Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Pollakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Ipproċessar onlajn ta’ każijiet u komunikazzjoni elettronika mal-qrati

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?

Huwa possibbli li tinbeda proċedura magħrufa bħala proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas (elektroniczne postępowanie upominawcze, EPU) permezz tal-internet. L-ewwel stadju ta’ din il-proċedura jitmexxa mingħajr il-parteċipazzjoni tad-debitur. Id-debituri jistgħu jiddefendu ruħhom biss wara li tkun inħarġet l-ordni għall-ħlas u ġiet innotifikata lilhom.

2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?

Tista’ tinbeda proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas f’każijiet li jikkonċernaw talbiet monetarji, irrispettivament mill-valur tas-suġġett tat-tilwima.

3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?

Dikjarazzjoni ta’ talba fi proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas tista’ tiġi ddepożitata mal-e-court (e-sąd) fi kwalunkwe ħin.

4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?

Softwer speċjalizzat maħluq għall-e-court jikkonverti awtomatikament il-fajl testwali li jkun fih id-dikjarazzjoni tat-talba fil-format u l-istruttura tad-data meħtieġa mill-e-court.

5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?

Id-data tiġi żgurata permezz ta’ numru ta’ soluzzjonijiet tal-IT avvanzati, inkluża s-sistema CAPTCHA (Test tat-Turing Pubbliku Kompletament Awtomatizzat li Jiddistingwi bejn il-Kompjuters u l-Bnedmin “Completely Automated Public Turing test to tell Computers and Humans Apart”). CAPTCHA hija tip ta’ teknoloġija li tintuża bħala karatteristika tas-sigurtà tas-siti web, li tippermetti biss li tiġi trażmessa d-data mdaħħla mill-bnedmin. F’dan il-każ, il-CAPTCHA jipproteġi l-portal web kontra l-ħolqien ta’ kontijiet minn magni. Is-sistema tivverifika dan billi titlob lill-utent jittajpja t-test muri fi stampa. It-test ikun imgerfex b’mod intenzjonali, sabiex ma jkunx jista’ jinqara bl-użu tat-teknoloġija OCR (Rikonoxximent Ottiku tal-Karattri, Optical Character Recognition) sett ta’ teknoloġiji jew softwer li jintuża sabiex jirrikonoxxi l-karattri u testi sħaħ f’fajl tal-kompjuter f’forma grafika jew raster), iżda xorta jkun leġibbli biżżejjed għall-bnedmin. Il-kodiċi li jinqara mill-istampa għandu jiġi ttajpjat fl-ispazju bl-użu ta’ ittri minuskoli jew kapitali.

6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?

Trid tintuża firma elettronika sabiex jiġu ffirmati d-dikjarazzjonijiet tat-talbiet u tat-trattazzjonijiet fi proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas. Jistgħu jintużaw it-tipi ta’ firma li ġejjin:

(a) Firma elettronika ordinarja li tista’ tinkiseb mis-sit web tal-EPU mingħajr ħlas.
Qabel isir dan, l-ewwel trid toħloq kont. Ladarba l-kont ikun ġie attivat, għandek tapplika għal ċertifikat li jinħareġ miċ-Ċentru ta’ Ċertifikazzjoni tal-EPU u mbagħad tistenna għal konferma li ċ-ċertifikat inħareġ (madwar sagħtejn). Imbagħad trid tniżżel iċ-ċertifikat. Sabiex iċ-ċertifikat jiġi installat b’mod korrett fis-sistema operattiva, għandek bżonn password taċ-ċertifikat. Il-password jintbagħat permezz tal-posta elettronika. Jekk titlef iċ-ċertifikat wara li tniżżlu, trid tiġġenera applikazzjoni oħra għal ċertifikat. Firma elettronika ordinarja tista’ tintuża biss fil-proċeduri elettroniċi. Iċ-ċertifikat għal firma elettronika ordinarja huwa validu għal sena waħda.

(b) Firma elettronika kwalifikata. Wara li tirreġistra kont ta’ utent, awtomatikament tkun tista’ tuża firma elettronika kwalifikata. Madankollu, l-ewwel trid tikseb firma elettronika kwalifikata waħdek.

7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?

Tariffa tal-qorti dovuta fi proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas tista’ titħallas biss bl-użu ta’ mezzi elettroniċi, permezz ta’ fornitur ta’ servizz ta’ ħlas. Hija tammonta għal kwart (¼) tat-tariffa pagabbli fi proċedura tradizzjonali permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas.

8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?

Fi proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas, il-pretendent jista’ jirtira d-dikjarazzjoni tat-talba sakemm il-proċedura tiġi konkluża b’deċiżjoni finali. Għaldaqstant, trid tiġi ppreżentata trattazzjoni.

Tali trattazzjoni għandha tinkludi d-dikjarazzjoni tal-irtirar tat-talba mill-pretendent u tispeċifika n-numru tal-kont tal-bank. Il-pretendent jista’ jirtira d-dikjarazzjoni tat-talba kollha kemm hi – f’dan il-każ, il-pretendent jirrinunzja għall-protezzjoni legali tat-talbiet kollha (fl-ammonti sħaħ tagħhom) imsemmija fid-dikjarazzjoni tat-talba. Dikjarazzjoni tat-talba tista’ tiġi rtirata wkoll parzjalment biss, magħruf bħala l-irtirar parzjali ta’ talba. Meta jirtira d-dikjarazzjoni tat-talba, il-pretendent jista’ fl-istess ħin jirrinunzja għat-talba segwita. It-trattazzjoni li tirtira d-dikjarazzjoni tat-talba trid tispeċifika numru ta’ kont tal-bank għar-ripagament tat-tariffa tal-qorti. It-tariffa tal-qorti titħallas lura jekk id-dikjarazzjoni tat-talba tiġi rtirata qabel tinħareġ l-ordni għall-ħlas.

9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?

Fi proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas, il-konvenut ma jkunx jista’ jwieġeb permezz tal-internet. L-ewwel dokument li jrid jiġi nnotifikat lill-konvenut fi proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas huwa ordni għall-ħlas. Il-konvenut jista’ jappella kontriha billi jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni (f’forma tradizzjonali jew elettronika).

10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?

Fi proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas, il-konvenut ma jkunx jista’ jwieġeb għad-dikjarazzjoni tat-talba. L-unika forma ta’ appell kontra l-ordni għall-ħlas hija permezz tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni lill-qorti (f’forma tradizzjonali jew elettronika). F’dak il-każ, l-ordni għall-ħlas titlef il-forza tagħha u ma jkollha ebda effett legali. Il-kwistjoni tiġi rinvijata mill-e-court lill-qorti fil-ġurisdizzjoni territorjali fejn il-konvenut huwa domiċiljat u jinstema’ fi proċedimenti oħrajn.

11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?

Ordni għall-ħlas maħruġa fi proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas issir finali ġimgħatejn wara li tiġi nnotifikata lill-konvenut. Ordni finali għall-ħlas maħruġa fi proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas u inkluża fis-sistema tal-IT ikun mandat ta’ eżekuzzjoni. Ordni għall-ħlas maħruġa fi proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas tiġi ddikjarata infurzabbli mill-qorti permezz ta’ titolu elettroniku li jista’ jkun infurzat.

12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?

Fi proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas, id-dokumenti ma jistgħux jiġu mehmuża mat-trattazzjonijiet ippreżentati permezz ta’ mezzi elettroniċi.

13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?

Fi proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas, il-proċess tal-qorti jiġi nnotifikat lill-pretendent permezz ta’ mezzi elettroniċi. Malli tinbeda l-proċedura permezz tal-iddepożitar ta’ dikjarazzjoni ta’ talba permezz tas-sit web tal-e-court, il-pretendenti jiksbu aċċess għal taqsima ddedikata tas-sit web tal-e-court, li tippermettilhom jirċievu korrispondenza mill-qorti. Il-proċess tal-qorti jiġi nnotifikat lill-pretendent permezz tas-sistema ta’ trażmissjoni tad-data li tappoġġja l-proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas (notifika elettronika tal-proċess tal-qorti). Il-proċess tal-qorti jiġi nnotifikat lill-konvenut b’mod elettroniku biss jekk il-konvenut ikun qabel ma’ din il-forma ta’ notifika tal-proċess tal-qorti.

14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?

Fi proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji huma elettroniċi.

15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?

Iva, fi proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas biss.

16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?

Jekk it-titolu li jista’ jkun infurzat ikopri deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa fi proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas, rikors għall-bidu tal-proċedimenti ta’ infurzar jista’ jiġi ppreżentat permezz ta’ mezzi elettroniċi.
Dan irid jiġi ppreżentat permezz tas-sistema ta’ trażmissjoni tad-data li tappoġġja l-proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas.

17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?

Matul proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas, il-partijiet ikollhom aċċess sħiħ għall-fajls tal-proċedura mmexxija fil-kawża tagħhom. Tali aċċess jiġi pprovdut permezz tas-sistema ta’ trażmissjoni tad-data li tappoġġja l-proċedura. Huwa possibbli wkoll li jiġu stampati d-dokumenti aċċessibbli. Dan mhuwiex possibbli fi proċeduri oħrajn għajr il-proċedura elettronika permezz ta’ ċitazzjoni tal-ħlas.

L-aħħar aġġornament: 01/09/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.