Tipi ta’ professjonijiet legali

Bulgarija

Din il-paġna tagħti informazzjoni dwar il-professjonijiet legali fil-Bulgarija Professjonijiet legali: Introduzzjoni Prosekuturi Investigaturi Imħallfin L-organizzazzjoni tal-professjoni legali: Attorneys-at-law Nutara Professjonijiet legali oħra

Il-kontenut ipprovdut minn
Bulgarija

Il-professjonijiet legali: Introduzzjoni

Il-professjonijiet legali ewlenin fil-Bulgarija huma: prosekutur pubbliku, investigatur, imħallef, avukat, nutar pubbliku, bailiff privat, bailiff tal-Istati u l-imħallef tar-reġistru. Dawn il-professjonijiet huma regolati minn dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u l-Att dwar is-Sistema Ġudizzjarja.

Prosekuturi pubbliċi

Organizzazzjoni

Is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika fir-Repubblika tal-Bulgarija tikkonsisti fil-Prosekutur-Ġenerali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Kassazzjoni Suprema, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Amministrattiv Suprem, is-Servizz Nazzjonali tal-Investigazzjoni, l-uffiċċji tal-prosekuturi tal-appell, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat fl-Appell, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Appelli Militari, l-uffiċċju tal-prosekuturi provinċjali, l-uffiċċji ta’ Prosekuturi Speċjalizzati, l-uffiċċju tal-prosekuturi provinċjali militari u l-uffiċċji tal-prosekuturi distrettwali. Fi ħdan l-istruttura tal-uffiċċji tal-prosekuturi provinċjali, hemm dipartimenti għall-investigazzjonijiet provinċjali, u fi ħdan l-istruttura tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat, hemm Dipartiment tal-Investigazzjoni. L-uffiċċji tal-prosekuturi provinċjali għandhom dipartimenti amministrattivi li l-prosekuturi tagħhom jieħdu sehem fil-proċeduri ta’ każijiet amministrattivi.

Is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika huwa kemm unifikat u ċentralizzat. Il-prosekuturi u l-investigaturi huma kollha subordinati għall-Prosekutur Ġenerali. Kull prosekutur iwieġeb lill-prosekutur superjuri rispettiv tiegħu, u l-prosekuturi u l-investigaturi kollha huma subordinati għal kap amministrattiv tal-uffiċċju tal- prosekutur rispettiv. Il-prosekuturi u l-investigaturi militari huma indipendenti mill-awtoritajiet militari fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Il-Prosekutur-Ġenerali huwa maħtur (u jitneħħa) mill-President tar-Repubblika tal-Bulgarija, fuq proposta tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem (Vissh Sadeben Savet) (VSS) għal perjodu ta’ seba’ snin, u mhuwiex eliġibbli għat-tieni mandat fil-kariga.

Il-prosekuturi jinħatru, jingħataw promozzjoni, jitnaqqsilhom il-grad, jiġu trasferiti u mneħħija mill-kariga b'deċiżjoni tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem.

Il-karigi tal-prosekutur u l-esperjenza preċedenti meħtieġa huma kif ġej:

  • Prosekutur fl-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Kassazzjoni Suprema u prosekutur fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Amministrattiv Suprem — mill-inqas 12-il sena esperjenza legali;
  • Prosekutur fl-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Appelli, prosekutur fl-Uffiċċju tal-Prosekuturi tal-Appelli Militari u prosekutur fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat fl-Appelli — mill-inqas għaxar snin ta’ esperjenza legali, iżda għal prosekutur fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat fl-Appelli — mill-inqas 12-il sena esperjenza, tal-inqas tmienja minnhom bħala prosekutur jew investigatur;
  • Prosekutur f'uffiċċju ta' prosekutur provinċjali, prosekutur f’uffiċċju ta' prosekutur militari provinċjali, prosekutur fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat — mill-inqas tmien snin ta’ esperjenza legali, iżda għal prosekutur fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat — mill-inqas għaxar snin esperjenza, ħamsa minnhom bħala prosekutur jew investigatur;
  • Prosekutur fl-Uffiċċju tal-prosekutur distrettwali — mill-inqas tliet snin esperjenza legali;
  • Prosekutur subordinat — l-ebda esperjenza meħtieġa.

