repubblika (Dikigóroi tis Dimokratías). Wieħed mill-Avukati tar-Repubblika jmexxi s-Sezzjoni tal-Liġi Kriminali (Poinikó Tmíma), u anke dan jirrapporta lill-Avukat Ġenerali.

Is-sistema tas-smigħ hija ta’ natura kontradittorja. Is-servizz tal-prosekuzzjoni jippreżenta l-evidenza tiegħu u x-xhieda li jsejjaħ jiġu eżaminati, kontroeżaminati u eżaminati mill-ġdid. Ladarba s-servizz tal-prosekuzzjoni jkun sejjaħ lix-xhieda kollha, il-qorti tkun meħtieġa tiddeċiedi jekk is-servizz tal-prosekuzzjoni jkunx stabbilixxa każ prima facie. Jekk iva, l-akkużat jintalab jiddikjara jekk huwiex ħati jew le u l-qorti tinformah li jista’ jsejjaħ ix-xhieda tiegħu u jixhed taħt ġurament, f’liema każ kemm ix-xhieda tal-akkużat kif ukoll l-akkużat jiġu kontroeżaminati mis-servizz tal-prosekuzzjoni. Inkella, huwa jista’ jagħmel dikjarazzjoni mhux ġuramentata mill-iżbarra, f’liema każ ma jkunx hemm kontroeżami.

Il-qorti tagħti s-sentenza fl-aħħar tas-seduta. F’każ li l-akkużat ma jinstabx ħati, l-akkużat jiġi ddikjarat li mhux ħati u jinħeles. Fil-każ li jinstab ħati, id-difiża tingħata l-opportunità li titlob sentenza mnaqqsa u, ladarba l-proċedimenti jintemmu, il-qorti tagħti s-sentenza xierqa.

L-Imħallfin

Organizzazzjoni

L-istruttura tal-qrati f’Ċipru hija sempliċi ferm.

Qorti Suprema (Anótato Dikastírio)

Il-Qorti Suprema nħolqot fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (Dispożizzjonijiet Mixxellanji) tal-1964 (O perí Aponomís tis Dikaiosínis (Poikílai Diatáxeis) Nómos tou 1964) [il-Liġi 33/1964] wara li l-Presidenti kemm tal-Qorti Suprema kif ukoll tal-Qorti Kostituzzjonali Suprema (Anótato Syntagmatikó Dikastírio) kienu rriżenjaw, biex b’hekk essenzjalment xoljew iż-żewġ qrati inkwistjoni, peress li r-rappreżentanti tal-Komunità Torka fid-diversi entitajiet tal-Istat naqsu milli jattendu u jagħtu l-kunsens tagħhom għad-deċiżjonijiet meħtieġa.

Il-membri tal-Qorti Suprema jinħatru mill-President tar-Repubblika ta’ Ċipru. Bħalissa hemm 13-il membru, b’wieħed minnhom jinħatar bħala President. Bħala membri tal-Qorti Suprema jistgħu jinħatru persuni b’karattru impekkabbli b’mill-inqas 12-il sena servizz iddedikat għall-professjoni legali.

Qrati Kriminali (Kakourgiodikeía)

Il-Qorti Kriminali hija l-qorti kriminali suprema tal-prim’istanza tar-Repubblika u tinkludi tliet imħallfin (il-President (Próedros), Imħallef Superjuri tal-Qorti Distrettwali (Anóteros Eparchiakós Dikastís) u Mħallef tal-Qorti Distrettwali (Eparchiakós Dikastís). Il-membri tal-Qorti Kriminali jinħatru mill-Qorti Suprema għal mandat ta’ sentejn mill-gradi tal-Presidenti tal-Qrati Distrettwali, tal-Imħallfin Superjuri tal-Qrati Distrettwali u tal-Imħallfin tal-Qrati Distrettwali rispettivament).

Qrati Distrettwali (Eparchiaká Dikastíria)

Hemm Qorti Distrettwali f’kull distrett tar-Repubblika ta’ Ċipru b’ġuriżdizzjoni bla limiti, ħlief, naturalment, f’materji li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Suprema u tal-qrati speċjalizzati li jissemmew iktar ’l isfel. L-Imħallfin tal-Qrati Distrettwali huma maqsuma fi Presidenti tal-Qrati Distrettwali, fi Mħallfin Superjuri tal-Qrati Distrettwali u fi Mħallfin tal-Qrati Distrettwali. L-Imħallfin tal-Qrati Distrettwali jinħatru, jiġu ttrasferiti u jiġu promossi mill-Qorti Suprema.

Qrati tal-familja (Oikogeneiaká Dikastíria)

Il-Qrati tal-Familja, li kienu stabbiliti fuq il-bażi tal-Liġi dwar il-Qrati tal-Familja (O perí Oikogeneiakón Dikastiríon Nómos) [il-Liġi 23/90], huma komposti minn tliet membri (president u żewġ imħallfin assoċjati), li lkoll ikollhom għarfien legali u jridu jkunu pprattikaw il-liġi b’suċċess qabel ma nħatru.

Tribunal tal-Kontroll tal-Kera (Dikastírio Elénchou Enoikiáseon)

Din il-qorti speċjalizzata hija komposta minn tliet membri: president u żewġ imħallfin assoċjati. Il-president tal-qorti jrid ikun avukat li jkun ipprattika b’suċċess il-liġi għal mill-inqas l-istess numru ta’ snin li jkunu meħtieġa biex kandidat jinħatar imħallef tal-Qorti Distrettwali.

Tribunal tat-Tilwim industrijali (Dikastírio Ergatikón Diaforón)

L-istess bħat-Tribunal tal-Kontroll tal-Kera, it-Tribunal tat-Tilwim Industrijali huwa kompost minn tliet membri (president u żewġ imħallfin assoċjati). Il-president irid ikun avukat li pprattika għal 5 snin qabel ma nħatar imħallef tal-qorti.

Qorti Militari (Stratiotikó Poinikó Dikastírio)

L-aħħar qorti speċjalizzata hija l-Qorti Militari, li hija ppreseduta minn avukat b’reputazzjoni tajba li, meta jinħatar, ikollu l-kwalifiki meħtieġa biex jinħatar imħallef tal-Qorti Distrettwali. Il-president tal-Qorti Militari jrid ikun fizzjal militari tal-armata bi grad mill-inqas ta’ kurunell. L-imħallfin assoċjati tal-Qorti Militari jridu jkunu membri tal-persunal militari professjonali li jservi fl-armata.

Direttorju (Evretírio)

Hemm direttorju fis-sit elettroniku tal-Qorti Suprema li jinkludi xi informazzjoni ġenerali dwar il-qrati f’Ċipru.

Rwoli u dmirijiet

Qorti Suprema (Anótato Dikastírio)

Il-Qorti Suprema tagħmilha ta’ qorti tal-appell mis-sentenzi mogħtija mill-qrati inferjuri kollha fir-Repubblika ta’ Ċipru u bħala qorti tal-prim’istanza rigward diversi materji bħal-liġi amministrattiva u kwistjonijiet li jinvolvu lill-ammiraljat. Hija toħroġ ukoll certiorari, mandamus u ordnijiet oħrajn, u tissorvelja lill-qrati l-oħrajn kollha fir-Repubblika ta’ Ċipru sabiex tiżgura li lkoll joperaw mingħajr problemi u teżerċita kontroll dixxiplinari fuq il-membri tal-ġudikatura.

Qrati Kriminali (Kakourgiodikeía)

Ħlief għal ċerti reati ferm serji, kull Qorti Kriminali għandha l-ġuriżdizzjoni li tisma’ fil-prim’istanza r-reati kollha li jġorru piena taħt il-Kodiċi Kriminali (Poinikós Kódikas) jew taħt kwalunkwe liġi oħra li twettqu fil-konfini tar-Repubblika jew fiż-Żoni tal-Bażijiet Sovrani u li jinvolvu lil Ċiprijotti jew bħala dawk li wettqu r-reat jew bħala vittmi, jew fi kwalunkwe pajjiż ieħor waqt li l-akkużat kien qed jaħdem għar-Repubblika, jew fuq bastiment jew ajruplan fir-Repubblika, jew fi kwalunkwe post ieħor ta’ din ix-xorta u f’kull ċirkustanza ta’ din ix-xorta kif jista’ jkun previst mil-liġi.

Qrati Distrettwali (Eparchiaká Dikastíria)

Il-Qrati Distrettwali komposti minn president għandhom il-ġuriżdizzjoni li jisimgħu u li jagħtu deċiżjoni fil-prim’istanza rigward kwalunkwe rikors li jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni lokali tagħhom.

Kull Imħallef Superjuri tal-Qorti Distrettwali jew kull Imħallef tal-Qorti Distrettwali għandu ġuriżdizzjoni (bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet) sabiex jagħti deċiżjoni dwar kwalunkwe rikors fejn is-somma kkontestata jew il-valur tat-tilwima inkwistjoni ma taqbiżx l-EUR 500,000.00 għal Imħallef Superjuri tal-Qorti Distrettwali u l-EUR 100,000.00 għal Imħallef tal-Qorti Distrettwali.

Il-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Qrati Distrettwali tkopri r-reati kollha mwettqa fil-limiti tad-distrett tal-qorti u li jġorru piena prevista mil-liġi li ma taqbiżx il-5 snin ħabs jew multa ta’ EUR 50,000.00 u/jew it-tnejn u fejn il-qorti tista’ tordna li l-vittma tingħata kumpens sa EUR 6,000.00.

Is-sentenzi kollha mogħtija mill-Qrati Distrettwali, kemm f’kawżi kriminali kif ukoll f’kawżi ċivili, jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem il-Qorti Suprema mingħajr restrizzjoni.

