Ipproċessar onlajn ta’ każijiet u komunikazzjoni elettronika mal-qrati

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?

Għall-proċedimenti ċivili, huwa possibbli li talba jew rikors jiġi ppreżentat lill-qorti b’mod elettroniku bħala dokument elettroniku. Tali talba jew rikors irid ikollu firma kwalifikata tal-persuna responsabbli jew (sempliċiment) jiġi ffirmat mill-persuna responsabbli u ppreżentat b’mezz sigur ta’ trażmissjoni. Il-mezzi siguri ta’ trażmissjoni huma definiti fl-Artikolu 130a(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung – ZPO).

2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?

Fil-prinċipju, talba jew rikors jista’ jiġi ppreżentat lill-qorti b’mod elettroniku, kif deskritt fil-mistoqsija 1, fil-proċedimenti ċivili kollha. Barra minn hekk, ċerti proċedimenti jistgħu jitwettqu kompletament b’mod elettroniku. Fosthom hemm il-proċedimenti ta’ reġistrazzjoni u proċedimenti ta’ ordni ta’ ħlas (Mahnverfahren).

3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?

Ma hemm l-ebda limitu ta’ ħin.

4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?

Id-dokument elettroniku jrid ikun adattat għall-ipproċessar. Il-parametri tekniċi għat-trażmissjoni u l-adegwatezza għall-ipproċessar huma stabbiliti fl-Ordinanza dwar il-Ġustizzja Elettronika (Elektronische-Rechtsverkehr-Verordnung).

5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?

Il-parametri tekniċi huma stabbiliti fl-Ordinanza dwar il-Ġustizzja Elettronika.

6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?

Talba jew rikors ippreżentat bħala dokument elettroniku jrid ikollu firma kwalifikata tal-persuna responsabbli jew (sempliċiment) jiġi ffirmat mill-persuna responsabbli u ppreżentat b’mezz sigur ta’ trażmissjoni (ara l-mistoqsija 1).

7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?

Fil-prinċipju, it-tip ta’ teknoloġiji tal-komunikazzjoni użati ma jaffettwax l-ammont tat-tariffi tal-qorti. Hemm firxa ta’ metodi ta’ ħlas disponibbli: fattura, debitu dirett u pagament elettroniku. Aktar informazzjoni hija disponibbli mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Land.

8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?

Huwa possibbli: japplikaw ir-regoli ġenerali.

9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?

Irrispettivament mill-forma li fiha titressaq talba, l-avukati, l-awtoritajiet pubbliċi u l-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku jkunu ġeneralment obbligati jibagħtu risposta lill-qorti bħala dokument elettroniku. Il-partijiet fil-kawża jkunu wkoll liberi li jippreżentaw sottomissjonijiet quddiem il-qorti f’forma elettronika.

10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?

Japplikaw ir-regoli ġenerali. Bħalissa ma hemm l-ebda proċedura ċivili elettronika awtonoma.

11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?

Japplikaw ir-regoli ġenerali. Bħalissa ma hemm l-ebda proċedura ċivili elettronika awtonoma.

12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?

Id-dokumenti jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jintbagħtu lil qorti f’forma elettronika (ara l-mistoqsija 1).

13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?

Id-dokumenti ġudizzjarji, b’mod partikolari d-deċiżjonijiet, jistgħu jiġu nnotifikati b’mod elettroniku permezz ta’ mezzi siguri ta’ trażmissjoni (l-Artikolu 173(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). L-avukati, in-nutara, l-uffiċjali ġudizzjarji, l-awtoritajiet, il-korporazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tad-dritt pubbliku huma meħtieġa jipprovdu mezz sigur ta’ trażmissjoni għan-notifika. Dokument elettroniku jista’ jiġi nnotifikat lil xi ħadd ieħor biss jekk, bħala persuna fiżika, tkun tat il-kunsens tagħha għan-notifika ta’ dokumenti elettroniċi għall-proċedimenti inkwistjoni jew, bħala persuna ġuridika, tkun tat kunsens ġenerali għan-notifika ta’ dokumenti elettroniċi (l-ewwel u t-tielet sentenza tal-Artikolu 173(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?

Iva, deċiżjoni tal-qorti tista’ tiġi kkomunikata f’forma elettronika, kif deskritt fil-mistoqsija 13.

15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?

Japplikaw ir-regoli ġenerali dwar it-trażmissjoni u n-notifika ta’ dokumenti elettroniċi deskritti hawn fuq (ara l-mistoqsijiet 1 u 13).

16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?

Kif deskritt fil-mistoqsija 1, il-mezzi elettroniċi jistgħu jintużaw ukoll biex jintbagħtu digrieti ta’ eżekuzzjoni lill-uffiċjali ġudizzjarji u rikorsi għall-eżekuzzjoni lill-qrati ta’ eżekuzzjoni. Ċerti mittenti, b’mod partikolari l-avukati u l-awtoritajiet, huma saħansitra obbligati jissottomettu r-rikorsi jew l-ordnijiet tagħhom b’mod elettroniku (l-Artikolu 753(5), l-Artikolu 130d tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Id-dokumenti mehmużin jistgħu jew iridu jiġu ppreżentati wkoll b’mod elettroniku, ħlief fejn il-liġi tipprevedi li d-dokument jiġi ppreżentat bil-miktub. Kopja tat-titolu eżekuttiv normalment trid tintbagħat bil-miktub. B’mod eċċezzjonali, jekk it-titolu eżekuttiv ikun deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni li ma teħtieġx digriet ta’ eżekuzzjoni u t-talba ma tkunx taqbeż il-EUR 5 000, it-titolu eżekuttiv jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, jintbagħat b’mod elettroniku. Dan japplika, pereżempju, għal rikors elettroniku għall-eżekuzzjoni li jirrigwarda l-qbid u t-trasferiment ta’ talba pekunjarja (l-Artikolu 829a tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Dan japplika wkoll għal digriet ta’ eżekuzzjoni ta’ talba pekunjarja li tkun ġiet ippreżentata b’mod elettroniku (l-Artikolu 754a tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?

Ġeneralment dan ma huwiex possibbli. F’xi każijiet, l-informazzjoni dwar il-kawżi tar-reġistru tal-art/ta’ reġistrazzjoni u l-ħatriet fi proċedimenti ċivili tista’ tiġi kkonsultata b’mod elettroniku.

L-aħħar aġġornament: 18/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.