Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Tipi ta’ professjonijiet legali

Belġju

Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali tal-professjonijiet legali differenti fil-Belġju. Professjonijiet ġudizzjarji - introduzzjoni L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Imħallfin Avukati Nutara Professjonijiet legali oħra Organizzazzjonijiet li jipprovdu pariri legali mingħajr ħlas Bażijiet tad-data Portal tas-Servizz Pubbliku Federali għall-Ġustizzja

Il-kontenut ipprovdut minn
Belġju
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Professjonijiet ġudizzjarji - introduzzjoni

Din it-taqsima tagħti xi tagħrif marbut mal-professjonijiet legali bħal:

  • l-avukati fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali,
  • l-imħallfin,
  • l-avukati,
  • in-nutara u
  • l-bailiffs.



L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

Organizzazzjoni

L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, jew l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku (ministère public / openbaar ministerie, magħruf ukoll bħala l-parquet / parket) li essenzjalment imexxi l-prosekuzzjonijiet (ara aktar 'l isfel) jikkonsisti f'avukati li huma mħallfin ikkwalifikati (magistrats / magistraten) li jwettqu dmirijiethom fil-qasam ta' ġuriżdizzjoni tal-qorti fejn huma bbażati.

F'kull distrett ġudizzjarju (arrondissement judiciare / gerechtelijk arrondissement) l-uffiċjali jirrappreżentaw lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali quddiem il-qorti tal-prim'istanza (tribunal de première instance / rechtbank van eerste aanleg) kif ukoll quddiem il-qorti tal-minorenni (tribunal de la jeunesse / jeugdrechtbank) li hija sezzjoni tal-qorti tal-prim'istanza, huma l-avukati tal-Istat (procureur du Roi / procureur des Konings), avukati anzjani deputati tal-Istat (premiers substituts / eerste substituten) u avukati deputati tal-Istat (substituts / subsituten). Huma jidhru wkoll quddiem il-qorti/qrati tal-pulizija (tribunal de police / politierechtbank) u l-qorti tal-kummerċ (tribunal de commerce / handelsrechtbank) fil-ġuriżdizzjoni tagħhom.

Quddiem it-tribunal industrijali (tribunaux de travail / arbeidsrechtbanken) dan l-obbligu jiġi eżerċitat minn uffiċjal magħruf bħala l- awditur industrijali (auditeur du travail / arbeidsauditeur), li jiġi assistit ukoll mid-deputati jew deputati anzjani. Fil-każijiet kriminali fil-kompetenza tagħhom dawn l-uffiċjali jidhru wkoll quddiem il-qorti kriminali (tribunal correctionnel / correctionele rechtbank), li hija sezzjoni tal-qorti tal-prim'istanza, jew il-qorti/qrati tal-pulizija.

F'kull qorti tal-appell (cour d’appel / hof van beroep) u qorti industrijali (cour du travail / arbeidshof), dan ir-rwol huwa r-responsabbiltà tal- avukat prinċipali tal-Istat (procureur-général / procureur-generaal), li jmexxi u jissorvelja l-uffiċjali tal-uffiċċju tal-avukat prinċipali tal-Istat fil-qorti tal-appell (parquet général / parket-generaaal) u l-korp korrispondenti fil-qorti industrijali (auditorat général / arbeidsauditoraat-generaal). F'qorti tal-appell l-avukat prinċipali tal-Istat ikun megħjun minn avukat-ġenerali anzjan (premier avocat-général / eerste advocaat-generaal), avukati ġenerali (avocats-généraux / advocaten-generaal), u avukat prinċipali deputat tal-Istat (substituts généraux / substituten-generaal). F'qorti industrijali l-avukat prinċipali tal-Istat ikun assistit bl-istess mod minn avukat-ġenerali anzjan, avukati-ġenerali u avukat prinċipali deputat tal-Istat.

Fil-Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de cassation / Hof van cassatie) ir-rwol tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jitwettaq mill-Avukat Prinċipali tal-Istat tal-Qorti tal-Kassazzjoni, assistit minn avukat-ġenerali anzjan u diversi avukat ġenerali. Għalkemm tintuża l-istess terminoloġija, ir-rwol tal-uffiċċji tal-Avukat Ġenerali f'dan il-każ huwa differenti. Il-Qorti tal-Kassazzjoni ma tiddeċidix fuq il-mertu tal-każ, iżda tivverifika l-legalità u r-regolarità tal-proċedimenti.

L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huwa indipendenti fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet f'każijiet individwali, suġġett biss għad-dritt tal-Ministru responsabbli biex jordna li ssir investigazzjoni u għall-ħruġ ta' linji gwida ta' politika kriminali vinkolanti inklużi linji gwida dwar il-politika ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni.

Rwoli u dmirijiet

L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jwettaq numru ta' kompiti u dmirijiet. Xogħlu jikkonsisti f'ħidma fuq il-każijiet u s-segwitu kemm ta' każijiet kriminali u kemm każijiet ċivili.

  • Fi kwistjonijiet kriminali l-uffiċjali tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jaġixxu fl-interess pubbliku, u jaraw li jkun hemm tmexxija u riżoluzzjoni xierqa tal-proċedimenti kriminali. Huma jagħmlu dan kemm fil-proċedimenti ewlenin infushom u fl-inkjesta u l-investigazzjoni (taħt is-superviżjoni ta' waħda miż-żewġ qrati, il-qorti ta' qabel il-proċess (chambre du conseil / raadkamer) jew il-qorti nkwirenti (chambre des mises en accusation / kamer van inbeschuldigingstelling)). Matul is-seduta ta' smigħ jitolbu lill-qorti biex tapplika l-liġi kriminali; huma jfittxu jiżguraw ukoll li jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija. Quddiem l-Assize Court (cour d’assises / hof van assisen) id-dmirijiet tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jitwettqu mill-avukat prinċipali tal-Istat fil-qorti tal-appell, li jista', madankollu, jiddelega x-xogħol lil uffiċjal ieħor.
  • Fi kwistjonijiet ċivili l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jintervjeni ex officio fiċ-ċirkostanzi stabbiliti fil-liġi u kemm-il darba jkun meħtieġ minħabba l-ordni pubblika. F'dawn il-każijiet huwa jippreżenta opinjoni, bil-miktub jew oralment. L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jrid jiġi kkonsultat f'każijiet marbuta ma' kwistjonijiet speċifiċi mniżżla fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 764 tal-Kodiċi Ġudizzjarju (Code judiciaire / Gerechtelijk Wetboek). Huwa jista' jitlob li jiġi infurmat ukoll fuq każijiet oħra, sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu, fejn huwa jaħseb li jkun xieraq, u l-qorti tista' ġġib il-każ għall-attenzjoni tagħha ex officio (l-Artikolu 764 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, it-tieni paragrafu).

Minbarra l-kompiti ewlenin msemmija aktar 'il fuq, l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jiżgura wkoll li d-deċiżjonijiet u l-linji gwida marbuta mal-politika kriminali jiġu sorveljati u applikati sew fil-qasam ta' ġuriżdizzjoni tiegħu.

Il-linji gwida dwar il-politika kriminali jinħarġu mill-Ministru għall-Ġustizzja, wara li jikkonsulta ma' bord iffurmat mill-avukati prinċipali tal-istat tal-ħames qrati tal-appell (collège des procureurs généraux / college van procureurs-generaal).

Dan il-bord jaqa' taħt l-awtorità tal-Ministru għall-Ġustizzja u jieħu deċiżjonijiet bil-għan li jkun hemm konsistenza massima fit-tfassil u l-koordinazzjoni tal-politika u l-funzjonament xieraq tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali b'mod ġenerali.

Il-ġuriżdizzjoni tal-bord testendi mal-pajjiż kollu u d-deċiżjonijiet tiegħu jorbtu lill-avukat prinċipali tal-Istat fil-qrati tal-appell u lill-membri kollha tal-uffiċċju taħt l-awtorità u t-tmexxija tagħhom.

Għal aktar informazzjoni ara s-sit elettroniku tas-Servizz Pubbliku Federali għall-Ġustizzja (Ministeru tal-Ġustizzja, intestatura (bil-Franċiż) "Ordre judiciaire" – "Ministère publique" jew (bl-Olandiż) "Rechterlijke Orde"- "Openbaar Ministerie").

