Jogszerű letelepedés külföldön gyermekekkel

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?

Iż-żewġ ġenituri huma responsabbli mit-trattament ta’ kwistjonijiet ta’ importanza partikolari (l-Artikoli 1901, 1902, 1911 u 1912 tal-Kodiċi Ċivili).

Meta l-ġenituri jinfirdu (divorzju jew separazzjoni), it-tnejn li huma jibqgħu responsabbli għal kwistjonijiet ta’ importanza partikolari (l-Artikolu 1906(1) tal-Kodiċi Ċivili), sakemm il-qorti ma tiddeċidix, abbażi ta’ deċiżjoni motivata, li r-responsabbiltà għandha tkun eżerċitata minn ġenitur wieħed biss, jew meta l-eżerċitar konġunt tar-responsabbiltà jkun meqjus li mhuwiex fl-aħjar interess tal-wild (l-Artikolu 1906(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Ma hemm l-ebda definizzjoni speċifika ta’ “kwistjonijiet ta’ importanza speċifika”. Dawn jirreferu għal firxa limitata ta’ aspetti fil-ħajja ta’ wild jew għal kwistjonijiet eżistenzjali serji u mhux tas-soltu relatati mad-drittijiet ewlenin tal-wild.

Il-lok jew l-għażla ta’ fejn se tkun iċċentrata l-ħajja ta’ wild, jiġifieri, l-għażla ta’ fejn it-tifla jew it-tifel se jgħixu hija kwistjoni ta’ importanza partikolari. Iż-żewġ ġenituri huma responsabbli minn din id-deċiżjoni; F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri dwar din il-materja, il-post ta’ residenza tal-wild jiġi determinat mill-qorti (l-Artikolu 1906(5) tal-Kodiċi Ċivili).

Għaldaqstant, ġenitur wieħed jista’ jittrasferixxi wild lejn stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor biss meta jkollu s-setgħa esklużiva tal-ġenituri jew il-post ta’ residenza tal-wild ikun ġie determinat jew mibdul minn qorti, b’tali mod li jippermetti trasferiment lejn stat ieħor.

2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?

Il-kunsens huwa meħtieġ kull meta ż-żewġ ġenituri jeżerċitaw ir-responsabbiltà, kif tinsab ir-regola ġenerali fil-preżent skont l-Artikolu 1906(1) tal-Kodiċi Ċivili.

3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?

Jekk wieħed mill-ġenituri ma jagħtix il-kunsens tiegħu għat-trasferiment ta’ wild lejn stat ieħor u ż-żewġ ġenituri jeżerċitaw ir-responsabbiltà, tali trasferiment ta’ wild lejn stat ieħor jista’ jseħħ biss permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja (l-Artikolu 1906(5) tal-Kodiċi Ċivili).

4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.

Fil-ġurisprudenza u t-teorija ġuridika, it-trasferiment temporanju għall-btajjel jew divertiment ma tqisx bħala kwistjoni ta’ importanza partikolari fil-każijiet li fihom it-trasferiment ma jirrikjedix bidliet fil-post li fih hija ċċentrata l-ħajja tal-wild. Eċċezzjonijiet jinkludu t-trasferiment lejn pajjiżi f’kunflitt armat, pajjiżi li notevolment mhumiex sikuri jew pajjiżi milquta minn pandemiji, u b’hekk li fihom is-saħħa u s-sikurezza tal-wild titqiegħed f’riskju.

Madankollu, trasferiment temporanju għall-kura tas-saħħa għandu jitqies bħala kwistjoni ta’ importanza partikolari, li tirrikjedi l-qbil taż-żewġ ġenituri, skont il-kura tas-saħħa speċifika inkwistjoni u r-riperkussjonijiet li tali kura jista’ jkollha fuq id-drittijiet ewlenin tal-wild. Tista’ tinvolvi trattament mediku sinifikanti (kimoterapija, terapiji esperimentali) jew il-ħtieġa li l-wild ikun akkumpanjat għaliex ma jkunx jifhem il-lingwa użata mill-persunal mediku jew ikun hemm il-possibbiltà li l-persunal mediku jsibha diffiċli jew impossibbli li jikseb l-informazzjoni preċiża mill-wild dwar is-sintomi, u b’hekk ikun jeħtieġ it-traduzzjoni.

Formoli

Is-Servizz għall-Barranin u tal-Fruntieri (SEF – Serviço de Estrangeiros e Fronteiras) għandu mudelli ta’ formoli għat-trasferiment ta’ minorenni. Jinsabu fis-siti web segwenti:

https://www.sef.pt/pt/pages/conteudo-detalhe.aspx?nID=73

Mudell ta’ formola (trasferiment ta’ minorenni ta’ ċittadinanza Portugiża):

https://www.sef.pt/pt/Documents/AUTORIZACAO%20DE%20SAIDA%20DE%20MENORES%20DE%20TERRITORIO%20NACIONAL.doc

Mudell ta’ formola (trasferiment ta’ minorenni barrani):

https://www.sef.pt/pt/Documents/AUTORIZACAO%20DE%20SAIDA%20DE%20MENORES%20DE%20TERRITORIO%20NACIONAL.doc

L-aħħar aġġornament: 13/08/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna