Jogszerű letelepedés külföldön gyermekekkel

Franza
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?

Jekk il-ġenituri flimkien jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri, kull wieħed minnhom jista’ jivvjaġġa mal-minuri mingħajr il-kunsens espliċitu tal-ieħor, apparti f’ċirkostanzi partikolari. Jekk, madankollu, wieħed miż-żewġ ġenituri espressament jirrifjuta li jivvjaġġa u ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim, il-kwistjoni għandha tiġi rinvijata lil qorti għall-affarijiet familjali għad-deċiżjoni tagħha.

Jekk il-ġenituri jeżerċitaw b’mod konġunt l-awtorità tal-ġenituri, wieħed mill-ġenituri ma jistax jiddeċiedi waħdu li jissetilja barra mill-pajjiż mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor. Jekk ġenitur wieħed biss għandu l-awtorità tal-ġenituri, il-kunsens, preżunt jew espress, tal-ġenitur l-ieħor mhuwiex meħtieġ, kemm jekk dan ikun għall-vaganzi kif ukoll sabiex wieħed jistabbilixxi ruħu barra mill-pajjiż. Madankollu, huwa għandu jżomm lill-ġenitur l-ieħor informat skont l-Artikolu 373-2-1 tal-Kodiċi Ċivili, li jipprovdi li l-ġenitur li ma jeżerċitax l-awtorità tal-ġenituri jrid jiġi informat bl-għażliet importanti relatati mal-ħajja tal-wild.

2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?

Ivvjaġġar għall-btala:

Sabiex toġġezzjona għat-trasferiment tal-minuri barra mill-pajjiż minn parti waħda mill-ġenituri, il-parti l-oħra tista’, jekk teżerċita wkoll l-awtorità tal-ġenituri, tagħmel oġġezzjoni mal-prefetturi għal ħruġ mit-territorju li tkun valida għal 15-il jum u / jew tagħmel talba lill-qorti tal-familja għal projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju mingħajr il-kunsens taż-żewġ ġenituri (Artikolu 373-2-6 tal-Kodiċi Ċivili) li tkun valida sakemm il-minuri jsir adult jew tittieħed deċiżjoni ġdida. Il-miżura ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju mingħajr il-kunsens taż-żewġ ġenituri timpedixxi lill-minuri milli jitlaq mit-territorju. Il-ġenituri jistgħu madankollu jagħtu l-kunsens speċifiku tagħhom għal vjaġġ partikolari tal-minuri, waħdu jew ma’ ġenitur wieħed, billi jagħmlu dikjarazzjoni quddiem l-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja (magħmula fi prinċipju ħamest (5) ijiem qabel il-vjaġġ). Jekk wieħed mill-ġenituri jirrifjuta li jagħti dikjarazzjoni ta’ awtorizzazzjoni, il-ġenitur l-ieħor jista’ jressaq rikors quddiem il-qorti sabiex tinkiseb it-tneħħija tal-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju jew l-awtorizzazzjoni speċifika sabiex il-minuri jkun jista’ jħalli t-territorju.

Vjaġġar bl-għan ta’ bidla tar-residenza:

Anki fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni għall-ħruġ mit-territorju jew ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju, jekk it-trasferiment tal-minuri fi Stat ieħor għandu l-għan li jbiddel ir-residenza tal-minuri, il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor huwa meħtieġ, ħlief jekk il-ġenitur li jixtieq ibiddel ir-residenza tiegħu jkun igawdi waħdu mill-awtorità tal-ġenituri. F’dak il-każ biss, din il-parti tista’ tbiddel ir-residenza tagħha mingħajr il-qbil tal-parti l-oħra, iżda għandha żżomm lill-parti l-oħra infurmata dwar din is-sitwazzjoni ġdida li hija importanti għat-tfal.

Jekk il-ġenitur ikun naqas milli jitlob il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor, dan tal-aħħar ikun jista’ jagħmel talba għar-ritorn tal-wild abbażi tal-illegalità tal-moviment abbażi tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal. Dawn il-proċedimenti għandhom jinfetħu fl-Istat ta’ residenza ġdida tal-minuri, jekk meħtieġ bl-assistenza tal-awtoritajiet ċentrali stabbiliti f’konformità mal-Konvenzjoni.

Irrispettivament min-natura tal-vjaġġ u ħlief f’każijiet speċifiċi ta’ projbizzjoni u ta’ oġġezzjoni għal ħruġ mit-territorju, ta’ min jinnota li mhuwiex mitlub mingħand il-ġenitur li jħalli t-territorju mal-minuri li jipprova b’mod espliċitu l-kunsens tal-ġenitur l-ieħor, billi dan tal-aħħar huwa preżunt fil-konfront ta’ partijiet terzi.

3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?

Fil-każ li parti waħda mill-ġenituri li teżerċita l-awtorità tal-ġenituri ma tagħtix il-kunsens tagħha għall-vjaġġ, il-ġenitur li jixtieq jittrasferixxi lill-minuri jrid iressaq każ quddiem il-qorti biex din tħalli lill-minuri j/titlaq mit-territorju. L-istess jgħodd jekk ikun hemm projbizzjoni ta’ tluq mit-territorju mingħajr l-awtorizzazzjoni taż-żewġ ġenituri.

Bl-istess mod, jekk it-trasferiment tal-minuri jikkonsisti fir-realtà f’bidla ta’ residenza, il-ġenitur li jixtieq jistabbilixxi residenza ġdida mal-minuri, irid f’każ ta’ rifjut tal-ġenitur l-ieħor li jeżerċita l-awtorità tal-ġenituri, iressaq każ quddiem il-qorti tal-familja tal-post tar-residenza tal-minuri qabel kwalunkwe trasferiment.

4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.

Kif stabbilit hawn fuq, għandha ssir distinzjoni bejn it-trasferiment temporanju u t-trasferiment permanenti. Irreferi għall-punti preċedenti.

L-aħħar aġġornament: 24/07/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna