Ipproċessar onlajn ta’ każijiet u komunikazzjoni elettronika mal-qrati

Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?

F’konformità mal-Artikolu 199(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, rikors jista’ jiġi ppreżentat personalment jew bi prokura, bil-posta, permezz ta’ kurrier, bil-faks jew inkella jiġi skennjat u jintbagħat bil-posta elettronika jew elettronikament.

2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?

Ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati skennjati u mibgħuta bil-posta elettronika jew elettronikament fil-kawżi ċivili. Ma hemm l-ebda proċedura disponibbli esklussivament bl-internet.

3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?

Din il-faċilità hija disponibbli l-ħin kollu.

F’konformità mal-Artikolu 199 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, ir-rikors promotur (cererea de chemare în judecată) ippreżentat personalment jew bi prokura, bil-posta, permezz ta’ kurrier, bil-faks jew skennjat u mibgħut bil-posta elettronika jew bħala dokument elettroniku, jiġi rreġistrat u ttimbrat bid-data tal-wasla. Wara r-reġistrazzjoni, ir-rikors u d-dokumenti ta’ akkumpanjament, flimkien ma’, meta jkun xieraq, evidenza ta’ kif dawn ingħaddew lill-qorti, jiġu mgħoddija lill-President tal-Qorti jew lill-persuna nnominata minn dan tal-aħħar, li min-naħa tagħha tieħu passi immedjati biex tistabbilixxi b’mod aleatorju l-formazzjoni tal-imħallfin, skont il-liġi.

4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ma jipprevedix l-użu ta’ xi formoli standard għal talbiet legali. Ir-regoli proċedurali ċivili ordinarji jistabbilixxu l-kontenut ta’ wħud mit-talbiet ippreżentati lill-ġustizzja ċivili (eż. ir-rikors promotur, id-difiża, il-kontrotalba).

5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?

L-iżgurar tat-trażmissjoni u l-ħżin tad-data jsir bl-użu ta’ għodod tal-IT nattivi għas-sistema tal-posta elettronika, bħal firewalls, ċertifikati, antivirus, kontroll tal-aċċess ibbażat fuq ir-rwol, eċċ., kif ukoll billi jiġu applikati l-aħjar prattiki fis-settur.

6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?

F’konformità mal-Artikolu 148(2) u (5) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati lill-qrati elettronikament ukoll, sakemm jiġu rispettati l-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi. Ir-rikors irid jinkludi wkoll il-firma tar-rikorrent. Il-firma tista’ tiddaħħal ma’ dokument skennjat mibgħut bil-posta elettronika. Il-firma tista’ tkun elettronika jekk ir-rikors ikun dokument elettroniku mibgħut bil-posta elettronika.

7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?

Iva, it-tariffi tal-qorti jitħallsu f’konformità mal-Ordni ta’ Emerġenza tal-Gvern Nru 80/2013 dwar it-taxxi tal-boll tal-qorti, iżda l-ammont tagħhom ma jvarjax. It-taxxi tal-boll tal-qorti jitħallsu mid-debitur fi flus kontanti, permezz ta’ trasferiment bankarju jew online f’kont separat ta’ dħul tal-baġit lokali, “Taxxa tal-boll tal-qorti u taxxi tal-boll oħrajn”, tat-taqsima amministrattiva territorjali fejn il-persuna fiżika jkollha d-domiċilju jew ir-residenza tagħha jew, meta jkun xieraq, fejn l-entità ġuridika jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha. Jekk id-debitur la jkollu d-domiċilju jew ir-residenza tiegħu u lanqas, skont kif applikabbli, l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fir-Rumanija, it-taxxa tal-boll tal-qorti titħallas fil-kont tal-baġit lokali tat-taqsima amministrattiva tal-qorti ta’ fejn tinfetaħ il-kawża jew jiġi ppreżentat ir-rikors.

8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?

