Tipi ta’ professjonijiet legali

Din il-paġna tagħtik deskrizzjoni ġenerali tal-professjonijiet legali f’Malta.

Professjonijiet legali – introduzzjoni
Il-prosekuturi
L-imħallfin
Barristers / Avukati
Nutara
Professjonijiet legali oħra
Reġistratur u staff tal-Qrati

Professjonijiet legali – introduzzjoni

Il-professjonijiet legali f’Malta huma dawk ta’ avukat, nutar pubbliku u prokuratur legali.

  • L-avukati għandhom id-dritt li jinstemgħu quddiem il-qrati kollha.
  • In-nutara pubbliċi jiġu kkunsidrati bħala uffiċjali pubbliċi u jabbozzaw u jippubblikaw l-atti pubbliċi.
  • Il-prokuraturi legali għandhom id-dritt li jinstemgħu quddiem il-qrati inferjuri u, fil-prattika, il-parti l-kbira ta’ xogħolhom jikkonsisti filli jsegwu l-atti ġudizzjarji, kemm jekk dawn ikunu relatati ma’ kawżi fil-qrati kif ukoll jekk ikunu relatati ma’ talbiet oħrajn fir-reġistru tal-qorti.

Il-professjoni legali f’Malta hija organizzata f’sistema unitarja u l-prosekuturi pubbliċi jinħatru minn fost l-avukati prattikanti.

Il-prosekuturi

Organizzazzjoni

Skont l-Artikolu 91 tal-Kostituzzjoni, l-Avukat Ġenerali għandu funzjonijiet kostituzzjonali u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huwa stabbilit bħala entità governattiva skont il-Kapitolu 90 tal-Liġijiet ta’ Malta, jiġifieri l-Ordinanza dwar il-Kostituzzjoni tal-Kariga ta' Avukat Ġenerali u dik ta' Avukat tar-Repubblika.

Skont it-termini tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, l-Avukat Ġenerali għandu sigurtà tal-kariga u jeżerċita ġudizzju indipendenti fi kwistjonjiet li jikkonċernaw il-prosekuzzjonijiet kriminali, minbarra li jwettaq il-funzjonijiet preskritti mill-Kodiċi Kriminali rigward il-prosekuzzjonijiet kriminali.

L-Avukat Ġenerali huwa assistit mid-Deputat Avukat Ġenerali u minn uffiċjali legali oħrajn.

Rwol u dmirijiet

L-Avukat Ġenerali huwa l-Prosekutur Ewlieni quddiem il-Qrati Kriminali.  Skont ir-Regolamenti tal-2020 dwar Prosekuzzjoni ta' Reati (Disposizzjonijiet Transitorji) (Avviz Legali 378 tal-2020), li ġew fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 2020, l-Avukat Ġenerali assuma s-setgħa li jiddeċiedi jekk prosekuzzjoni għandhiex tiġi istitwita quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala qorti istruttorja dwar kategorija ta' reati serji li jinkludu: (a) atti ta' terrorizmu, finanzjar ta' terrorizmu u reati anċillari taħt is-Sub-titolu IV A tat-Titolu IX tat-Taqsima II tal-Ewwel Ktieb tal-Kodiċi Kriminali; (b) uffiċjali jew impjegati pubbliċi li jesiġu flus jew ħwejjeġ oħra kontra l-liġi, estorsjoni, korruzzjoni, meta l-persuna tuza l-influwenza u reati li għandhom x'jaqsmu mal-kontabilita' taħt is-Sub-titolu IV tat-Titolu III tat-Taqsima II tal-Ewwel Ktieb tal-Kodiċi Kriminali;(ċ) reati ta' money laudering taħt l-Artikolu 3 tal-Att Kontra Money Laundering ħlief fejn tali reati huma prosekuti flimkien ma' reati kontra l-Ordinanza dwar il-Mediċini Perikoluzi jew l-Ordinanza dwar il-Professjoni Medika u l-Professjonijiet li għandhom x'jaqsmu magħha; (d) kazijiet ta' frodi jew appropjazzjoni bla jedd fejn it-telf finanzjarju kkawzat huwa tal-inqas ta' ħamsin elf euro (€50,000); (e) attentati jew reat ta' assoċjazzjoni sabiex iwettaq jew ikun kompliċi fir-reati msemmija.

