Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Informazzjoni dwar it-tneħħija legali tal-minuri

L-Ingilterra u Wales
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?

Il-liġi tal-Ingilterra u Wales tipprovdi għat-tneħħija legali tal-wild minuri mir-Renju Unit. Ordni ta’ arranġamenti għat-tfal hija ordni mill-qorti li tiddetermina ma’ min il-wild minuri għandu jgħix jew iqatta’ l-ħin. L-Artikolu 13(2) tal-Att tal-1989 dwar it-Tfal (Children Act 1989) jippermetti lil persuna b’ordni ta’ arranġamenti għat-tfal (li qabel kienet magħrufa kemm bħala ordni ta’ residenza kif ukoll bħala ordni ta’ kuntatt) fir-rigward tal-wild minuri, li tneħħi lill-wild minuri mir-Renju Unit għal perjodu ta’ anqas minn xahar (pereżempju għal btala).

Dan huwa konsistenti mal-Artikolu 1(4) tal-Att tal-1984 dwar il-Ħtif ta’ Minuri (Child Abduction Act 1984) li jistipula li persuna ma twettaq l-ebda reat billi tieħu jew tibgħat il-wild minuri barra mir-Renju Unit jekk tkun persuna li favur tagħha jkun hemm fis-seħħ ordni ta’ arranġamenti għat-tfal u t-tneħħija tkun għal anqas minn xahar.

Fejn ma jkun hemm fis-seħħ l-ebda ordni ta’ arranġamenti għat-tfal, ġenitur b’responsabbiltà unika tal-ġenituri jista’ jneħħi legalment wild minuri mir-Renju Unit mingħajr il-permess mill-ġenitur l-ieħor. Madankollu, il-ġenitur l-ieħor li ma jkollux ir-responsabbiltà tal-ġenituri jista’ jipprevjeni t-tneħħija ta’ wild minuri mill-ġurisdizzjoni billi jippreżenta rikors lill-qrati fl-Ingilterra u f’Wales għal ordni mill-qorti li tipprojbixxi t-twettiq ta' ċerti atti (Prohibited Steps Order). Huma jistgħu jressqu wkoll rikors għal ordni tal-qorti relatata mar-responsabbiltà tal-ġenituri. “Responsabbiltà tal-ġenituri” hija definita fl-Artikolu 3(1) tal-Att tal-1989 dwar it-Tfal (Children Act 1989).

2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?

L-Artikolu 13 tal-Att tal-1989 dwar it-Tfal (Children Act 1989) jirrikjedi li meta jkun hemm fis-seħħ ordni ta’ arranġamenti għat-tfal fir-rigward ta’ wild minuri, ħadd ma jista’ jneħħi lill-wild minuri mir-Renju Unit mingħajr il-kunsens bil-miktub ta’ kull persuna li jkollha r-responsabbiltà tal-ġenituri għall-wild minuri, jew mingħajr il-permess tal-qorti.

Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tal-Att tal-1984 dwar il-Ħtif ta’ Minuri (Child Abduction Act 1984) jistipula li ġenitur (u persuni oħra speċifikati li jinkludu persuna li tkun it-tutur tal-wild minuri, persuna li favur tagħha jkun hemm fis-seħħ ordni ta’ arranġamenti għat-tfal fir-rigward tal-wild minuri jew persuna li magħha jkun jgħix il-wild minuri) iwettaq reat (ħtif ta’ wild minuri) jekk jieħu jew jibgħat wild minuri barra mir-Renju Unit mingħajr il-kunsens xieraq (li jfisser il-kunsens ta’ omm il-wild minuri u ta’ missier il-wild minuri jekk huwa jkollu r-responsabbiltà tal-ġenituri – jew il-kunsens ta’ persuni oħra speċifikati msemmija hawn fuq).

Meta ma jkunx hemm fis-seħħ ordni ta’ arranġamenti għat-tfal iżda aktar minn persuna waħda jkollha r-responsabbiltà tal-ġenituri għall-wild minuri, l-ebda persuna b’responsabbiltà tal-ġenituri għal dak il-wild minuri ma hija permessa tneħħi lill-wild minuri mir-Renju Unit mingħajr il-kunsens tad-detenturi l-oħra tar-responsabbiltà tal-ġenituri jew mingħajr il-permess tal-qorti.

3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?

Ġenitur b’ordni ta’ arranġamenti għat-tfal fir-rigward tal-wild minuri u li jkun qiegħed ifittex li jneħħi lill-wild minuri b’mod permanenti mir-Renju Unit jista’ jirriloka legalment mal-wild minuri mingħajr l-intervent tal-qorti jekk ikollu l-kunsens bil-miktub tal-ġenitur l-ieħor b’responsabbiltà tal-ġenituri jew ta’ xi ħadd ieħor b’responsabbiltà tal-ġenituri. Jekk il-kunsens jiġi miċħud, ikun irid jitressaq rikors quddiem il-qorti għall-permess biex il-wild minuri jitneħħa mill-Ingilterra u Wales fuq bażi permanenti (l-Artikolu 13(1) tal-Att tal-1989 dwar it-Tfal (Children Act 1989)).

Jekk ma jkunx hemm fis-seħħ ordni ta’ arranġamenti għat-tfal, persuna li jkollha r-responsabbiltà tal-ġenituri għall-wild minuri u li tkun qed tfittex li tneħħi l-wild minuri mir-Renju Unit b’mod permanenti trid tressaq rikors quddiem il-qorti għall-permess jekk il-kunsens minn kwalunkwe persuna oħra b’responsabbiltà tal-ġenituri jiġi miċħud.

Fl-Ingilterra u Wales, il-konsiderazzjoni ewlenija u l-fattur determinanti f’kawżi dwar rilokazzjoni internazzjonali dejjem ikunu l-benesseri tal-wild minuri. L-imħallfin li jipprejedu fil-Qrati tal-Familja (Family Courts) iqisu l-informazzjoni kollha disponibbli għalihom f’kull kawża qabel ma jaslu għal sentenza indipendenti. L-ewwel u qabel kollox huma jfittxu li jieħdu deċiżjonijiet li jkunu fl-aħjar interessi tal-wild minuri kkonċernat. Il-benesseri tal-wild minuri dejjem ikun il-konsiderazzjoni ewlenija fid-determinazzjoni ta’ kawżi bħal dawn. L-Att tal-1989 dwar it-Tfal (Children Act 1989) jipprovdi protezzjoni statutorja għas-salvagwardja tal-benessri tat-tfal f’kawżi ta’ rilokazzjoni mill-Ingilterra u Wales.

4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.

It-tweġiba għall-mistoqsija 1 hawn fuq tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għat-tneħħija legali ta’ wild minuri mir-Renju Unit għal perjodu ta’ anqas minn xahar. Persuna b’ordni ta’ arranġamenti għat-tfal favur il-wild minuri tista’ tieħu l-wild minuri barra mill-pajjiż għal anqas minn xahar u għalhekk ma jkollhiex bżonn il-permess tal-ġenitur l-ieħor biex tieħu l-wild minuri għal btala.

L-aħħar aġġornament: 10/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.