Iva, skont l-istess kundizzjonijiet li r-rikorrent jista’ jirtira mill-kawża bihom. F’konformità mal-Artikolu 406 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, ir-rikorrent jista’ fi kwalunkwe ħin jabbanduna l-kawża, jew bil-fomm waqt is-seduta fil-qorti jew inkella permezz ta’ talba bil-miktub.

9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?

Ma huwiex obbligatorju għall-intimat li juża l-internet.

F’konformità mal-Artikolu 149(4) u l-Artikolu 154(6) u (6)(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, iċ-ċitazzjonijiet u d-dokumenti proċedurali kollha jiġu nnotifikati ex officio mill-aġenti proċedurali tal-qorti kkonċernata jew minn kwalunkwe impjegat ieħor tagħha, kif ukoll minn aġenti jew impjegati ta’ qrati oħrajn li d-destinatarju tad-dokument li jrid jiġi innotifikat ikun jirrisjedi fil-ġuriżdizzjoni tagħhom. Iċ-ċitazzjonijiet u dokumenti proċedurali oħrajn jistgħu jiġu nnotifikati mill-iskrivan tal-qorti u bil-faks, bil-posta elettronika jew b’mezzi oħrajn li jiżguraw li t-trażmissjoni tat-test tad-dokument u l-konferma tal-irċevuta tiegħu, meta l-parti kkonċernata tkun indikat lill-qorti d-dettalji ta’ kuntatt tagħha għal dan il-għan. In-notifika ta’ dokumenti proċedurali tkun akkumpanjata mill-firma elettronika estiża tal-qorti, li tissostitwixxi t-timbru tal-qorti u l-firma tal-iskrivan tas-seduta bħala r-referenzi obbligatorji fuq it-taħrika. Kull qorti jkollha firma elettronika estiża unika għat-taħrikiet u d-dokumenti proċedurali. Dawn għandhom jitqiesu li ġew innotifikati meta jkun wasal messaġġ mis-sistema użata li waslu għand id-destinatarju skont l-informazzjoni li jkun ta.

In-notifika tad-deċiżjonijiet tal-qorti ssir bl-email ex officio, sakemm il-parti tkun tat id-data rilevanti lill-qorti għal dan l-għan jew direttament jew fuq talba espliċita tal-qorti matul il-proċedimenti. Il-komunikazzjoni tkun akkumpanjata mill-firma elettronika estiża tal-qorti, li tissostitwixxi t-timbru tal-qorti u l-firma tal-iskrivan tas-seduta. Is-sentenzi tal-qorti għandhom jitqiesu li ġew innotifikati meta jkun wasal messaġġ mis-sistema użata li waslu għand id-destinatarju skont l-informazzjoni li jkun ta.

10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?

Id-difiża għandha tiġi nnotifikata bl-istess mod kif jiġi nnotifikat att proċedurali. Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 9.

11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?

F’konformità mal-Artikolu 208 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, is-sanzjoni ta’ nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ difiża sal-iskadenza stabbilita mil-liġi hija l-istess, irrispettivament mill-mod tal-preżentazzjoni. Meta ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda difiża, l-intimat jitlef id-dritt tiegħu li jippreżenta provi u motivi, bl-eċċezzjoni ta’ motivi ta’ ordni pubbliku, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.

12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 9.

13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 9.

14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 9.

15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?

Ara t-tweġibiet għall-mistoqsijiet 1 u 9.

16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?

Id-dokumenti ġudizzjarji maħruġa fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni huma soġġetti għall-istess regoli tad-dritt komuni li japplikaw għan-notifika ta’ dokumenti proċedurali. Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1.

17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?

Mhux applikabbli. Madankollu, il-kawżi jistgħu jiġu aċċessati mill-Portal tal-Qrati jew mill-Uffiċċji tal-Informazzjoni fil-bini tal-qorti, fil-qosor, ikklassifikati skont in-numru tal-fajl, is-suġġett tal-kawża u l-ismijiet tal-partijiet. Huwa previst li fil-futur il-pubbliku jkun jista’ jħallas biex jikkonsulta l-fajls tal-qorti minn daru stess.

L-aħħar aġġornament: 04/09/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.