Jogszerű letelepedés külföldön gyermekekkel

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?

1.1 Għandha l-ewwel issir referenza għall-emenda komprensiva tal-liġi li tirregola r-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-minuri permezz tal-Att tal-2013 dwar il-liġi li tirregola r-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-minuri u l-liġi dwar l-ismijiet (Kindschafts- und Namensrecht-Änderungsgesetz 2013) (BGBl I 2013/15), li daħlet fis-seħħ fl-Awstrija fl-1 ta’ Frar 2013. Minn dak iż-żmien, ir-regoli dwar ir-residenza jistgħu jinsabu fl-Artikolu 162 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali (Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch – ABGB), għalkemm dawn ir-regoli ma għandhomx jinqraw waħedhom, iżda fil-kuntest usa’ ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi li jirregolaw ir-relazzjoni bejn il-ġenituri u l-minuri.

1.2 Ġenitur jista’ f’kull każ jittrasferixxi lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor jekk il-ġenitur li qed jittrasferixxi lill-minuri ikun l-ewwel nett ingħata l-kustodja esklużiva; it-tieni nett, ikun innotifika bil-quddiem lill-ġenitur l-ieħor; u, it-tielet nett, il-ġenitur rimanenti ma jkunx qajjem oppożizzjoni fi żmien raġonevoli u ma kienx talab lill-qorti għall-irtirar jew ir-restrizzjoni ta’ kustodja. Jekk il-ġenitur l-ieħor jagħmel talba lill-qorti, il-qorti trid tiddeċiedi jekk it-trasferiment huwiex legali. Biex tiġi mħarsa d-deċiżjoni dwar it-tibdil ta’ residenza, il-qorti tista’ timponi wkoll projbizzjoni fuq it-tluq mal-minuri (ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 107(3) tal-Att dwar ir-Riżoluzzjoni ta’ Kunflitti (Außerstreitgesetz – AußStrG)).

Dikjarazzjoni magħmula mill-ġenitur li ma ngħatax il-kustodja għat-trasferiment barra mill-pajjiż trid tittieħed inkunsiderazzjoni mill-ġenitur l-ieħor jekk ix-xewqa expressa f’dik id-dikjarazzjoni hija iktar konformi mal-aħjar interessi tal-minuri.

Jekk il-ġenitur li jkun ingħata l-kustodja unika tal-minuri ma jkunx innotifika lill-ġenitur l-ieħor tat-trasferiment ippjanat - huwa obbligat li jinnotifika fi kwistjonijiet essenzjali (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 189(1) tal-ABGB li f’kull każ tinkludi li tmur tgħix barra) - jew jekk huwa jmur igħix barra minkejja l-oġġezzjoni sinifikanti espressa mill-ġenitur l-ieħor, dan ma jkunx madankollu (fin-nuqqas tal-kustodja legali tal-ġenitur l-ieħor) ksur tal-liġi dwar il-kustodja fl-ambitu tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-Aja dwar Ħtif ta’ Minuri, iżda biss ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi Awstrijaka tal-familja dwar ir-relazzjoni interna bejn il-ġenituri, li jista’ iwassal għal konsegwenzi taħt il-liġi tal-familja (minn kawtela sempliċi għal trasferiment ta’ kustodja).

1.3 Jekk il-ġenituri t-tnejn li huma kienu ngħataw il-kustodja, huma jridu, sakemm ikun vijabbli u possibbli, jeżerċitaw il-kustodja bi ftehim reċiproku (l-aħħar sentenza tal-Artikolu 137(2) tal-ABGB).

Trid issir distinzjoni bejn sitwazzjonijiet li fihom il-minuri jiġi trasferit barra mill-pajjiż (a) mill-ġenitur li fid-dar tiegħu l-minuri jiġi mħares l-aktar jew (b) mill-ġenitur l-ieħor li fid-dar tiegħu l-minuri ma jiġix għalhekk imħares l-aktar. Ġenitur li fid-dar tiegħu l-minuri ma jiġix għalhekk imħares l-aktar f’kull każ jaġixxi b’mod illegali fl-ambitu tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-Aja dwar Ħtif ta’ Minuri. Għall-ġenitur li fid-dar tiegħu l-minuri jiġi mħares l-aktar, is-sitwazzjoni legali hija aktar kumplessa:

l-ewwel sentenza tal-Artikolu 189(1) tal-ABGB, iċċitata iktar ’il fuq, dwar l-obbligu ta’ notifika tal-ġenitur l-ieħor fi kwistjonijiet essenzjali, tapplika wkoll meta ż-żewġ ġenituri jkunu ngħataw il-kustodja (l-Artikolu 189(5) tal-ABGB). Jekk in-nuqqas ta’ notifika skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 189(1) tal-ABGB huwa waħdu biżżejjed sabiex jikkostitwixxi ksur tal-liġi dwar il-kustodja fl-ambitu tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-Aja dwar Ħtif ta’ Minuri għadu ma ġiex iċċarat bis-sħiħ abbażi tas-sitwazzjoni ġuridika ġdida, billi minkejja li jeżistu fehmiet differenti dwar is-suġġett, sal-lum għadu mhemm ebda ġurisprudenza.

Id-dikjarazzjoni tal-ġenitur li fid-dar tiegħu l-minuri ma jiġix imħares trid ukoll tiġi kkunsidrata hawnhekk, jekk ix-xewqa espressa fiha hijiex aktar konformi mal-aħjar interessi tal-minuri. Irrispettivament milli jiġi msejjaħ ksur illegali tad-dritt ta’ kustodja fl-ambitu tal-Konvenzjoni tal-Aja dwar Ħtif ta’ Minuri, in-nuqqas ta’ notifika jista’ tikkostitwixxi attività fir-relazzjoni interna li tkun bi ksur tal-liġi Awstrijaka tal-familja u twassal għall-konsegwenzi msemmija hawn fuq.