Qrati speċjalizzati

Il-ġuriżdizzjoni tal-Qrati tal-Familja tkopri kważi t-tilwim kollu bejn il-konjuġi. Il-ġuriżdizzjoni tat-Tribunal tal-Kontroll tal-Kera hija limitata għat-tilwim li jinvolvi bini suġġetti għall-kontroll tal-kera. Il-ġuriżdizzjoni tat-Tribunal tat-Tilwim Industrijali tkopri biss ir-relazzjonijiet bejn min iħaddem u l-impjegat, speċjalment f’każijiet ta’ tkeċċija allegatament inġusta. Il-Qorti Militari għandha ġuriżdizzjoni li tisma’ kawżi kriminali li jinvolvu lill-membri tal-Gwardja Nazzjonali (Ethnikí Frourá) jew fejn ikunu nkisru r-regolamenti dwar il-Gwardja Nazzjonali.

Is-sentenzi kollha mogħtija mill-qrati li ssemmew iktar ’il fuq jistgħu jiġu appellati quddiem il-Qorti Suprema.

Organizzazzjoni tal-professjonijiet legali: Avukati (Dikigóroi)

Hemm sistema standard biex jingħataw is-servizzi legali fir-Repubblika ta’ Ċipru u dawk kollha involuti fl-offerta ta’ tali servizzi jissejħu avukati, irrispettivament mill-pajjiż fejn ikunu studjaw u mil-lawrja universitarja li jkunu kisbu matul l-istudji legali tagħhom.

Fuq l-internet hemm direttorju tal-avukati li għalih għandhom aċċess mingħajr ħlas l-avukati u l-imħallfin u li l-pubbliku jista’ jkollu aċċess għalih bi ħlas.

Bażijiet tad-data legali

Ma hemm l-ebda sit elettroniku uffiċjali fejn jiġu ppubblikati s-sentenzi. Għażla ta’ sentenzi reċenti magħżula jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-Qorti Suprema.

Hemm għadd ta’ siti elettroniċi privati li joffru aċċess għall-ġurisprudenza, jew bi ħlas jew mingħajr ħlas. Is-sit web ta’ leginetcy jinkludi leġiżlazzjoni, ġurisprudenza u atti amministrattivi regolatorji u huwa mingħajr ħlas għall-avukati, għall-imħallfin u għad-dipartimenti tal-gvern. Kwalunkwe persuna oħra li tixtieq ikollha aċċess għal dan is-sit elettroniku trid tħallas. Is-sit elettroniku ta’ cylaw jinkludi s-sentenzi tal-qrati u huwa mingħajr ħlas għal kull min jixtieq ikollu aċċess għalih.

Avukati/Konsulenti legali (Nomikoí Sýmvouloi)

Kif imsemmi aktar ’il fuq, Ċipru għandha sistema standard li fiha jipprattikaw l-avukati/il-konsulenti legali.

Nutara pubbliċi (Symvolaiográfoi)

Il-professjoni tan-nutar pubbliku ma teżistix f’Ċipru. Ix-xogħol li normalment isir minn nutar pubbliku jitwettaq minn avukat.

Professjonijiet legali oħra

Fir-Repubblika ta’ Ċipru, il-professjonijiet li ġejjin huma relatati mal-professjoni legali.

Reġistraturi (Protokollités)

Ir-reġistraturi jinħatru mill-Qorti Suprema. Dawn huma uffiċjali tal-qrati li ġeneralment ikunu avukati u jkollhom għarfien legali sod. Ir-reġistraturi għandhom dmirijiet speċifiċi, kif inhu previst mil-liġi rilevanti. L-iktar reġistratur anzjan huwa l-kap tal-persunal tal-qrati u huwa responsabbli mis-sorveljanza ġenerali tagħhom. Reġistratur jista’ jinħatar ukoll għal dan il-għan mill-Qorti Suprema.

Uffiċjali ġudizzjarji (Epidótes)

Hemm żewġ tipi ta’ uffiċjali ġudizzjarji: uffiċjali ġudizzjarji tas-settur privat li l-attività tagħhom hija limitata għan-notifika ta’ diversi dokumenti tal-qrati u l-uffiċjali ġudizzjarji mħallsa mill-qrati li jkunu involuti prinċipalment biex jeżegwixxu s-sentenzi tal-qrati.

Paralegali (Dikigorikoí Ypálliloi)

It-titolu ta’ paralegali (dikigorikós ypállilos) jinkiseb mat-tlestija ta’ 6 xhur xogħol ma’ ditta tal-avukati u wara li tiġi ppreżentata applikazzjoni lir-reġistratur tal-Qorti Distrettwali li fid-distrett tagħha tinsab id-ditta tal-avukati fejn jaħdem il-kandidat.

Links rilevanti

Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

Qorti Suprema

L-aħħar aġġornament: 11/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.