Meta jeżerċita s-setgħat biex jibda, iwettaq jew iwaqqaf proċedimenti kriminali kif ġew konferiti lilu minn kwalunkwe liġi li tawtorizza l-eżerċizzju ta’ tali setgħa, l-Avukat Ġenerali mhux soġġett għad-direzzjoni jew għall-kontroll tal-ebda persuna jew tal-ebda awtorità oħra ħlief fejn xi liġi tista' tipprovdi (a) għal stħarriġ ġudizzjarju ta' deċizjoni li ma ssirx prosekuzzjoni jew kwalunkwe deċizjoni oħra fuq bazi ta' illegalita' jew irraġonevolezza; jew (b) għal stħarriġ ġudizzjarju fuq bazi ta' kriterji stabbiliti mill-liġi ta' deċizjoni tal-Avukat Ġenerali li prosekuzzjoni għandha sseħħ f'qorti superjuri ta' ġurisdizzjoni kriminali fejn il-piena applikabbli tkun għola minn dik li kienet tkun se tapplika kieku l-istess reat instema' quddiem qorti inferjuri ta' ġurisdizzjoni kriminali.

L-Avukat tal-Istat

Organizzazzjoni

L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat ġie mwaqqaf fit-18 ta' Diċembru 2019 bħala entita legali separata, u jwettaq ċertu funzjonijiet u dmirijiet li qabel kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Skont l-Artikolu 91 A tal-Kostituzzjoni, l-Avukat tal-Istat għandu funzjonijiet kostituzzjonali.  L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat huwa stabbilit bħala aġenzija tal-gvern skont l-Att dwar l-Avukat tal-Istat, Kapitolu 603 tal-Liġijiet ta' Malta.

Skont il-Kostituzzjoni ta' Malta, l-Avukat tal-Istat għandu l-istess sigurta' tal-kariga tiegħu bħall-Avukat Ġenerali u fl-ezerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, l-Avukat tal-Istat għandu jaġixxi fil-ġudizzju individwali tiegħu u ma għandux ikunsuġġett għad-direzzjoni jew għall-kontroll ta' ebda persuna jew awtorita' oħra.

L-Avukat tal-Istat huwa assistit mnn Deputat Avukat tal-Istat u uffiċjali legali oħrajn.

Rwol u dmirijiet

L-Avukat tal-Istat huwa l-Konsulent Legali Ewlieni tal-Gvern filwaqt li l-uffiċjali legali fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat jirrapprezentaw lill-Gvern quddiem il-qrati ċivili u kostituzzjonali.

L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat jirrappreżenta lir-Repubblika ta’ Malta quddiem il-qrati internazzjonali inkluz il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-uffiċjali tiegħu jirrappreżentaw lill-Gvern waqt laqgħat internazzjonali dwar il-kooperazzjoni legali u ġudizzjarji.

Barra minn hekk, l-Uffiċċju jassisti fl- abbozzar tal-leġislazzjoni u jassisti fil-passaġġ tagħha mill-Parlament.

L-imħallfin

Organizzazzjoni

L-Imħallfin u l-Maġistrati jinħatru mill-President tar-Repubblika skont ir-rakkomandazzjoni magħmula mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura stabbilitbl-Artikolu 96 A tal-Kostituzzjoni.  Il-Prim Imħallef huwa maħtur mill-President tar-Repubblika skont rizoluzzjoni tal-Kamra tar-Rapprezentanti appoġġjata mil-voti ta' mhux inqas minn zewġ terzi tal-membri tagħha.

L-Imħallfin u l-Maġistrati kollha huma indipendenti mill-Eżekuttiv u jgawdu minn sigurtà tal-kariga. Biex persuna tkun tista’ tinħatar maġistrat, trid tkun ipprattikat bħala avukat f’Malta għal perjodu ta’ mhux inqas minn 7 snin, filwaqt li biex tinħatar imħallef trid tkun ipprattikat bħala avukat f’Malta għal 12-il sena. Dixxiplina ġudizzjarja li ma twassalx għal tneħħija mill-kariga ta' membru tal-ġudikatura hija l-prerogattiva tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.  Deċizjonijiet dwar dan jistgħu jiġu appellati quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.  Fl-ezerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni għandha l-poteri kollha tal-qrati ta' ġurisdizzjoni ċivili.  Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għemil investigat jista' jwassal għal tneħħija mill-kariga ta' ġudikant, din għandha tipproċedi li tagħti parir lill-President tar-Repubblika biex ineħħi mill-kariga lill-ġudikant għal imġieba ħazina ppruvata jew inkapaċita' ppruvata li jaqdi l-funzjoni tal-kariga tiegħu.  Il-ġudikant għandu dritt li jappella minn din ir-rakomandazzjoni quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

Organizzazzjoni tal-professjoni legali: L-avukati

Barristers / Avukati

Rwol u dmirijiet

L-avukati huma professjonisti li għandhom l-awtorizzazzjoni biex jagħtu pariri u konsulenza legali kif ukoll biex jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom quddiem il-qrati, it-tribunali jew fora legali oħrajn.