Imħallfin

Organizzazzjoni

Hemm distinzjoni bejn l-"imħallfin presjedenti (la magistrature assise / de zittende magistratuur), li jiddeċiedu l-kawżi li jitressqu quddiemhom, u "l-istanding judges" (la magistrature debout / de staande magistratuur), l-uffiċjali ġudizzjarji li jaħdmu fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali (ara aktar 'il fuq).

B'mod ġenerali, l-imħallfin li jiddeċiedu l-kawżi jissejħu juges / rechters fil-qrati inferjuri u conseillers / raadsheren fil-qrati tal-appell.

Ir-rwol tal-imħallfin li jiddeċiedu l-kawżi huwa li japplikaw il-liġi għal sitwazzjoni jew tilwima li titressaq quddiemhom fi kwistjoni ċivili, jew fil-konfront ta' persuni li kkommettew reat.

F'xi qrati inferjuri l-imħallfin fil-kariga jaħdmu id f'id ma' mħallfin onorarji. Fil-qrati li ġejjin ikun hemm imħallfin onorarji:

  • Il-qorti tal-kummerċ: imħallfin fil-kariga u mħallfin onorarji (imsejħa juges consulaires / consulaire rechters).
  • It-Tribunal Industrijali: imħallfin fil-kariga u mħallfin onorarji (imsejħa juges sociaux / sociale rechters).
  • Il-qorti għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi (tribunal de l’application des peines / strafuitvoeringsrechtbank): imħallfin professjonali u mħallfin onorarji (imsejħa assesseurs en application des peines / assessoren in strauitvoeringszaken).

L-awtorità responsabbli

Il- Kunsill Superjuri tal-Ġustizzja (Conseil supérieur de la justice / Hoge Raad voor de Justitie) għandu rwol tripplu:

  • għandu rwol deċiżiv fil-politika għall-ħatra tal-imħallfin (inklużi l-uffiċjali fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali), fuq bażi oġġettiva u mhux politika;
  • jeżerċita superviżjoni esterna fuq il-funzjonament tal-ġudikatura (inkluż l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ) u b'mod partikolari l-ġestjoni tal-ilmenti;
  • jippreżenta opinjonijiet lil min ifassal il-politika sabiex titjieb il-ħidma tal-ġudikatura.

Għal aktar informazzjoni ara s-sit elettroniku tal- Kunsill Superjuri tal-Ġustizzja

Avukati

Rwoli u dmirijiet

L-avukati (avocats / advocaten) huma professjonisti tal-liġi u tal-ġustizzja. Huma soġġetti għar-regoli tal-kondotta li jiggarantixxu l-indipendenza totali tagħhom. Huma marbuta wkoll bis-sigriet professjonali.

L-avukati huma mħarrġa f'diversi oqsma differenti tal-liġi, li xi kultant jitrikkbu (il-liġi tal-kumpaniji, il-liġi amministrattiva, il-liġi dwar l-ippjanar fl-ibliet, il-liġi dwar it-taxxa, il-liġi tal-familja, eċċ). Matul il-karriera tagħhom, l-avukati jistgħu jispeċjalizzaw f'diversi oqsma fejn ikunu kisbu esperjenza speċifika.

L-avukati jistgħu jgħinuk mhux biss quddiem il-qrati iżda f'kull sitwazzjoni fejn jista' jkollok bżonn assistenza legali, rappreżentant, xi ħadd li jfassal id-dokumenti jew anki appoġġ morali.

Għalhekk il-missjoni tagħhom hija tripla:

  • L-avukati jagħtu pariri
  • L-avukati jirrikonċiljaw
  • L-avukati jiddefendu.

Kull avukat jista' jagħmel talbiet u jirrapreżenta lill-klijent tiegħu f'kull qorti fil-pajjiż- il-qorti tal-pulizija, il-qorti ċivili tal-maġistrat (justice de paix / vredegerecht), il-qorti tal-prim'istanza, il-qorti kummerċjali, it-tribunal industrijali, il-qorti tal-appell, il-qorti industrijali, il-qorti tal-assize, jew il-Kunsill tal-Istat (Conseil d’État / Raad van State) - u anki f'pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea.

L-avukati jipprovdu wkoll assistenza fil-proċedimenti ta' arbitraġġ jew medjazzjoni, għal kull metodu alternattiv għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, jew għal-laqgħat.

