Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Informazzjoni dwar it-tneħħija legali tal-minuri

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?

Iż-żewġ ġenituri huma responsabbli biex jieħdu ħsieb kwistjonijiet ta’ importanza partikolari (l-Artikoli 1901, 1902, 1911 u 1912 tal-Kodiċi Ċivili (Código Civil)).

Meta l-ġenituri jinfirdu (divorzju jew separazzjoni), it-tnejn li huma jibqgħu responsabbli għal kwistjonijiet ta’ importanza partikolari (l-Artikolu 1906(1) tal-Kodiċi Ċivili), sakemm il-qorti ma tiddeċidix, abbażi ta’ deċiżjoni motivata, li r-responsabbiltà għandha tkun eżerċitata minn ġenitur wieħed waħdu, jew meta l-eżerċizzju konġunt tar-responsabbiltà jitqies li ma jkunx fl-aħjar interessi tal-wild minuri (l-Artikolu 1906(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Ma hemm l-ebda definizzjoni speċifika ta’ “kwistjonijiet ta’ importanza partikolari”. Dawn jirreferu għal firxa limitata ta’ aspetti fil-ħajja ta’ wild minuri jew għal kwistjonijiet eżistenzjali serji u mhux komuni relatati mad-drittijiet ewlenin tal-wild minuri.

Il-post jew l-għażla ta’ fejn se tkun iċċentrata l-ħajja ta’ wild minuri, fi kliem ieħor, l-għażla ta’ fejn se jgħix hija kwistjoni ta’ importanza partikolari. Iż-żewġ ġenituri huma responsabbli għal din id-deċiżjoni; f’każ ta’ diżgwid bejn il-ġenituri dwar din il-kwistjoni, il-post ta’ residenza tal-wild minuri jiġi ddeterminat mill-qorti (l-Artikolu 1906(5) tal-Kodiċi Ċivili).

Għaldaqstant, ġenitur wieħed jista’ jittrasferixxi legalment lil wild minuri lejn stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor biss meta jkollu r-responsabbiltà tal-ġenituri esklużiva jew jekk il-post ta’ residenza tal-wild minuri ikun ġie determinat jew mibdul minn qorti, b’tali mod li jkun permess it-trasferiment lejn stat ieħor.

2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?

Il-kunsens huwa meħtieġ kull meta ż-żewġ ġenituri jeżerċitaw ir-responsabbiltà, kif inhi r-regola ġenerali attwali skont l-Artikolu 1906(1) tal-Kodiċi Ċivili.

3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?

Jekk wieħed mill-ġenituri ma jagħtix il-kunsens tiegħu għat-trasferiment ta’ wild minuri lejn stat ieħor u ż-żewġ ġenituri jeżerċitaw ir-responsabbiltà, tali trasferiment ta’ wild minuri lejn stat ieħor jista’ jseħħ biss permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja (l-Artikolu 1906(5) tal-Kodiċi Ċivili).

F’każ bħal dan, il-proċedimenti għandhom jitressqu quddiem il-qorti jew id-diviżjoni tal-qorti b’ġuriżdizzjoni territorjali u b’ġuriżdizzjoni għal kwistjonijiet relatati mal-familji u l-minorenni (ara l-Artikoli 122 sa 125 tal-Liġi Nru 62/2013 dwar l-Organizzazzjoni tas-Sistema Ġudizzjarja); il-proċedimenti jsegwu l-forma stabbilita fir-regoli li jirregolaw il-proċedimenti dwar il-kustodja ċivili approvati mil-Liġi Nru 141/2015 (ara l-Artikoli 3, 9 u 67 ta’ din tal-aħħar).

4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.

Fid-duttrina legali u l-ġurisprudenza, it-tneħħija temporanja għall-btajjel jew divertiment ma tqisitx bħala kwistjoni ta’ importanza partikolari meta t-tneħħija ma tirrikjedix bidliet fil-post li fih hija ċċentrata l-ħajja tal-wild minuri. L-eċċezzjonijiet jinkludu t-trasferiment lejn pajjiżi f’kunflitt armat, pajjiżi li notevolment ma humiex sikuri jew pajjiżi milquta minn pandemiji, billi jkunu qegħdin jitpoġġew f’riskju s-saħħa u s-sikurezza tal-wild minuri.

Madankollu, il-kura tas-saħħa tqieset bħala kwistjoni ta’ importanza partikolari, li tirrikjedi l-qbil taż-żewġ ġenituri, skont il-kura tas-saħħa speċifika inkwistjoni u r-riperkussjonijiet li tali kura jista’ jkollha fuq id-drittijiet ewlenin tal-wild minuri. Dan jista’ jinvolvi trattament mediku sinifikanti (kimoterapija, terapiji sperimentali) jew il-ħtieġa li l-wild minuri jkun akkumpanjat għaliex ma jkunx jifhem il-lingwa użata mill-persunal mediku jew għaliex il-persunal mediku jaf isibha diffiċli jew impossibbli biex jikseb l-informazzjoni preċiża mill-wild minuri dwar is-sintomi, u b’hekk tkun meħtieġa traduzzjoni.

Meta l-kura tas-saħħa ta’ tali importanza li teħtieġ it-tneħħija temporanja tal-wild minuri, jekk iż-żewġ ġenituri jaqblu mat-trattament, dan il-ftehim ikun ikopri wkoll it-tneħħija tal-wild minuri.

Formoli

Id-Dipartiment għall-Barranin u l-Fruntieri (SEF) għandu mudelli ta’ formoli għat-trasferiment ta’ minorenni.

Dawn jinsabu fil-links li ġejjin: https://www.sef.pt/pt/pages/conteudo-detalhe.aspx?nID=73

Leġiżlazzjoni applikabbli

Regoli li jirregolaw proċedimenti ta’ kustodja ċivili

Kodiċi Ċivili

Liġi dwar l-Organizzazzjoni tas-Sistema Ġudizzjarja

Nota:

Il-Punt ta’ Kuntatt NĠE-Ċivili, il-qrati jew l-entitajiet u l-awtoritajiet l-oħrajn ma humiex marbutin bl-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva. Għalkemm l-informazzjoni hawnhekk tiġi aġġornata regolarment, it-testi legali fis-seħħ għandhom dejjem jiġu kkonsultati u l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tista’ tinbidel maż-żmien.

L-aħħar aġġornament: 09/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.