Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2022.

Ipproċessar onlajn ta’ każijiet u komunikazzjoni elettronika mal-qrati

Skozja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?

Iva, għal talbiet bil-Proċedura Sempliċi (Simple Procedure) biss. Il-Proċedura Sempliċi hija proċess tal-qorti mfassal biex jipprovdi mod rapidu, mhux għali u informali għas-soluzzjoni ta’ tilwim meta l-valur monetarju ma jkunx jaqbeż £ 5,000.

Aktar informazzjoni fir-rigward ta’ civil online tista’ tiġi aċċessata fuq is-sit web ta’ Il-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals) fil-link ta’ civil online li ġejja.

Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service) għandu għan fit-tul li jipprovdi servizzi usa’ b’mod elettroniku, iżda attwalment ma jipprovdix din il-funzjoni għajr kif deskritt hawn fuq. Il-bidu ta’ proċedimenti differenti tal-qorti permezz tal-internet se jkun objettiv ewlieni hekk kif jiġu mistħarrġa s-sistemi u l-proċessi interni.

2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?

Hija disponibbli biss għal tipi ta’ kawżi bil-Proċedura Sempliċi; dawn il-proċedimenti mhumiex esklużivament permezz tal-internet u l-kawżi xorta jistgħu jitressqu f’format stampat fil-qorti.

3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?

Il-faċilità online hija disponibbli 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa. Madankollu, il-konferma li talba tkun ġiet aċċettata mill-qorti hija ristretta għas-sigħat tal-uffiċċju meta l-persunal ikun disponibbli biex jivverifika l-kompetenza u jipproċessa t-talbiet.

4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?

Iva, hemm formoli standard li jikkonformaw mar-regoli tal-qorti li jistgħu jimtlew u jiġu sottomessi b’mod elettroniku.

Ir-regoli u l-formoli tal-Proċedura Sempliċi huma disponibbli fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service) fir-regoli tal-qorti (court rules).

5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?

L-utenti huma meħtieġa jawtentikaw qabel ma jingħataw aċċess għal kwalunkwe data. Id-data hija kriptata fit-tranżitu u meta tkun inattiva. L-applikazzjoni nbniet skont OWASP ASVS 3.0 livell 2.

6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?

Mhijiex meħtieġa firma elettronika.

Il-ħin u d-data li jiġu ppreżentati t-talbiet u dokumenti oħra jiġu rreġistrati fis-sistema ta’ ġestjoni tal-kawżi.

7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?

It-tariffi tal-qorti huma pagabbli u huma preskritti fil-leġiżlazzjoni.

It-tariffi jistgħu jitħallsu b’mod elettroniku permezz ta’ karta ta’ kreditu jew ta’ debitu meta tiġi ppreżentata talba bi Proċedura Sempliċi permezz ta’ civil online.

Jekk tintuża proċedura mhux elettronika, it-tariffi jistgħu jitħallsu wkoll bi flus kontanti jew ċekk kif ukoll permezz ta’ karta ta’ debitu jew ta’ kreditu.

Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service) fit-tariffi tal-qorti (court fees).

8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?

Le, iżda talba bil-Proċedura Sempliċi tista’ tiġi miċħuda jew saldata bit-termini jew ir-regoli tal-qorti.

9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?

Huwa possibbli iżda mhux obbligatorju.

10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?

Jekk risposta tingħata b’mod elettroniku, f’dak il-każ il-qorti tibgħat konferma elettronika tar-riċevuta tar-risposta u tavża dwar kwalunkwe proċedura ulterjuri billi tibgħat notifiki elettroniċi.

Aktar informazzjoni tista’ tiġi aċċessata fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service) f'risposta għal talba (responding to a claim).

11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?

Jekk ma jkun hemm l-ebda risposta, f’dak il-każ ma tingħata l-ebda notifika mill-qorti. L-attur jikkuntattja lill-konvenut biex javża r-riżultat tal-kawża fi żmien debitu.

12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?

Meta kawża bi Proċedura Sempliċi tkun tressqet permezz ta’ Civil Online, l-evidenza kollha ppreżentata lill-qorti b’mod elettroniku tiġi ppreżentata fil-qorti b’mod elettroniku - dan japplika biss għall-kawżi mressqa permezz ta’ Civil Online.

Fit-tipi l-oħra kollha ta’ kawżi, dan huwa possibbli biss meta ż-żewġ partijiet u l-imħallef li jkun qiegħed jisma’ l-kawża jaqblu dwar il-format.

13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?

Le.

14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?

Le. Madankollu, jekk kawża tkun marret għal seduta sħiħa u determinazzjoni ġudizzjarja mill-qorti, kopja tal-opinjoni tal-qorti tista’ suċċessivament tiġi ppubblikata fuq is-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service) u/jew fuq is-sit web tal-Ġudikatura tal-Iskozja (Judiciary of Scotland).

15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?

Le.

16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?

Le.

17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?

Le. Madankollu, xi opinjonijiet tal-qorti huma disponibbli online. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service) u Il-Ġudikatura tal-Iskozja (Judiciary of Scotland).

L-aħħar aġġornament: 19/04/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

Feedback

Uża l-formola li ġejja biex taqsam il-kummenti u l-feedback tiegħek fis-sit web ġdid tagħna