Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Pollakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Jogszerű letelepedés külföldön gyermekekkel

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?

Is-setgħa tal-ġenituri hija min-natura tagħha eżerċitata konġuntament miż-żewġ ġenituri. Dan jirriżulta mill-Artikolu 97(2) tal-Kodiċi tal-Familja u tal-Kustodja tal-Polonja (kodeks rodzinny i opiekuńczy), skont liema l-ġenituri jiddeċiedu konġuntament dwar kwistjonijiet essenzjali li jikkonċernaw wild u, jekk ma jirnexxilhomx jaslu għal ftehim, tkun il-qorti tal-kustodja li tieħu deċiżjoni dwarhom (sąd opiekuńczy). Huwa biss fi kwistjonijiet inqas importanti li jikkonċernaw wild li kull wieħed mill-ġenituri jiddeċiedi indipendentement, mingħajr ma jkollu għalfejn jikkonsulta lill-ġenitur l-ieħor u jġib il-kunsens tiegħu jew tagħha. Fil-ġurisprudenza tal-Polonja, il-ħruġ ta’ wild barra l-pajjiż, kemm permanentement kif ukoll temporanjament, anki għal btala, huwa kkunsidrat kwistjoni essenzjali.

Fid-dawl tal-Artikolu 97(2) tal-Kodiċi tal-Familja u tal-Kustodja, ġenitur jista’ joħroġ wild barra l-pajjiż mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor biss jekk:

(a) il-ġenitur l-ieħor ikun ġie mċaħħad mis-setgħa tal-ġenituri fuq il-wild permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti Pollakka (l-Artikolu 111 tal-Kodiċi tal-Familja u tal-Kustodja);

(b) is-setgħa tal-ġenituri tal-ġenitur l-ieħor tkun ġiet sospiża minn deċiżjoni ta’ qorti Pollakka (l-Artikolu 110 tal-Kodiċi tal-Familja u tal-Kustodja);

(c) il-ġenitur l-ieħor ikollu setgħa tal-ġenituri limitata fuq il-wild għaliex jirrappreżenta theddida għall-benesseri tal-wild (l-Artikolu 109 tal-Kodiċi tal-Familja u tal-Kustodja). Il-qorti tiddeċiedi dwar kif is-setgħa tal-ġenituri għandha tkun limitata billi tapplika l-miżura li tipproteġi bl-aqwa mod il-benesseri tal-wild. B’mod partikolari, il-ġenitur li s-setgħa tal-ġenituri tiegħu tkun ġiet limitata jista’ jiġi mċaħħad mid-dritt li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet essenzjali li jikkonċernaw il-wild jew fi wħud minn dawn il-kwistjonijiet. Jekk il-ġenitur l-ieħor ikun ġie mċaħħad mid-dritt li jiddeċiedi dwar ir-residenza abitwali tal-wild permezz ta’ sentenza ta’ din ix-xorta, f’dak il-każ, il-ġenitur ma jkunx jista’ jopponi bidla fir-residenza abitwali tal-wild fil-Polonja għal residenza abitwali barra l-pajjiż.

(d) id-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri lejn il-wild inbidlu wara sentenza mogħtija fil-proċedimenti għad-divorzju (l-Artikolu 58(1) u (1a) tal-Kodiċi tal-Familja u tal-Kustodja), għall-annullament taż-żwieġ (l-Artikolu 51(1) u (1a), moqri flimkien mal-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Familja u tal-Kustodja) u għas-separazzjoni (l-Artikolu 58(1) u (1a), moqri flimkien mal-Artikolu 613(1) tal-Kodiċi tal-Familja u tal-Kustodja). Dan japplika wkoll għal deċiżjonijiet mogħtija taħt tal-Artikolu 93(2) (fi proċedimenti għall-paternità), l-Artikolu 106 (fi proċedimenti għall-emendar ta’ sentenza dwar is-setgħa tal-ġenituri u l-mod ta’ kif din is-setgħa tiġi eżerċitata, mogħtija fi proċedimenti għad-divorzju, għas-separazzjoni jew għall-annullament taż-żwieġ) u l-Artikolu 107(1) u (2) tal-Kodiċi tal-Familja u tal-Kustodja (fi proċedimenti għall-affidament tal-eżerċitar tas-setgħa tal-ġenituri lil wieħed mill-ġenituri f’każijiet li fihom dawn ma jgħixux flimkien). B’mod partikolari, il-qorti tista’, f’każijiet ta’ din ix-xorti, tafda l-eżerċitar tas-setgħa tal-ġenituri lil wieħed mill-ġenituri, u tillimita d-drittijiet tal-ġenitur l-ieħor għal drittijiet u obbligi speċifiċi fil-konfront tal-wild. Jekk qorti tad-divorzju tafda l-eżerċitar tas-setgħa tal-ġenituri lil wieħed mill-ġenituri u tillimita s-setgħa tal-ġenituri tal-ġenitur l-ieħor, imbagħad, minkejja li sentenza ta’ din ix-xorta ma ċċaħħadx lill-ġenitur l-ieħor mis-setgħa tal-ġenituri fuq il-wild, dak il-ġenitur jista’ jeżerċita d-drittijiet u l-obbligi tiegħu biss sa fejn il-qorti tippermettilu jagħmel dan. Jekk il-qorti ma tagħtix id-dritt tad-deċiżjoni dwar ir-residenza tal-wild lill-ġenitur l-ieħor, allura, fil-prinċipju, il-ġenitur li jkun ġie fdat bis-setgħa tal-ġenituri jiddeċiedi dwar din ir-residenza waħdu (ara, madanakollu, il-punt 2).