1.4 Jekk iż-żewġ ġenituri jkunu ngħataw kustodja, mingħajr ma jiġi stabbilit f'liema dar il-minuri għandu jiġi mħares l-aktar, irid jinkiseb il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor. Fin-nuqqas tal-kunsens tal-ġenitur ieħor, jista’ isir rikors għal deċiżjoni quddiem il-qorti tat-tutela (Pflegschaftsgericht) li jkollha ġuriżdizzjoni. Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti għandha tqis kemm l-aħjar interessi tal-minuri u d-drittijiet tal-ġenituri għall-protezzjoni mill-vjolenza u għal-libertà ta’ moviment u l-libertà li tiġi eżerċitata attività professjonali (Artikolu 162(3) tal-ABGB). F’dan il-każ ukoll, madankollu, fil-konfront ta’ partijiet terzi, kull ġenitur għandu setgħat ta’ rappreżentazzjoni sakemm il-kustodja (fil-qasam tad-dritt li jiddetermina r-residenza tal-minuri) ma tkunx ġiex definittivament jew proviżorjament revokata.

2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?

F’kull każ, il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor hija meħtieġa jekk il-ġenitur li jittrasferixxi l-minuri jew (a) ma jkunx ingħata l-kustodja jew (b) ikun ingħata l-kustodja tal-minuri, iżda l-minuri ma jkunx qed jiġi mħares l-aktar fid-dar tiegħu.

F’każijiet fejn (a) il-ġenitur li fid-dar tiegħu l-minuri jiġi mħares l-aktar jew (b) il-ġenitur bil-kustodja unika jixtieq jittrasferixxi ruħu lejn Stat ieħor mal-minuri, huwa jrid jissodisfa, fir-relazzjoni interna, l-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 189 tal-ABGB (ara r-risposta għad-domanda 1) u jikkunsidra l-opinjoni tal-ġenitur innotifikat, jekk din hija aktar konformi mal-aħjar interessi tal-minuri.

3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?

3.1. Jekk il-ġenituri t-tnejn li huma jkunu ngħataw il-kustodja, mingħajr ma jkun ġie stabbilit f’liema dar il-minuri għandu jiġi mħares l-aktar, il-ġenitur li jixtieq jittrasferixxi r-residenza tiegħu barra mill-pajjiż, mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor, irid jagħmel rikors lill-qorti tat-tutela li għandha ġuriżdizzjoni. Fid-deċiżjoni tagħha dwar l-awtorizzazzjoni, il-qorti għandha tqis kemm l-aħjar interessi tal-minuri u d-drittijiet tal-ġenituri għall-protezzjoni mill-vjolenza u għal-libertà ta’ moviment u l-libertà li tiġi eżerċitata attività professjonali (l-Artikolu 162(3) tal-ABGB).

3.2. Jekk il-ġenitur li jixtieq imur igħix barra mill-pajjiż mal-minuri ma jkunx ingħata l-kustodja jew jekk il-minuri ma jkunx imħares l-aktar fid-dar tiegħu, huwa jrid jitlob lill-qorti għall-irtirar jew għar-restrizzjoni tal-kustodja tal-ġenitur l-ieħor (u - possibbilment anki biss parzjali - għat-trasferiment tal-kustodja lilu). Speċjalment bħala rimedju inqas sever meta mqabbel mar-revoka ta’ kustodja, il-qorti tista’ ukoll tirtira d-drittijiet legalment meħtieġa tal-kunsens u l-approvazzjoni jew tissostitwixxi kunsens jew approvazzjoni legalment meħtieġa, jekk mhemm ebda raġunijiet ġustifikati għar-rifjut (l-Artikolu 181(1) tal-ABGB).

3.3. Il-ġenitur li jkun ingħata l-kustodja, u f’liema dar il-minuri jiġi mħares l-aktar, irid jinnotifika lill-ġenitur l-ieħor u jagħtih iċ-ċans jesprimi l-opinjoni tiegħu (l-Artikolu 189 tal-ABGB), iżda n-notifika lil parti l-oħra jew il-kunsens ma jikkostitwixxux prerekwiżit għat-tluq.

4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.

Fir-rigward ukoll ta’ trasferiment temporanju fil-każ ta’ kustodja konġunta, il-ġenituri jridu, sakemm ikun vijabbli u possibbli, jeżerċitaw il-kustodja bi ftehim reċiproku (l-aħħar sentenza tal-Artikolu 137(2) tal-ABGB). Madankollu, l-evidenza ta’ dan il-ftehim reċiproku mhuwiex prerekwiżit għat-tluq.

Madankollu, ir-rekwiżit għal ftehim reċiproku jista’ legalment ma japplikax, pereżempju jekk kellha ssir żjara spontanja fi tmiem il-ġimgħa lin-nanniet barra mill-pajjiż u l-ġenitur l-ieħor f’kull każ ma kellux l-intenzjoni li jkollu xi kuntatt mal-minuri matul dan iż-żmien (f’dan il-każ mhuwa fattibbli xejn li jintlaħaq ftehim reċiproku).

L-istess jgħodd f’każijiet fejn il-ġenitur l-ieħor għandu biss jiġi informat (l-Artikolu 189(1) tal-ABGB), iżda jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ individwali (pereżempju d-durata, id-destinazzjoni u l-għan tal-vjaġġ) jekk it-trasferiment temporanju għandux jitqies bħala kwistjoni essenzjali.

L-aħħar aġġornament: 22/12/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna