Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Informazzjoni dwar it-tneħħija legali tal-minuri

Ġibiltà
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?

L-Artikolu 30 tal-Att tal-2009 dwar it-Tfal (Children Act 2009) tippermetti lil persuna b’ordni ta’ residenza (residence order) li tikkonċerna lil wild minuri biex tneħħi lill-wild minuri minn Ġibiltà għal perjodu ta’ anqas minn xahar.

Meta ma jkunx hemm ordni ta’ residenza fis-seħħ, ġenitur b’responsabbiltà unika tal-ġenituri jista’ legalment ineħħi lil wild minuri minn Ġibiltà mingħajr il-permess tal-ġenitur l-ieħor. Madankollu, il-ġenitur l-ieħor li ma jkollux ir-responsabbiltà tal-ġenituri jista’ jipprevjeni t-tneħħija ta’ wild minuri mill-ġuriżdizzjoni billi jippreżenta rikors quddiem il-qorti għal ordni dwar passi pprojbiti (prohibited steps order).

2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?

L-Artikolu 30 tal-Att tal-2009 dwar it-Tfal jeħtieġ li fejn tkun fis-seħħ ordni ta’ residenza fir-rigward ta’ wild minuri, ħadd ma jkun jista’ jneħħi lill-wild minuri minn Ġibiltà (għajr għal perjodu sa xahar) mingħajr il-kunsens bil-miktub ta’ kull persuna li jkollha r-responsabbiltà tal-ġenituri għall-wild minuri, jew mingħajr il-permess tal-qorti.

Barra minn hekk, l-Artikolu 184 tal-Att tal-2011 dwar ir-Reati (Crimes Act 2011) jipprovdi li ġenitur (u persuni oħra speċifikati li jinkludu persuna li tkun tutur tal-wild minuri, persuna li tkun fis-seħħ ordni ta’ residenza favur tagħha fir-rigward tal-wild minuri jew persuna li jkollha l-kustodja tal-wild minuri) twettaq reat (ħtif ta’ wild minuri) jekk tieħu jew tibgħat lill-wild minuri barra minn Ġibiltà mingħajr il-kunsens xieraq (li jfisser il-kunsens ta’ omm il-wild minuri u ta’ missier il-wild minuri jekk ikollu r-responsabbiltà tal-ġenituri – jew il-kunsens ta’ nies oħra speċifikati msemmija aktar ’il fuq).

Fejn ma jkunx hemm ordni ta’ residenza fis-seħħ iżda aktar minn persuna waħda jkollha r-responsabbiltà tal-ġenituri għall-wild minuri, l-ebda persuna bir-responsabbiltà tal-ġenituri għal dak il-wild minuri ma jkollha permess li tneħħi lill-wild minuri minn Ġibiltà mingħajr il-kunsens tal-persuni l-oħra li jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew mingħajr il-permess tal-qorti.

3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?

Ġenitur b’ordni ta’ residenza rigward il-wild minuri u li qed ifittex li jneħħi lill-wild minuri b’mod permanenti minn Ġibiltà jista’ jirriloka legalment mal-wild minuri mingħajr l-intervent tal-qorti jekk ikollu l-kunsens bil-miktub tal-ġenitur l-ieħor bir-responsabbiltà tal-ġenituri jew ta’ xi ħadd ieħor li jkollu r-responsabbiltà tal-ġenituri. Jekk il-kunsens jiġi rrifjutat, ikun meħtieġ li jsir rikors ippreżentat lill-qorti għall-permess sabiex il-wild minuri jitneħħa minn Ġibiltà fuq bażi permanenti (l-Artikolu 30 tal-Att tal-2009 dwar it-Tfal).

Il-kunsiderazzjoni u l-fattur ta’ determinazzjoni assoluti f’każijiet ta’ rilokazzjoni internazzjonali dejjem ikunu l-aħjar interessi tal-wild minuri. L-imħallfin iqisu l-informazzjoni kollha disponibbli għalihom f’kull każ qabel ma jaslu għal ġudizzju indipendenti. L-ewwel u qabel kollox ifittxu li jieħdu deċiżjonijiet li jkunu fl-aħjar interess tal-wild minuri ikkonċernat.

Barra minn hekk, meta ma jkun hemm l-ebda ordni ta’ residenza fis-seħħ, persuna li jkollha r-responsabbiltà tal-ġenituri għall-wild minuri u li tkun qed tfittex li tneħħi lill-wild minuri minn Ġibiltà b’mod permanenti trid tippreżenta rikors quddiem il-qorti għall-permess jekk il-kunsens minn kwalunkwe persuna oħra bir-responsabbiltà tal-ġenituri jiġi rrifjutat.

4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.

It-tweġiba għall-mistoqsija 1 aktar ’il fuq tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għat-tneħħija legali tal-wild minuri minn Ġibiltà għal perjodu ta’ anqas minn xahar. Persuna b’ordni ta’ residenza favur il-wild minuri tista’ tieħu lill-wild minuri barra mill-pajjiż għal anqas minn xahar u, għalhekk, ma jkollhiex bżonn il-permess tal-ġenitur l-ieħor sabiex tieħu lill-wild minuri għal btala.

L-aħħar aġġornament: 09/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.