(e) il-ġenitur l-ieħor ikun ġie mċaħħad mid-dritt ta’ deċiżjoni b’mod konġunt dwar il-bidliet fir-residenza tal-wild permezz ta’ sentenza ta’ qorti barranija rikonoxxuta bħala effettiva fil-Polonja.

2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?

Il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor huwa meħtieġ fil-każijiet kollha li mhumiex elenkati fil-punt preċedenti, jiġifieri fis-sitwazzjonijiet li fihom ġenitur ikollu s-setgħa sħiħa tal-ġenituri, jew is-setgħa tal-ġenituri tiegħu tkun ġiet limitata iżda ma jkunx ġie mċaħħad mid-dritt ta’ deċiżjoni dwar ir-residenza tal-wild. Il-ġurisprudenza Pollakka tmur pass lil hinn minn hekk f’dan ir-rigward. Kif spjegat mill-Qorti Suprema (Sąd Najwyższy) fid-deċiżjoni tagħha tal-10 ta’ Novembru 1971 fil-kawża III CZP 69/71, ġenitur li huwa intitolat li jżomm wild fil-post ta’ residenza tiegħu għandu jkollu d-dritt li jieħu deċiżjoni b’mod konġunt dwar il-bidliet fir-residenza abitwali tal-wild jekk tali bidliet jagħmluha fil-fatt impossibbli li dak il-ġenitur jkollu kuntatt mal-wild. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ din is-sentenza, anki jekk il-qorti ma tkun tat lill-ġenitur l-ieħor, pereżempju fil-proċedimenti għad-divorzju, id-dritt ta’ deċiżjoni b’mod konġunt dwar ir-residenza abitwali tal-wild, dak il-ġenitur jista’ jitlob li l-wild jirritorna jekk ma jkunx jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu li jkollu kuntatt mal-wild.

3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?

F’każijiet ta’ din ix-xorta, għandu jiġi preżentat rikors lill-qorti tal-kustodja fil-Polonja għal kunsens sostitwit sabiex wild ikun jista’ jinħareġ barra l-pajjiż.
Rikorsi għal kunsens ta’ din ix-xorta jista’ jiġi preżentat mill-ġenituri li ma ġewx imċaħħda mis-setgħa tal-ġenituri jew li s-setgħa tal-ġenituri tagħhom ma ġietx sospiża. Ir-rikorsi jistgħu jiġu preżentati mir-rikorrenti nfushom: f’każijiet bħal dawn, il-liġi Pollakka ma tesiġix li l-partijiet ikunu rappreżentati quddiem il-qorti minn avukat. Il-qorti b’ġurisdizzjoni ratione materiae li tikkunsidra dawn ir-rikorsi hija l-Qorti Distrettwali (sąd rejonowy) (it-taqsima tal-familja u tal-minorenni) bħala l-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li l-qorti b’ġurisdizzjoni territorjali hija l-qorti tal-post li fih il-wild ikun jirrisjedi jew qiegħed joqgħod.

4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.

Kif indikat aktar ’il fuq, il-ħruġ ta’ wild barra l-pajjiż għal perjodu qasir ta’ żmien jirrikjedi l-kunsens tal-ġenitur l-ieħor.

Il-formoli tal-kunsens sabiex wild jinħareġ barra l-pajjiż (permanentement jew temporanjament) ma jintużawx fil-Polonja. Għaldaqstant, il-kunsens jista’ jingħata fi kwalunkwe għamla. Madankollu, jidher li jkun aħjar jekk jinkiseb kunsens bil-miktub, li jista’ jservi ta’ evidenza fi kwalunkwe proċediment għar-ritorn ta’ wild abbażi tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. L-assistenza ta’ avukat, konsulent legali jew nutar Pollakk tista’ tkun ta’ siwi fit-tħejjija ta’ tali kunsens.

L-aħħar aġġornament: 27/06/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.