Biex persuna tkun tista’ teżerċita l-professjoni ta’ avukat f’Malta irid ikollha warrant maħruġ mill-President ta’ Malta taħt is-Siġill Pubbliku ta’ Malta. Kull min jingħata dan il-warrant għandu, qabel ma jibda l-eżerċizzju tal-professjoni, jieħu quddiem il-Qorti tal-Appell, f’seduta bil-miftuħ ta’ dik il-qorti, il-ġurament ta’ lealtà u l-ġurament tal-kariga.

Organizzazzjoni

Il-Kamra tal-Avukati ta’ Malta tirrappreżenta l-avukati li jiġu ammessi għall-avukatura f’Malta. Din hija organizzazzjoni mhux politika, mhux governattiva u volontarja li tiġi ffinanzjata mill-miżati tal-membri u mill-fondi li jinġabru mill-attivitajiet li torganizza, u hija legalment rikonoxxuta bħala l-entità konsultattiva u parteċipattiva tal-avukati fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-organizzazzjoni u mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

F’Malta hemm tip wieħed biss ta’ avukat, u fil-fatt jintuża terminu wieħed – “avukat” – li jirreferi għal dawk li bl-Ingliż jissejħu “lawyers” u “advocates”. Il-professjoni hija regolata mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, li hija magħmula mill-President ta’ Malta, mill-Prim’Imħallef, zewġ imħallfin, zewġ maġistrati mill-President tal-Kamra tal-Avukati u zewġ professjonisti legali. L-ilmenti kollha fil-konfront tal-avukati jiġu ttrattati minn kumitat ta’ ħames avukati li mbagħad jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja dwar l-azzjoni dixxiplinari li għandha tittieħed. Tlieta mill-ħames avukati jinħatru mill-Kamra tal-Avukati, biex b’hekk il-Kamra għandha setgħat effettivi ta’ regolamentazzjoni rigward il-professjoni.

Il-Kamra tal-Avukati żżomm aġġornat sit elettroniku informattiv iddedikat għall-professjoni, li jinkludi wkoll direttorju. Id-direttorju huwa maqsum f’żewġ partijiet: il-parti aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, li tinkludi dettalji tal-avukati kollha li huma membri tal-Kamra tal-Avukati, filwaqt li l-parti privata maħsuba għall-membri tinkludi d-dettalji tal-avukati kollha li taf bihom il-Kamra tal-Avukati.

Tul dawn l-aħħar snin, il-Kamra organizzat numru ta’ konferenzi u ta’ seminars akkademiċi, kif ukoll sensiela ta’ lectures kull xahar sabiex tippromwovi kultura ta’ żvilupp legali kontinwu tal-avukati kollha.

Bażijiet tad-dejta legali

Is-sit elettroniku tal-gvern lawyersregister.gov.mt jagħti lista uffiċjali tal-avukati bl-isem kif ukoll dettalji dwar avukati li għandhom il-warrant li taw il-kunsens tagħhom biex id-dettalji professjonali tagħhom jidhru f'dan ir-reġistru.  Ir-reġistru huwa aċċessibbli mill-pubbliku.

Nutara

Rwol u dmirijiet

In-nutara huma uffiċjali pubbliċi awtorizzati li jirċievu atti fost il-ħajjin u testmenti u li jagħtuhom fidi pubblika. Bħala konsegwenza ta’ dan l-obbligu u dover, huma wkoll responsabbli mill-kustodja ta’ dawn l-istess dokumenti u jistgħu jagħtu kopji ta’ dawn id-dokumenti. Kapitlu 55 tal-Liġijiet ta’ Malta (Att dwar il-Professjoni Nutarili u Arkivji Nutarili) jispeċifika x’setgħat u funzjonijiet oħra għandu nutar.

In-nutara jieħdu l-ġurament ta’ fedeltà u l-ġurament tal-kariga quddiem il-Qorti tal-Appell qabel ma jibdew jeżerċitaw il-professjoni tagħhom.

Is-sorveljanza fuq in-Nutara kollha, l-Arkivji Nutarili u r-Reġistru Pubbliku hi mħollija f’idejn qorti speċjali magħrufa bħala l-Qorti ta’ Reviżjoni tal-Atti Nutarili. Din il-Qorti hi magħmula minn membri maħtura mill-Ministru responsabbli għall-affarijiet nutarili minn fost imħallfin u maġistrati rtirati u minn fost avukati u nutara pubbliċi.