Ma jidhrux biss f'każ ta' tilwima. Permezz tal-pariri li jagħtu, jew tal-kuntratti li jfasslu jew jadattaw, bostra drabi jevitaw il-ħtieġa għall-qorti.

Jistgħu jgħinuk ukoll jekk għandek bżonn tikri jew tixtri proprjetà immobbli, jekk trid twaqqaf kumpanija, jekk tinstab f'qagħda kritika minħabba d-dejn, jekk trid tikkonkludi kuntratt tax-xogħol ma' impjegatur ġdid, jekk kont vittma ta' inċident jew xi ħadd ħebb għalik, jekk ġejt imsejjaħ biex titla' l-qorti, jekk qed tissepara mis-sieħeb tiegħek, eċċ.

Avukati għal kulħadd

Għal persuni b'introjtu baxx, il-liġi tipprovdi għas-servizz tal-għajnuna legali (aide juridique / juridische bijstand, li qabel kienet magħrufa bħala "pro deo") u assistenza bl-ispejjeż tal-qorti (assistance judiciaire / rechtsbijstand).

Permezz tal-għajnuna legali, is-servizzi ta' avukat huma disponibbli mingħajr ħlas jew għal kollox jew parzjalment. Din hija sistema b'żewġ livelli:

  • Għajnuna legali ewlenija (aide juridique de première ligne / eerstelijnsbijstand) hija disponibbli għal kulħadd, u ma tiddependix mil-livell ta' introjtu. L-avukati huma disponibbli fuq bażi standby (permanence / permanentie) għal konsultazzjoni qasira: parir inizjali, talba għal informazzjoni, eċċ.
    Il-korpi responsabbli għall-forniment tal-għajnuna legali ewlenija huma magħrufa bħala l-"kummissjonijiet tal-għajnuna legali" (Commissions d’Aide Juridique / Commissies voor Juridische Bijstand).
  • L-għajnuna legali supplimentari (aide juridique de deuxième ligne / tweedelijnsbijstand) hija disponibbli għal persuni li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet finanzjarji jew li jinsabu f'qagħda partikolari. Din l-għajnuna - mingħajr ħlas kompletament jew parzjalment skont il-każ - tfisser li jkollok avukat biex jgħinek f'xi proċedimenti legali jew amminstrattiv, biex jagħtik aktar tagħrif dettaljat jew anki jassistik fil-medjazzjoni.
    Il-korpi responsabbli għall-forniment tal-għajnuna legali supplimentari huma magħrufa bħala l-"uffiċċji tal-għajnuna legali" (Bureaux d’Aide Juridique / Bureaus voor Juridische Bijstand).

L-assistenza bl-ispejjeż tal-qorti tfisser li t-tariffi ta' matul il-proċediment ma jridux jitħallsu, jew jitħallsu biss parzjalment (spejjeż tar-reġistru (droit de greffe / griffierechten jew droits d’enregistrement / registratierechten) jew it-tariffi tal-bailiffs (huissiers de justice / rechtsdeurwaarders) jew tan-nutara (notaires / notarissen) jew għar-rapporti tal-esperti). Sabiex jingħataw l-assistenza għall-ispejjeż tal-qorti, l-klijenti jridu jikkuntattjaw lill-uffiċċju tal-għajnuna legali personalment jew permezz tal-avukat tagħhom.

L-awtoritajiet responsabbli

L-avukati huma kollha membri ta' Kamra tal-Avukati (barreau / balie). Fil-preżent, hemm 28 Kamra tal-Avukati fil-Belġju.

Assoċjazzjoni tal-Avukati Frankofoni u li jitkellmu bil-Ġermaniż (Ordre des barreaux francophones et germanophone / Kammer der französischsprachigen und deutschsprachigen Rechtsanwaltschaften (AVOCATS.BE)) tiġbor flimkien l-assoċjazzjonijiet tal-avukati tal-komunitajiet Frankofoni u li jitkellmu bil-Ġermaniż fil-pajjiż (total ta' 13).

Assoċjazzjoni Fjamminga tal-Avukati (Orde van Vlaamse Balies (OVB)) tiġbor flimkien l-assoċjazzjonijiet tal-avukati tal-komunità Fjamminga tal-pajjiż (13-il assoċjazzjoni).

