Jogszerű letelepedés külföldön gyermekekkel

Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?

Skont l-Artikolu 30 tal-Liġi Nru 248/2005 dwar ir-reġim tal-moviment liberu taċ-ċittadini Rumeni barra minn pajjiżhom, wild (li jkun minorenni u) li jkun detentur ta’ dokument tal-ivvjaġġar jew karta tal-identità individwali u li jkun qiegħed jivvjaġġa barra minn pajjiżu flimkien ma’ wieħed mill-ġenituri jista’ joħroġ barra mit-territorju tar-Rumanija mingħajr ma tkun meħtieġa d-dikjarazzjoni tal-ġenitur l-ieħor, dment li l-ġenitur li jkun qiegħed jakkumpanja lill-wild jagħti prova li l-wild ġie fdat lilu b’sentenza tal-qorti finali u irrevokabbli (definitivă şi irevocabilă) jew li l-ġenitur jeżerċita waħdu s-setgħa tal-ġenituri b’sentenza tal-qorti finali u irrevokabbli (jew b’sentenza tal-qorti finali għall-proċedimenti li nbdew mill-15 ta’ Frar 2013 ’il quddiem).

Mhuwiex meħtieġ li tkun provduta dikjarazzjoni minn ġenitur li d-drittijiet tiegħu ta’ ġenitur ikunu ġew itterminati jew minn ġenitur li legalment ikun ġie ddikjarat bil-liġi bħala persuna nieqsa, jekk il-ġenitur li jkun qiegħed jakkumpanja lill-wild jagħti prova ta’ dan il-fatt.

Il-pulizija tal-fruntieri jippermettu lill-minorenni akkumpanjati li joħorġu mir-Rumanija jekk il-ġenitur li jkun qiegħed jakkumpanjahom jiġġustifika l-bżonn ta’ vjaġġar barra l-pajjiż bil-fatt li l-wild minorenni se jirċievi trattament mediku li mhuwiex disponibbli fit-territorju tar-Rumanija, li fin-nuqqas tiegħu, ħajjet jew saħħet il-minorenni tkun ipperikolata serjament, jekk il-ġenitur li jkun qiegħed jakkumpanja lill-wild juri dokumenti ta’ prova f’dan ir-rigward, li jkunu nħarġu jew ġew approvati mill-awtoritajiet tas-saħħa Rumeni u li fihom ikun iddikjarat il-perjodu ta’ żmien li matulu jkun se jingħata dak it-trattament mediku kif ukoll l-istat(i) li fih se jsir, anki jekk il-kunsens ma jkunx ingħata miż-żewġ ġenituri, mill-ġenitur l-ieħor, mill-ġenitur li jkun għadu ħaj jew mir-rappreżentant legali. Bl-istess mod, il-pulizija tal-fruntieri jippermettu lill-minorenni akkumpanjati li joħorġu mir-Rumanija jekk il-ġenitur li jkun qiegħed jakkumpanjahom jagħti prova li l-wild minorenni qiegħed jivvjaġġa għal studji jew kompetizzjonijiet uffiċjali billi juri d-dokumenti xierqa li jindikaw il-perjodu ta’ żmien li matulu se jsiru dawk l-istudji jew kompetizzjonijiet kif ukoll l-istat(i) li fih(om) se jsiru, anki jekk ġenitur wieħed biss ikun ta l-kunsens tiegħu.

2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?

Huwa meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor sabiex wild ikun trasferit lejn Stat Membru ieħor, fil-każijiet li fihom is-setgħa tal-ġenituri tkun eżerċitata miż-żewġ ġenituri b’mod konġunt.

Għaldaqstant, il-ġenituri jeżerċitaw is-setgħa tal-ġenituri b’mod konġunt u ugwali, irrispettivament minn jekk il-wild ikunx twieled fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ.

F’każ ta’ divorzju, il-ġenituri jkollhom setgħa tal-ġenituri konġunta, sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor. Jekk ikun hemm raġunijiet validi u b’kunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tal-minorenni, il-qorti tista’ tiddeċiedi li s-setgħa tal-ġenituri għandha tkun eżerċitata biss minn wieħed mill-ġenituri.