Soġġetti għal evalwazzjoni komprensiva pożittiva tal-prestazzjoni, il-prosekuturi isiru tal-post b'deċiżjoni tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem wara ħames snin fil-kariga

Ir-rwol u l-funzjonijiet

Il-Prosekutur-Ġenerali jmexxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur u joħroġ istruzzjonijiet u gwida dwar l-attivitajiet tas-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika; flimkien mal-maniġers tal-Ministeri u l-istituzzjonijiet tal-Istat, hu jew hi tistabbilixxi unitajiet interdipartimentali speċjalizzati biex jgħinu f’investigazzjonijiet taħt il-gwida proċedurali ta’ prosekutur maħtura minnu jew minnha. Il-Prosekutur-Ġenerali jista’ jirreferi kwistjonijiet lill-Qorti Kostituzzjonali.

Il-prosekutur imexxi investigazzjoni bħala prosekutur ta' superviżjoni.. Hu jew hi tista’ tressaq oġġezzjonijiet u titlob ir-revoka jew l-emenda ta’ miżuri illegali fil-limiti taż-żmien u skont il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi. Hu jew hi tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni ta’ miżura sakemm l-oġġezzjoni tiġi kkunsidrata mill-awtorità rilevanti. Jista' jsir appell mill-atti u l-kuntratti kollha ta' uffiċċju ta' prosekutur quddiem l-uffiċċju tal-prosekuturi direttament fuqu, sakemm dawn ma jkunux suġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja. Prosekutur superjuri jew prosekutur minn uffiċċju ta' prosekutur superjuri jista’ jwettaq azzjonijiet li jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni ta’ prosekuturi subordinati, u jista’ jissospendi jew jirrevoka d-deċiżjonijiet tagħhom bil-miktub f’kawżi speċifikati mil-liġi.

Fil-qadi ta’ dmirijiethom, il-prosekuturi huma indipendenti u jaġixxu skont il-leġiżlazzjoni. Il-prosekuturi, li huma politikament newtrali, jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq il-liġi u l-evidenza miġbura fil-każ li jkollhom quddiemhom, u huma ggwidati mill-kuxjenza u t-twemmin tagħhom.

Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Bulgarija (Prokuraturata na Republika Balgariya).

L-Assoċjazzjoni tal-Prosekuturi Pubbliċi fil-Bulgarija hija assoċjazzjoni volontarja u mhux politika ta' maġistrati li jaħdmu jew li ħadmu fis-sistema tal-prosekuzzjoni pubblika tal-pajjiż. L-għan tal-Assoċjazzjoni huwa li tiġbor flimkien il-maġistrati tal-prosekuzzjoni pubblika ta' madwar il-pajjiż u tipprovdi forum għall-għoti ta' informazzjoni neċessarja u l-iskambju ta' opinjonijiet fuq kwistjonijiet relatat max-xogħol tal-prosekuzzjoni, kif ukoll l-espansjoni tal-kuntatti internazzjonali tas-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika u l-prosekuturi. Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq il-websajt tal-Assoċjazzjoni: - http://ecocrime.bg

L-investigaturi

Taħt l-Att dwar il-Ġudikatura, l-investigaturi fir-Repubblika tal-Bulgarija għandhom l-istatus ta' maġistrati (imħallfin u prosekuturi).

Il-korpi investigattivi huma s-Servizz Nazzjonali tal-Investigazzjoni (NSlS), id-dipartimenti provinċjali tal-investigazzjoni fl-uffiċċji tal-prosekuturi provinċjali u d-dipartiment ta' investigazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat. Id-dipartiment ta' investigazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Belt ta’ Sofija għandu l-istatus ta’ dipartiment tal-investigazzjoni provinċjali.