Informazzjoni dwar il-professjoni ta' avukat tista' tinkiseb permezz ta' konsultazzjoni ta' dawn il-paġni elettroniċi:

L-aċċess għal dawn il-bażijiet tad-data huwa mingħajr ħlas

Nutara

In-nutara huma uffiċjali pubbliċi, maħtura mir-Re, bi rwol speċifiku li jawtentikaw l-istrumenti legali eżegwiti quddiemhom. Bil-liġi xi strumenti jeħtieġu l-involviment ta' nutar biex att miftiehem mill-partijiet jiġi rreġistrat ("strumenti awtentiċi", actes authentiques / authentieke akten). Għalhekk jinħtieġ l-involviment ta' nutar fil-bejgħ ta' proprjetà, pereżempju. Minbarra li jfassal strumenti awtentiċi, nutar jista' jiġu mitlub jillikwida patrimonju, ifassal ftehim privat, jagħti parir, eċċ.

L-isfera tar-responsabbiltajiet tan-nutara tkopri tliet oqsma prinċipali:

  • Il-liġi tal-proprjetà (il-bejgħ ta' proprjetà, self, eċċ.),
  • Il-liġi tal-familja (kuntratti taż-żwieġ, wirtijiet, divorzju, eċċ.) u
  • Il-liġi tan-negozju (it-twaqqif ta' kumpaniji, eċċ.).

Hemm ukoll Kamra Nazzjonali tan-Nutara (Chambre nationale des notaires / Nationale Kamer van Notarissen). L-għanijiet ewlenin tagħha huma:

  • tirrappreżenta lin-nutara tal-Belġju f'laqgħat mal-awtoritajiet fil-kompetenza tagħha,
  • tistabbilixxi r-regoli tal-kondotta professjonali,
  • tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-kmamar tan-nutara ħalli tinżamm id-dixxiplina professjonali.

Il-kmamar provinċjali huma l-korpi tad-dixxiplina tal-professjoni: il-kompiti ewlenin tagħhom huma li jiżguraw li jiġu mħarsa r-regoli tal-kondotta professjonali u li jsolvu d-diżgwidi professjonali (fost affarijiet oħra jieħdu ħsieb l-ilmenti).

Hemm ukoll il-Federazzjoni Rjali tan-Nutara tal-Belġju (Fédération Royale du Notariat Belge (FRNB) / Koninklijke Federatie van het Belgisch Notariaat (KFBN)), assoċjazzjoni professjonali li tassisti lin-nutara fix-xogħol tagħhom ta' kuljum permezz ta' servizzi personalizzati, u tirrappreżenta lill-professjoni f'numru ta' okkażjonijiet.

Għal aktar informazzjoni ara s-sit elettroniku tal-Federazzjoni Rjali tan-Nutara tal-Belġju.

Professjonijiet legali oħra

Bailiffs

Il-bailiffs huma uffiċjali ġudizzjarji pubbliċi li jaħdmu bħala prattikanti ta' professjoni ta' nies li jaħdmu għal rashom. Fi kliem ieħor, għandhom identità professjonali doppja: min-naħa waħda, huma uffiċjali pubbliċi; min-naħa l-oħra, jipprattikaw il-professjoni tagħhom b'mod independenti.

Huma uffiċjali ġudizzjarji pubbliċi għaliex l-Istat iddelega lilhom parti mill-awtorità uffiċjali. Għal din ir-raġuni, ma jistgħux jirrifjutaw talba biex jaġixxu, sakemm il-kodiċi tal-kondotta professjonali tagħhom jew il-liġi ma jippermettuhiex, pereżempju fejn ikun hemm kunflitt ta' interessi jew it-talba tkun illegali. Il-bailiffs qatt ma jaġixxu ex officio, iżda dejjem bit-talba ta' xi ħadd li jkun tahom struzzjonijiet formali. Għal kull kompitu li jridu jaqdu jridu josservaw diversi rekwiżiti legali. Jistgħu jesiġu t-tariffi għall-atti li jwettqu, biex ikopru parti jew l-ispejjeż kollha tagħhom.