3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?

Kull meta jfeġġ xi nuqqas ta’ ftehim bejn il-ġenituri fir-rigward tal-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom jew il-qadi ta’ dmirijiethom bħala ġenituri, qorti superviżorja tieħu deċiżjoni fl-aħjar interessi tal-minorenni, wara li tkun semgħet lill-ġenituri u kkunsidrat rapport psikoloġiku-soċjali. Għaldaqstant, il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għall-ivvjaġġar barra l-pajjiż ta’ wild jista’ jiġi sostitwit bis-sentenza tal-qorti.

4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.

Il-Liġi Nru 248/2005 dwar ir-reġim tal-moviment liberu taċ-ċittadini Rumeni barra minn pajjiżhom ma jagħmilx distinzjoni bejn it-trasferiment temporanju u finali. Ma hemm l-ebda formola standard għall-kunsens tal-ġenituri għat-trasferiment tal-wild minorenni akkumpanjat mill-ġenitur l-ieħor. Il-liġi tipprevedi li d-dikjarazzjoni trid tindika l-kunsens tal-ġenitur għall-vjaġġ inkwistjoni lejn il-pajjiż(i) ta’ destinazzjoni u għall-perjodu ta’ żmien tal-ivvjaġġar.

Jekk wild joħroġ barra mit-territorju tar-Rumanija flimkien ma’ persuna li mhijiex ġenitur tiegħu, trid issir dikjarazzjoni u din trid tinkludi l-kunsens taż-żewġ ġenituri għal dak il-vjaġġ li jkun se jagħmel il-wild lejn il-pajjiż(i) ta’ destinazzjoni, għall-perjodu ta’ żmien tal-ivvjaġġar, kif ukoll trid tagħti d-dettalji ta’ dik il-persuna li tkun qiegħda takkumpanja lill-wild. Id-dikjarazzjoni trid tinkludi wkoll, flimkien mal-iskop tal-ivvjaġġar, ir-rotta li se tiġi segwita lejn il-pajjiż ta’ destinazzjoni, dikjarazzjoni dwar jekk il-wild minorenni huwiex se jibqa’ fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, u jekk dan ikun il-każ, fid-dikjarazzjoni tkun indikata l-persuna li se tiġi fdata bil-wild minorenni, u jekk il-wild huwiex se jirritorna flimkien ma’ persuna li tkun qiegħda takkumpanjah, li d-dettalji tagħha wkoll iridu jiġu provduti jekk dik il-persuna ma tkunx l-istess waħda li magħha l-wild ikun ħareġ barra mir-Rumanija. Il-formola standard ta’ dikjarazzjoni għall-kunsens tal-ġenituri għall-ħruġ barra mill-pajjiż ta’ wild minorenni akkumpanjat minn adult ieħor tinsab inkluża hawn taħt.

Id-dikjarazzjonijiet indikati hawn fuq iridu jitfasslu f’żewġ oriġinali u trid issir awtentikazzjoni tagħhom minn nutar pubbliku jekk fir-Rumanija u mir-rappreżentanzi diplomatiċi u l-uffiċċji konsulari jekk barra r-Rumanija jew, jekk dikjarazzjonijiet bħal dawk ikunu saru quddiem awtoritajiet barranin, iridu jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti għal-legalizzazzjoni skont il-liġi jew ikollhom fuqhom l-apostille f’konformità mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta’ Ottubru 1961 dwar it-Tneħħija tal-Ħtieġa ta’ Legalizzazzjoni fuq Dokumenti Pubbliċi Barranin. Il-persuna li tkun qiegħda takkumpanja lill-wild għandha żżomm oriġinali tad-dikjarazzjoni u t-tieni oriġinali tinhemeż mal-passaport tal-minorenni.

Fajls rilevanti

Formola ta’ Dikjarazzjoni għall-Kunsens tal-Ġenituri għall-Ħruġ Barra mill-Pajjiż ta’ Wild Minorenni Akkumpanjat minn Adult Ieħor. PDF (23 Kb) ro

L-aħħar aġġornament: 03/07/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.