Il-Qorti, kull meta jidhrilha meħtieġ tista’ mingħajr ma tagħti avviż iżżur u tispezzjona l-Arkivji, r-Reġistru Pubbliku jew l-uffiċċju ta’ nutar.

Kull sena, fix-xahar ta’ Jannar, fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta jiġu ppubblikati d-dettalji tan-nutara kollha li jipprattikaw f’Malta.

Organizzazzjoni

Il-Kunsill Notarili huwa l-korp ġenerali li jissuperviżjona l-professjoni Notarili, u huwa intitolat, jew fuq inizjattiva tiegħu stess jew meta jirċievi lment, li jinvestiga l-kondotta ta’ kwalunkwe nutar li jitqies li tmur kontra d-dekor tal-professjoni notarili. Il-Kunsill jista’ anki jittratta kwalunkwe akkuża ta’ negliġenza jew ta’ abbuż li ssir fil-konfront ta’ kwalunkwe nutar fir-rigward tal-kondotta professjonali tiegħu jew b’konnessjoni ma’ kwistjonjiet professjonali, sakemm is-setgħa li jagħmel dan ma tingħatax lil xi awtorità oħra kif stabbilit fl-Artikoli 85 u 94 tal-Kapitolu 55 tal-Liġijiet ta’ Malta: Att dwar il-Professjoni Nutarili u l-Arkivji Nutarili, jew skont kwalunkwe liġi oħra.

Bażijiet tad-dejta legali

Is-sit elettroniku uffiċjali tal-Kunsill Nutarili (Malta) jinkludi informazzjoni dwar il-Kunsill Notarili, informazzjoni ġenerali utili kemm għall-pubbliku kif ukoll għan-nutara kif ukoll direttorju bid-dettalji tan-nutara pubbliċi li jipprattikaw f’Malta. Il-bażi tad-dejta hija aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali u hija mingħajr ħlas.

Professjonijiet legali oħra

Prokuraturi legali

Biex persuna tkun tista’ teżerċita l-professjoni ta’ prokuratur legali f’Malta irid ikollha warrant maħruġ mill-President ta’ Malta taħt is-Siġill Pubbliku ta’ Malta. Kull min jingħata dan il-warrant għandu, qabel ma jibda l-eżerċizzju tal-professjoni, jieħu quddiem il-Qorti tal-Appell, f’seduta bil-miftuħ ta’ dik il-qorti, il-ġurament ta’ lealtà u l-ġurament tal-kariga.

Id-dmir prinċipali tal-prokuratur legali huwa li jassisti lill-avukat li jirriserva s-servizzi tiegħu rigward il-proċedimenti fil-qrati. B’hekk, ikunu involuti fil-preżentazzjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub fir-reġistri tal-qrati f’isem il-klijenti u ġeneralment iwettqu servizzi oħrajn b’konnessjoni mal-preparazzjoni tal-kawżi mill-avukati.

Il-prokuraturi legali għandhom id-dritt li jinstemgħu quddiem il-qrati tal-maġistrati u quddiem tribunali u bordijiet speċjali.  Huma jistgħu ukoll jagħtu l-pariri.

Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja hija l-entità responsabbli mir-regolamentazzjoni ta’ din il-professjoni f’Malta.

L-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati

L-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati hija responsabbli mill-amministrazzjoni tal-Qrati ta' Malta.  L-Aġenzija hija responsabbli mir-reġistri u mill-uffiċjali assenjati lilhom, mill-preżentazzjoni u mit-taħrika tal-atti ġudizzjarji, mill-eżekuzzjoni tat-titoli eżekuttivi, bħas-sentenzi u l-mandati permezz tal-marixxalli maħtura mill-Qorti u uffiċjali oħrajn, mill-bejgħ b’subbasti, mill-ġurijiet u minn proċeduri oħrajn tal-qorti kriminali.

Deputat Reġistratur PDF (489 KB) mt

Assistent Ġudizzjarju PDF (382 KB) mt

Skrivani tar-Reġistru PDF (390 KB) mt

Links relatati

Kamra tal-Avukati (Malta)

Sit elettroniku uffiċjali tal-Kunsill Notarili (Malta)

L-aħħar aġġornament: 03/05/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Atsiliepimai

Pateikite savo pastabas ir atsiliepimus apie mūsų naująją svetainę

naudodamasis šia forma