Bħala professjonisti li jaħdmu għal rashom, il-bailiffs jaħdmu b'mod indipendenti u imparzjali. L-esperjenza professjonali tagħhom hija disponibbli għal kulħadd. Ma jirċevux salarju, kumpens jew xi benefiċċji oħra mill-awtoritajiet. Iridu jħallsu kollox huma nfushom.

Il-passi li jista' jrid jieħu bailiff jaqgħu fżewġ kategoriji wiesa': miżuri "barra l-qorti" (interventions extrajudiciaires / buitengerechtelijke tussenkomsten, bħal pereżempju l-irkupru tad-dejn barra l-qorti jew konstatazzjonijiet uffiċjali tal-fatti) u miżuri "bil-qorti" (interventions judiciaires / gerechtelijke tussenkomsten, jiġifieri n-notifika jew eżekuzzjoni ta' deċiżjoni). Meta l-bailiff jieħu pass minn dawn imsemmija huwa jkollu ġeneralment id-dmir li jipprovdik b'informazzjoni dwar kif tista' teżerċita d-drittjiet tiegħek, u biex iwieġeb għad-domandi tiegħek dwar ir-rwol tal-bailiff, kemm jekk kont int li tlabt lill-bailiff biex jieħu dak il-pass u kemm jekk il-pass li ħa l-bailiff huwa indirizzat lilek.

F'kull distrett ġudizzjarju hemm assoċjazzjoni (chambre / kamer) tal-bailiffs fid-distrett. L-għanijiet ewlenin tagħha huma li tiżgura li l-bailiffs fid-distrett josservaw ir-regoli tad-dixxiplina professjonali u l-liġijiet u r-regolamenti li jikkonċernawhom, u biex isolvu t-tilwim li jista' jinqala' bejniethom.

Hemm ukoll Assoċjazzjoni Nazzjonali Belġjana tal-Bailiffs (Chambre nationale des huissiers de justice de Belgique / Nationale Kamer van Gerechtsdeurwaarders van België), li għandha l-għanijiet ewlenin li ġejjin:

  • tiżgura l-uniformità fid-dixxiplina u r-regoli tal-kondotta professjonali fost il-bailiffs,
  • tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha, u
  • tirrappreżentahom.

Għal aktar informazzjoni ara s-sit elettroniku tal- Assoċjazzjoni Nazzjonali Belġjana tal-Bailiffs

Oħrajn

L-imħallfin u l-uffiċjali ġudizzjarji tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huma megħjuna minn firza ta' professjonisti amministrattivi u legali, bħall-iskrivana tal-qorti jew is-segretarji legali.

Matul kull seduta l-imħallef jiġi assistit minn skrivan tal-qorti (greffier / griffier). L-iskrivan tal-qorti jħaffef ix-xogħol għall-imħallef, pereżempju billi jħejji l-fajls meħtieġa għas-seduta. Matul is-seduta l-iskrivan jniżżel id-dettalji tal-proċedimenti u jiżgura li jkun ġew ippreparati d-dokumenti kollha meħtieġa. L-iskrivan iwettaq u jikkoordina l-kompiti tar-reġistru tal-qorti (greffe / griffie). Kull qorti għandha reġistru, immexxi mill-kap skrivan jew minn reġistratur (greffier en chef / hoofdgriffier). Hemm wieħed jew aktar skrivana tal-qorti fir-reġistru, skont il-bżonnijiet tal-qorti. Min-naħa tagħhom l-iskrivana tal-qorti jistgħu jiġu assistiti mill-persunal amministrattiv.

Is-segretarji legali (référendaires / referendarissen) huwa avukati li jassistu lill-imħallfin fit-tfassil tas-sentenzi tagħhom. Huma jgħinu fil-ġestjoni tal-kawża, fuq l-istruzzjonijiet u taħt ir-responsabbiltà ta' mħallef wieħed jew aktar. Huma jistudjaw il-fajl, jaraw x'ikunu l-kwistjonijiet legali mqajjma, u jfasslu s-sentenza.

L-uffiċjali tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku wkoll jistgħu jqabbdu avukati biex iħejju l-aspetti ġuridiċi tal-każijiet tagħhom. Dawn l-avukati huma magħrufa wkoll bħala juristes du parquet / parketjuristen. Iwettqu riċerka legali, jieħdu ħsieb l-investigazzjonijiet, jew iħejju l-aspetti ġuridiċi tar-rikorsi u tas-sottomissjonijiet, fuq l-istruzzjonijiet u taħt ir-responsabbiltà ta' wieħed jew aktar mill-uffiċjali ġudizzjarji tal-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku.

Kull uffiċċju tal-prosekutur tal-Istat għandu segretarjat immexxi mill-kap segretarju. Dawn is-segretarji jassistu lill-uffiċjali ġudizzjarji fil-ħidma ta' riċerka u dokumentazzjoni u fil-kumpilazzjoni tal-fajls. Huma jieħdu ħsieb jaġġornaw id-dokumenti u r-reġistri tal-uffiċċju, iżommu r-rekords,eċċ. In-numru ta' segretarji jiddependi mid-daqs tal-uffiċċju. Is-segretarji jistgħu jiġu assistiti wkoll minn persunal amministrattiv.

Ir-reġistri tal-qorti u l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku jħaddmu għadd kbir ta' persunal amministrattiv. Il-persunal amministrattiv jieħu ħsieb il-fajls tal-każijiet li qegħdin jiġu segwiti u d-data li tiddaħħal fil-bażijiet tad-data. Il-persunal amministrattiv ieħor jieħu ħsieb il-posta u l-filing, u jagħtu informazzjoni lil kull min jgħaddi l-uffiċċju.

Informazzjoni ulterjuri dwar dawn il-professjonijiet tinsab f'dan id-dokument PDF (376 Kb) en.

Organizzazzjonijiet li jipprovdu pariri legali mingħajr ħlas

Kull ċittadin jista' jikseb parir legali inizjali mingħajr ħlas, mogħti minn professjonisti fil-qasam legali. Dan huwa magħruf bħala għajnuna legali ewlenija (ara aktar 'il fuq):

  • informazzjoni prattika,
  • informazzjoni dwar il-liġi,
  • opinjoni legali inizjali, jew
  • il-klijenti jintbagħtu għand organizzazzjoni speċjalizzata.

Hawnhekk il-kwistjoni ma tiġix solvuta mill-ewwel, iżda tingħata gwida inizjali Hemm għadd ta' avukati disponibbli għal standby fil-qrati tal-liġi, fiċ-ċentri tal-liġi tal-komunità (maisons de justice / justitiehuizen), xi uffiċċji muniċipali (administrations communales / gemeentelijke diensten), ħafna miċ-ċentri pubbliċi tas-sigurtà soċjali (centres publiques d’action sociale / openbare centra voor maatschappelijk welzijn), u diversi assoċjazzjonijiet li jipprovdu servizz legali.

Informazzjoni ulterjuri tinsab fil-fuljett onlajn: Għajnuna Legali: Aċċess Imtejjeb għall-Ġustizzja (Un meilleur accès à la justice / Een betere toegang tot justitie).

Bażijiet tad-data legali

L-informazzjoni hija disponibbli fuq is- sit elettroniku tas-Servizz Pubbliku Federali għall-Ġustizzja (Ministeru tal-Ġustizzja).

Portal tas-Servizz Pubbliku Federali għall-Ġustizzja

Intestaturi

Informazzjoni

  • Ġustizzja mill-A sa Z;
  • Uffiċjal tal-informazzjoni (fonctionnaire d’information / informatieambtenaar);
  • Pubblikazzjonijiet;
  • Ilmenti;
  • Indirizzi tal-qrati;
  • Stqarrijiet tal-istampa;
  • Statistika.

Ġudikatura

  • Qrati;
  • L-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku;
  • Ġuriżdizzjoni territorjali;
  • Kunsill Konsultattiv għall-Ġudikatura (Conseil consultatif de la magistrature / Adviesraad van de magistratuur);
  • Kummissjoni għall-Modernizzazzjoni tal-Ġudikatura (Commission de modernisation de l’ordre judiciaire / Commissie voor de Modernisering van de Rechterlijke Orde).

Nagħtu dehra ġdida lill-qasam ġudizzjarju.

Ħoloq relatati

Servizz Pubbliku Federali għall-Ġustizzja

L-aħħar aġġornament: 17/11/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.