Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Olandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Ipproċessar onlajn ta’ każijiet u komunikazzjoni elettronika mal-qrati

Olanda
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?

Il-Parlament Netherlandiż adotta leġiżlazzjoni li tippermetti u saħansitra teżiġi li l-proċedimenti ċivili u amministrattivi jitmexxew b’mod elettroniku. Din il-leġiżlazzjoni għandha tiddaħħal gradwalment mill-2017 sal-2021. Fl-2017, il-proċedimenti elettroniċi huma possibbli f’kawżi tal-ażil u ta’ kustodja, kif ukoll f’talbiet ċivili b’rappreżentanza legali obbligatorja, imressqa quddiem il-qrati Netherlands Ċentrali u Gelderland.

Il-proċedimenti tal-qorti amministrattiva huma possibbli b’mod elettroniku permezz tal-Uffiċċju ta’ Servizz Diġitali għal-Liġi Amministrattiva (Digitaal loket bestuursrecht) u l-amministraturi/ir-riċevituri jistgħu jippreżentaw ir-rendikonti u r-rilaxxi b’mod elettroniku permezz tal-Uffiċċju ta’ Servizz Diġitali Subdistrettwali (Digitaal loket kanton) (http://www.rechtspraak.nl/).

2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?

Minn Settembru 2017, il-proċedimenti elettroniċi mressqa quddiem il-qrati tan-Netherlands Ċentrali u Gelderland huma obbligatorji għal talbiet ċivili b’rappreżentanza legali obbligatorja. Fir-rebbiegħa tal-2018, dan mistenni japplika madwar in-Netherlands għal dan it-tip ta’ każ. Għall-proċedimenti l-oħrajn kollha, il-leġiżlazzjoni li tippermetti li l-proċedimenti jitmexxew b’mod elettroniku għandha tiddaħħal gradwalment sal-2021.

3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?

Il-proċeduri elettroniċi huma disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Il-helpdesk fiċ-ċentru ta’ servizz ġudizzjarju (rechtsspraakservicecentrum) jista’ jiġi aċċessat b’mod elettroniku u bit-telefon bejn it-8:00 u t-20:00.

4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?

Iva. Azzjoni tinbeda billi jiġi ppreżentat dokument oriġinarju (procesinleiding) permezz tal- portal web tas-servizz ġudizzjarju.

5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?

6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?

Iva, l-identifikazzjoni elettronika hija meħtieġa għall-preżentazzjoni tad-dokumenti. L-avukati jużaw il-pass tagħhom bħala avukati għal dan il-għan, filwaqt li l-għażliet disponibbli għaċ-ċittadini jinkludu l-użu tal-kodiċi tal-login DigiD jew l-ID elettronika (negozji) tagħhom. Il-liġi tiddikjara liema mezzi ta’ identifikazzjoni huma permessi.

7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?

Iva, it-tariffi tal-qrati jitħallsu fil-proċedimenti kollha. L-avukati jżommu kont kurrenti mas-sistema ġudizzjarja. Fil-każ tal-proċeduri elettroniċi, it-tariffi tal-qrati jitħallsu b’mod elettroniku. Fin-nuqqas ta’ ħlas, ma jkunx jista’ jsir progress (ulterjuri) fil-bidu tal-proċeduri.

8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?

Iva, il-liġi u r-regoli ta’ proċedura tas-sistema ġudizzjarja jistipulaw kif għandha tiġi rtirata t-talba.

9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?

Iva. Jekk tapplika l-leġiżlazzjoni dwar il-proċeduri elettroniċi, il-konvenut ikun jista’ jirrispondi online. Jekk il-konvenut ikollu avukat, ir-risposta trid tingħata online. Jekk il-konvenut ikollu d-dritt li jaġixxi għan-nom tiegħu stess, ikun permess ukoll li r-risposta tingħata bil-miktub.

10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?

Il-proċeduri elettroniċi jitmexxew kompletament online. Il-konvenut jirċievi notifika bil-posta elettronika ta’ kull dokument ġdid li jiġi ddepożitat fil-fajl tal-kawżi elettroniċi. Il-konvenuti jistgħu jżidu d-dokumenti tagħhom u jikkonsultaw il-kawża tagħhom b’mod elettroniku. Is-sentenza tal-qorti tiġi kkomunikata b’mod elettroniku.

11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?

Jekk il-kawża tkun ġiet innotifikata b’mod korrett lill-parti l-oħra, il-kawża tkun tista’ tiġi ġġudikata b’kontumaċja għan-nuqqas ta’ dehra. Il-parti l-oħra tiġi infurmata dwar il-passi proċedurali bil-miktub.

12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 1. Il-preżentazzjoni tal-messaġġi u tad-dokumenti bil-posta elettronika mhijiex permessa minħabba li ma tistax tiġi garantita sigurtà adegwata.

13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?

Le, id-dokumenti ġudizzjarji ma jistgħux jiġu nnotifikati permezz tal-internet. Madankollu, ħafna sentenzi jiġu ppubblikati fuq http://www.rechtspraak.nl/ u jiġu assenjati numru LJN, li jippermettilhom jiġu rkuprati faċilment. Il-president tas-seduta ġeneralment jiddeċiedi jekk is-sentenza għandhiex titqiegħed fuq is-sit web imsemmi qabel. Mhux is-sentenzi kollha għandhom jitqiegħdu fuq l-internet, iżda biss għażla b’rilevanza ġudizzjarja jew li fihom hemm interess sinifikanti (mill-midja).

L-ismijiet tal-persuni li jidhru f’sentenza huma anonimizzati għal raġunijiet ta’ privatezza. In-negozji u l-individwi involuti fil-qorti f’kapaċità professjonali mhumiex anonimizzati.

F’każijiet fejn il-proċedimenti jistgħu jew iridu jkunu elettroniċi, is-sentenza titqiegħed fil-fajl tal-kawżi elettroniċi. B’dan il-mod, is-sentenza tiġi nnotifikata lill-partijiet.

14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?

Le, il-pubblikazzjoni fuq l-internet issir wara n-notifika lill-partijiet u, għalhekk, wara d-data tas-sentenza. Ara wkoll it-tweġiba għall-mistoqsija 13.

15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?

Dan huwa possibbli biss f’każijiet fejn il-proċedimenti jistgħu jew iridu jkunu elettroniċi.

16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?

Le.

17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?

Iva, f’każijiet fejn il-proċedimenti jistgħu jew iridu jkunu elettroniċi, il-partijiet jistgħu jikkonsultaw id-dokumenti tal-kawżi fi kwalunkwe ħin. Il-partijiet iridu jkunu ġew awtorizzati sabiex jagħmlu dan permezz ta’ kodiċi tal-login rikonoxxut.

Xi formoli jistgħu jitniżżlu mis-sit web http://www.rechtspraak.nl/ f’format PDF, iżda dawn id-dokumenti jridu jintbagħtu wkoll bil-posta ordinarja lill-qrati sabiex jiġu inklużi fil-proċedimenti. Dawn id-dokumenti jinkludu formoli għas-separazzjoni tal-proprjetà u d-diviżjoni tal-pensjoni tal-irtirar, formoli għall-modifika tal-awtorità tal-ġenituri, it-tutela ta’ adult, l-amministrazzjoni fiduċjarja ta’ proprjetà u mentoraġġ, formoli ta’ dikjarazzjoni għall-esperti u l-interpreti, formoli ta’ insolvenza, formoli għall-ordni Ewropea għall-proċeduri ta’ ħlas, formoli għall-proċeduri għal talbiet żgħar Ewropej u formoli tal-ilmenti fi proċedimenti ta’ appell.

L-informazzjoni li tista’ tkun rilevanti fi proċedimenti legali, kif ukoll l-informazzjoni li tiggarantixxi l-indipendenza tal-imħallfin tiġi rreġistrata ċentralment u hija disponibbli online għall-pubbliku ġenerali permezz tas-sit web http://www.rechtspraak.nl/. Dan jirreferi għar-Reġistru Ċentrali tat-Tutela tal-Adulti (Centraal Curateleregister), ir-Reġistru Ċentrali tal-Insolvenza (Centraal Insolventieregister), ir-reġistru tal-proprjetà matrimonjali (huwelijksgoederenregister) u r-reġistru ta’ karigi addizzjonali okkupati mill-ġudikatura (register met nevenfuncties Rechterlijke Macht), li kollha jistgħu jiġu kkonsultati online.

L-aħħar aġġornament: 11/06/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.