Jogszerű letelepedés külföldön gyermekekkel

Franza
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?

Jekk il-ġenituri flimkien jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri, kull wieħed minnhom jista’ jivvjaġġa mal-minuri mingħajr il-kunsens espliċitu tal-ieħor.

Jekk ġenitur wieħed biss għandu l-awtorità tal-ġenituri, il-kunsens, preżunt jew espress, tal-ġenitur l-ieħor mhuwiex meħtieġ.

2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?

Ivvjaġġar għall-btala:

Biex wieħed mill-ġenituri joġġezzjona għat-trasferiment tal-minuri barra mill-pajjiż, il-parti l-oħra tista’ tagħmel oġġezzjoni mal-prefetturi għal ħruġ mit-territorju li tkun valida għal 15-il jum u / jew tagħmel talba lill-qorti tal-familja għal projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju mingħajr il-kunsens taż-żewġ ġenituri (Artikolu 373–2-6 tal-Kodiċi Ċivili) li tkun valida sakemm il-minuri jsir adult jew tittieħed deċiżjoni ġdida. Il-miżura ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju mingħajr il-kunsens taż-żewġ ġenituri timpedixxi lill-minuri milli jitlaq mit-territorju. Il-ġenituri jistgħu madankollu jagħtu l-kunsens speċifiku tagħhom għal vjaġġ partikolari tal-minuri, waħdu jew ma’ ġenitur wieħed, billi jagħmlu dikjarazzjoni quddiem l-uffiċjal tal-pulizija ġudizzjarja (magħmula fi prinċipju ħamest (5) ijiem qabel il-vjaġġ). Jekk wieħed mill-ġenituri jirrifjuta li jagħti dikjarazzjoni ta’ awtorizzazzjoni, il-ġenitur l-ieħor jista’ jressaq rikors quddiem il-qorti sabiex tinkiseb it-tneħħija tal-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju jew l-awtorizzazzjoni speċifika sabiex il-minuri jkun jista’ jħalli t-territorju.

Vjaġġar bl-għan ta’ bidla tar-residenza:

Anki fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni għall-ħruġ mit-territorju jew ta’ projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju, jekk it-trasferiment tal-minuri fi Stat ieħor għandu l-għan li jbiddel ir-residenza tal-minuri, il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor huwa meħtieġ.

Jekk il-ġenitur ma tax kas tan-nuqqas ta’ kunsens tal-ġenitur l-ieħor, huwa possibbli li ssir talba għar-ritorn ibbażata fuq l-illegalità tat-trasferiment.

Irrispettivament min-natura tal-vjaġġ u ħlief f’każijiet speċifiċi ta’ projbizzjoni u ta’ oġġezzjoni għal ħruġ mit-territorju, ta’ min jinnota li mhuwiex mitlub mingħand il-ġenitur li jħalli t-territorju mal-minuri li jipprova b’mod espliċitu l-kunsens tal-ġenitur l-ieħor, billi dan tal-aħħar huwa preżunt fil-konfront ta’ partijiet terzi.

3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?

Fil-każ ta’ rifjut tal-ġenitur li jagħti l-kunsens tiegħu għall-vjaġġ, filwaqt li teżisti projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju mingħajr il-kunsens taż-żewġ ġenituri, huwa l-ġenitur li jixtieq jittrasferixxi l-minuri li għandu jressaq każ quddiem il-qorti biex tkun tista’ tawtorizza l-minuri sabiex iħalli t-territorju.

Bl-istess mod, jekk it-trasferiment tal-minuri jikkonsisti fir-realtà f’bidla ta’ residenza, il-ġenitur li jittrażloka mal-minuri, għandu f’każ ta’ rifjut tal-ġenitur l-ieħor, iressaq każ quddiem il-qorti tal-familja tal-post tar-residenza tal-minuri qabel kwalunkwe trasferiment.

4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.

Ma jeżistux regoli speċifiċi skont ir-raġuni jew id-dewmien tal-vjaġġ. Madankollu, fil-każ ta’ trasferiment bl-għan ta’ bidla ta’ residenza, in-nuqqas ta’ kunsens tal-ġenitur l-ieħor ikollu bħala konsegwenza li jippermetti l-implimentazzjoni tal-proċeduri speċifiċi ta’ ritorn.

L-aħħar aġġornament: 20/06/2017

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.