Is-Servizz Nazzjonali tal-Investigazzjoni huwa mmexxi mill-Prosekutur Ġenerali, jew direttament jew permezz tad-Direttur tas-Servizz, li jirrappreżenta lill-Prosekutur-Ġenerali għall-iskop ta’ investigazzjonijiet. Id-Direttur tas-Servizz Nazzjonali tal-Investigazzjoni huwa responsabbli għall-ġestjoni amministrattiva u organizzattiva tal-investigaturi u l-persunal fl-NIS u jipprovdi gwida metodoloġika lil investigaturi mis-servizzi ta' investigazzjoni provinċjali tal-uffiċċji tal-prosekuturi provinċjali.

Id-dipartimenti ta’ investigazzjoni provinċjali fl-uffiċċji tal-prosekuturi provinċjali u d-dipartiment tal-investigazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat huma magħmula minn investigaturi.

L-investigaturi fid-dipartimenti ta’ investigazzjoni provinċjali fl-uffiċċji tal-prosekuturi provinċjali u fid-dipartiment ta' investigazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat jwettqu investigazzjonijiet fil-każijiet li jkunu ngħatawlhom mill-prinċipal amministrattiv tal-uffiċċju tal-prosekutur rispettiv.

Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom b’rabta ma’ proċeduri kriminali, l-awtoritajiet investigattivi jaġixxu taħt id-direzzjoni u s-superviżjoni ta’ prosekutur pubbliku.

L-ordnijiet maħruġa minn investigaturi matul investigazzjoni jorbtu lill-korpi Statali kollha, entitajiet ġuridiċi u ċ-ċittadini.

Imħallfin

L-Imħallfin fil-Bulgarija jinħatru, jingħataw promozzjoni, jitnaqqsilhom il-grad, jiġu trasferiti u jitneħħew mill-kariga b'deċiżjoni tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem.

Organizzazzjoni

Il-karigi li ġejjin jeżistu għal imħallfin li jkollhom l-esperjenza meħtieġa:

  • Imħallef fil-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u mħallef fil-Qorti Amministrattiva Suprema — mill-inqas 12-il sena esperjenza legali;
  • Imħallef f’qorti tal-appell, imħallef f'qorti tal-appell militari, imħallef fil-Qorti Kriminali Speċjalizzata tal-Appell — mill-inqas għaxar snin esperjenza legali, iżda għal imħallef fil-Qorti Kriminali Speċjalizzata tal-Appell — mill-inqas 12-il sena esperjenza, tmienja minnhom bħala mħallef f’kawżi kriminali;
  • Imħallef f’qorti provinċjali, imħallef f'qorti amministrattiva, imħallef f'qorti militari, imħallef fil-Qorti Kriminali Speċjalizzata — mill-inqas tmien snin esperjenza legali, iżda għal imħallef fil-Qorti Kriminali Speċjalizzata — mill-inqas għaxar snin esperjenza, ħamsa minnhom bħala mħallef f’kawżi kriminali;
  • Imħallef f'qorti distrettwali — mill-inqas tliet snin esperjenza legali;
  • Imħallef subordinat — l-ebda esperjenza meħtieġa.

Soġġetti għal evalwazzjoni komprensiva pożittiva tal-prestazzjoni, l-imħallfin isiru tal-post b'deċiżjoni tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem wara ħames snin fil-kariga.

L-Unjoni tal-Imħallfin fil-Bulgarija (SSB) twaqqfet f’Sofija fit-28 ta’ Marzu 1997 minn 30 membru fundatur, inklużi mħallfin mill-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-qrati provinċjali u distrettwali madwar il-pajjiż.

L-Unjoni tal-Imħallfin fil-Bulgarija ssuċċediet l-Unjoni tal-Imħallfin Bulgari, li twaqqfet fl-1919 u baqgħet attiva sal-1945, bħala organizzazzjoni professjonali informali li tiġbor flimkien il-komunità tal-imħallfin bl-għan li tipproteġi l-interessi professjonali tagħha kif ukoll sabiex isiru diskussjonijiet u jinstabu soluzzjonijiet għal problemi.

Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Unjoni tal-Imħallfin fil-Bulgarija (Sayuz na Sadiite v Balgariya).

L-Assoċjazzjoni Bulgara tal-Imħallfin kienet maħluqa sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jgawdu l-imparzjalità, it-trasparenza u l-aċċess għall-ġustizzja.

Fi ħdan il-qafas tas-sistema ġudizzjarja, l-Assoċjazzjoni tagħmel l-almu tagħha biex taħdem f’konformità mal-Kostituzzjoni u dispożizzjonijiet statutorji, filwaqt li fl-istess ħin issegwi r-regoli tal-etika professjonali. Aktar informazzjoni tista' tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni Bulgara tal-Imħallfin - https://judgesbg.org

Ir-rwol u l-funzjonijiet

L-Unjoni tal-Imħallfin fil-Bulgarija tiġbor il-fajls, inklużi dawk dwar proċedimenti dixxiplinari kontra l-imħallfin, isservi bħala medjatur f’tilwim bejn l-imħallfin u impjegati oħra taċ-ċivil, tipprovdi assistenza lil-leġiżlatura matul il-proċess leġiżlattiv, iżżomm rekords u toħroġ il-ġurnal tagħha stess.

Assistenti ġudizzjarji u assistenti tal-prosekuzzjoni

L-assistenti ġudizzjarji jaħdmu fil-qrati provinċjali u amministrattivi, fil-qrati tal-appell, il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni u l-Qorti Amministrattiva Suprema.

L-assistenti tal-prosekuzzjoni jaħdmu fl-uffiċċji tal-prosekuturi provinċjali u tal-appell, fl-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Kassazzjoni Suprema u l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Amministrattiva Suprema.

Il-persuni li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti għall-pożizzjoni ta’ mħallef, prosekutur jew investigatur, u li jkunu għaddew minn kompetizzjoni b'eżami għal uffiċjali ġudizzjarji jinħatru bħala assistenti ġudizzjarji jew assistenti tal-prosekuzzjoni.

L-assistenti ġudizzjarji jinħatru mill-kap amministrattiv tal-qorti rilevanti. L-assistenti tal-prosekuzzjoni jinħatru mill-Prosekutur Ġenerali jew mill-kap amministrattiv tal-uffiċċju tal-prosekutur rilevanti.

L-organizzazzjoni tal-professjoni legali: Attorneys at law

Attorneys at law

Fil-Bulgarija, il-professjoni ta’ attorney at law hija professjoni stabbilita fil-Kostituzzjoni. Huma biss il-persuni li ħadu l-ġurament xieraq u jiddaħħlu fir-reġistru tal-kamra tal-avukati li jistgħu jsiru attorneys at law. Kull distrett ġudizzjarju ta' qorti provinċjali għandu Kamra tal-Avukati. Dawn huma subordinati għal Kunsill Suprem tal-Avukati, li għandu s-sede tiegħu f’Sofija. L-istatus, id-drittijiet u l-obbligi tal-attorneys at law huma regolati mill-Att tal-Avukati tal-Bulgarija.

Il-Kunsill Suprem tal-Avukati huwa entità ġuridika li jinkludi rappreżentanti tal- assoċjazzjonijiet tal-avukati, il-proporzjon ta' rappreżentazzjoni huwa ta' delegat għal kull 40 attorney at law.

Il-Kunsill Suprem tal-Avukati jlaqqa' u jorganizza l-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali tal-Attorneys at Law Bulgari, jeżegwixxi d-deċiżjonijiet tagħha u jipprepara u jissottometti rapporti lill-Assemblea Ġenerali, jiddetermina l-kontribuzzjonijiet inizjali u annwali tal-attorneys at law għall-baġit tagħha, joħroġ ordinanzi skont l-Att tal-Avukati, jiddeċiedi l-appelli kontra deċiżjonijiet illegali tal-assemblej ġenerali tal-assoċjazzjonijiet tal-avukati u kontra l-legalità ta’ elezzjoni ta’ kunsill tal-avukati, jiddeċiedi l-appelli u l-protesti kontra d-deċiżjonijiet tal-kunsilli tal-avukati fuq l-ammissjoni ta' attorneys at law għal apprentistati u kontra r-rifjuti li jirreġistraw l-attorneys at law, jiżgura u japprova l-infiq fir-rigward tal-operat tal-Bord ta' Kontroll Suprem u t-Tribunal Suprem tad-Dixxiplina.

Il-Kunsill Suprem tal-Avukati jżomm reġistru tal-attorneys at law, wieħed tal-attorneys at law subordinati u ta’ ditti tal-avukati, u wieħed tal-attorneys at law barranin li għandhom id-dritt li jidhru bħala avukati difensuri quddiem il-qrati Bulgari.

Bażi tad-dejta ġuridika

Għal aktar informazzjoni ara s-sit elettroniku tal-Kunsill Suprem tal-Avukati (Visshiya Advokatski Savet).

Nutara

Organizzazzjoni

In-nutar huwa persuna maħtura mill-Istat biex iwettaq l-attivitajiet notarili previst mil-liġi. Fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, nutar huwa indipendenti u għandu jikkonforma biss mal-liġi. Il-Ministru tal-Ġustizzja jissorvelja l-attivitajiet tan-nutara kollha fir-rigward tal-konformità mal-liġi u l-istatut tal-Kamra tan-Nutara.

L-istatus, id-drittijiet u l-obbligi tan-nutara huma regolati mill-Att dwar in-Nutara u l-Attivitajiet Notarili tal-Bulgarija.

Ir-rwol u l-funzjonijiet

Il-Kamra tan-Nutara (Notarialnata Kamara) hija organizzazzjoni tan-nutara fir-Repubblika tal-Bulgarija li ġiet imwaqqfa taħt l-Att dwar in-Nutara u l-Attivitajiet Notarili. In-nutara kollha huma membri, bid-dritt, tal-Kamra tan-Nutara, li għandha personalità ġuridika u hija bbażata f’Sofija.

Il-korpi regolatorji tal-Kamra tan-Nutara huma l-Assemblea Ġenerali, il-Kunsill tan-Nutara, il-Bord ta' Superviżjoni u l-Kumitat tad-Dixxiplina. Il-Kamra tan-Nutara hija rappreżentata mill-President tal-Kunsill tan-Nutara.

Il-Kamra tan-Nutara torganizza u tipprovdi appoġġ għall-attivitajiet notarili, tħares u tippromwovi l-prestiġju tal-professjoni u żżomm relazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali li għandhom attivitajiet simili.

Għal aktar informazzjoni ara s-sit elettroniku tal-Kamra tan-Nutara (Notarialnata Kamara).

Professjonijiet ġuridiċi oħra

Bailiffs privati

Bailiff privat huwa persuna li l-Istat jassenjalha l-infurzar ta’ talbiet privati u l-ġbir ta’ riċevibbli pubbliċi. Il-qasam li fih jopera bailiff privat huwa l-ġuriżdizzjoni ġeografika tal-qorti provinċjali rilevanti.

Il-missjoni tal-Kamra tal-Bailiffs Privati hija li tippromwovi l-professjoni u ttejjeb il-proċess ta’ infurzar fil-Bulgarija, filwaqt li tappoġġa l-membri tagħha u tipproteġi l-interess pubbliku.

Bażi tad-dejta ġuridika

Il-Kamra tal-Bailiffs Privati (Kamara na Chastnie Sadebni Izpalnitelni) iżżomm reġistru tal-bailiffs privati.

Ir-reġistru huwa pubbliku u l-aċċess għalih huwa pprovdut mis-sit elettroniku tal-Kamra. Kulħadd għandu d-dritt li jispezzjona r-reġistru u jikseb estratti minnu (l-Att dwar il-Bailiffs Privati).

Il-bailiffs privati jridu jippreżentaw lill-Ministeru tal-Ġustizzja r-rapporti ta’ attività kull sitt xhur u kull sena, li bihom il-Ministru tal-Ġustizzja jibni, iżomm u jiżviluppa sistema ta' informazzjoni għall-infurzar tal-ġustizzja. Il-Ministeru tal-Ġustizzja jimponi tariffa għall-użu tas-sistema tal-informazzjoni skont l-iskeda ta’ tariffi approvat mill-Kunsill tal-Ministri. L-aċċess uffiċjali għas-sistema ta’ informazzjoni huwa mingħajr ħlas għall-awtoritajiet tal-Istat, il-gvern lokali u l-korpi ta’ amministrazzjoni lokali, u l-persuni fdati b’funzjonijiet pubbliċi.

Bailiffs tal-Istat

Il-bailiffs tal-Istat iwettqu l-infurzar ta’ talbiet privati. L-Istat jista’ wkoll jassenja lill-bailiffs tal-Istat il-kompitu li jiġbru r-riċevibbli pubbliċi f’każijiet partikolari stabbiliti mil-liġi.

In-numru ta' bailiffs tal-Istat jiġi deċiż mill-Ministru tal-Ġustizzja.

Fi qrati distrettwali fejn m'hemmx bailiffs tal-Istat, il-funzjonijiet tagħhom jitwettqu minn imħallef tad-distrett maħtur mill-president tal-qorti rilevanti, b'notifika lill-Ministru għall-ġustizzja dwar dan.

Il-bailiffs tal-Istat jinħatru mill-Ministru tal-Ġustizzja abbażi ta’ kompetizzjoni. Il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jorganizza kompetizzjoni fuq proposta tal-president ta’ qorti distrettwali.

L-Assoċjazzjoni Bulgara tal-Bailiffs tal-Istat (Asotsiatsiya na Darzhavnite Sadebni Izpalnitelni v Balgariya) hija organizzazzjoni professjonali volontarja u indipendenti li tiddefendi l-interessi professjonali, kulturali, soċjali, intellettwali u materjali tal-bailiffs tal-Istat fil-Bulgarija, filwaqt li tippromwovi l-professjoni u tikkontribwixxi għaż-żieda fil-prestiġju fi ħdan l-Istat u s-soċjetà.

Bażi tad-dejta ġuridika

Ir-Reġistru tal-bailiffs tal-Istat (Registar na Darzhavnite Sadebni Izpalnitelni) jista' jiġi kkonsultat ukoll fuq is-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni tal-Bailiffs tal-Istat.

Imħallfin tar-reġistru

L-imħallfin tar-reġistru jwettqu d-dmirijiet tagħhom fi qrati distrettwali kif ġej.

Dawn jordnaw jew jiċħdu l-entrati, l-approvazzjonijiet u l-kanċellamenti mir-reġistru tal-proprjetà u jiddeċiedu jekk għandhomx jinħarġu referenzi u ċertifikati; huma jwettqu atti notarili u atti oħra stabbiliti bil-liġi. L-imħallfin tar-reġistrazzjoni jistgħu jaġixxu biss fid-distrett tagħhom stess.

L-għadd ta' mħallfin tar-reġistru jiġi deċiż mill-Ministru tal-Ġustizzja.

Fil-qrati distrettwali fejn m'hemmx imħallef tar-reġistru jew meta l-imħallef tar-reġistru ma jkunx jista’ jaqdi d-dmirijiet tiegħu, id-dmirijiet tal-imħallef tar-reġistru jsiru minn imħallef tad-distrett, b'notifika lill-Ministru għall-Ġustizzja dwar dan.

Il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jassenja l-funzjonijiet ta’ mħallef tar-reġistru lil bailiff tal-Istat fl-istess qorti.

L-imħallfin tar-reġistru jinħatru mill-Ministru tal-Ġustizzja abbażi ta’ kompetizzjoni. Il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jorganizza kompetizzjoni fuq proposta tal-president ta’ qorti distrettwali.

L-Assoċjazzjoni Bulgara tal-Imħallfin tar-Reġistru hija organizzazzjoni professjonali volontarja u indipendenti li tiddefendi l-interessi professjonali, kulturali, soċjali u intellettwali tal-imħallfin tar-reġistru fil-Bulgarija, filwaqt li tippromwovi l-professjoni u tikkontribwixxi għaż-żieda fil-prestiġju fi ħdan l-Istat u s-soċjetà. Għal aktar informazzjoni ara s-sit elettroniku tal-Assoċjazzjoni - http://www.basv.free.bg

Għal aktar informazzjoni dwar il-persunal tal-Qorti ara hawnhekk PDF (378 Kb) en.

L-aħħar aġġornament: 20/07/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.