Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Ipproċessar onlajn ta’ każijiet u komunikazzjoni elettronika mal-qrati

L-Ingilterra u Wales
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li jinbdew proċeduri fil-qorti permezz tal-internet?

Iva, huwa possibbli jinbdew proċedimenti tal-qorti permezz tal-internet permezz ta' Money Claim Online (MCOL) jew ta' Possession Claim Online (PCOL). Iż-żewġ sistemi huma appoġġati minn helpdesk li jista’ jipprovdi assistenza (għalkemm mhux konsulenza legali). Il-helpdesk jista’ jiġi kkuntattjat fuq 0845 601 5935 (għal dawk li jċemplu fir-Renju Unit) u fuq +44 1604 619 402 (għal dawk li jċemplu minn barra r-Renju Unit).

Barra minn hekk jistgħu jinħarġu talbiet fi ħdan id-diversi ġurisdizzjonijiet tar-Rolls Building f’Londra (id-Diviżjoni tal-Kanċellerija tal-Qorti Għolja (Chancery Division of the High Court), il-Qrati Kummerċjali u tat-Teknoloġija u l-Kostruzzjoni (Commercial and Technology and Construction Courts), il-Qorti Merkantili (Mercantile Court) u l-Qorti tal-Ammiraljat (Admiralty Court)) u l-kawża tiġi ġestita b’mod elettroniku bl-iskema ta' CE Filing.

2 Jekk proċedura bħal din teżisti, għal-liema tipi ta' każijiet hija disponibbli? Hemm proċeduri li huma disponibbli biss permezz tal-internet?

L-MCOL hija disponibbli għal talbiet tal-Qorti tal-Kontea (County Court) għal ammont fiss ta’ flus li jkun anqas minn £ 100000 (madwar EUR 125000), inklużi t-tariffi tal-qorti u l-ispejjeż tal-avukati. It-talba għandha tkun kontra mhux aktar minn żewġ persuni u l-indirizz tal-persuna jew tal-persuni li tinfetaħ kawża kontrihom għandu jkun fl-Ingilterra u Wales. L-attur ukoll irid ikollu indirizz għan-notifika fl-Ingilterra u Wales.

Il-PCOL tista’ tintuża biex issir talba għall-irkupru tal-pussess ta’ art (inklużi bini jew partijiet ta’ bini). Din tinkludi talba għall-pussess għal proprjetà residenzjali minn sid il-kera kontra inkwilin, fuq il-bażi biss ta' arretrati tal-kera (iżda mhux talba għad-dekadenza ta’ kirja); jew persuna li tissellef flus b’kuntratt ta’ ipoteka kontra l-kreditur ipotekarju, fuq il-bażi biss ta’ inadempjenza fil-pagament tas-somom dovuti taħt ipoteka. Ma tinkludix talba għal kwalunkwe rimedju ieħor ħlief għall-pagament tal-arretrati tal-kera jew tal-flus dovuti taħt ipoteka, l-imgħax u l-ispejjeż. Bħal fil-każ tal-MCOL, il-konvenuti kollha jrid ikollhom indirizz għan-notifika fl-Ingilterra u Wales u l-kreditur irid ikollu indirizz fl-Ingilterra jew f'Wales fejn ikunu jistgħu jiġu kkonsenjati d-dokumenti. L-attur irid ikun jista’ jipprovdi wkoll kodiċi postali għall-proprjetà li tkun trid tiġi rkuprata u għandu jkollu indirizz tal-posta elettronika.

Kemm għall-MCOL kif ukoll għall-PCOL, il-kredituri jrid ikollhom mill-anqas 18-il sena, ma jridx ikollhom nuqqas ta’ kapaċità mentali, ma jridux ikunu assistiti legalment skont it-tifsira tal-Att tal-1988 dwar l-Għajnuna Legali (Legal Aid Act 1988) u ma jridux ikunu litigant vessatorju (jiġifieri persuna li tkun ġiet ipprojbita minn Imħallef tal-Qorti Għolja (High Court Judge) milli toħroġ proċedimenti fi kwalunkwe qorti tal-kontea (county court) fl-Ingilterra u Wales mingħajr permess). Ma jistgħux isiru talbiet kontra l-Gvern jew il-Monarkija.

Dawn it-tipi ta’ talbiet ma għandhomx għalfejn jinbdew permezz tal-internet.

CE Filing hija disponibbli għat-talbiet kollha (ħlief għal dawk li jinvolvu rikors għar-remissjoni tat-tariffi) li kieku jinħarġu fir-Rolls Building; il-kawżi li ma jinbdewx b'CE Filing jistgħu jużaw kwalunkwe waħda mis-sistemi.

3 Din il-faċilità hija disponibbli f'kull ħin (jiġifieri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-gimgħa) jew f’ħinijiet speċifiċi biss? Jekk hija disponibbli f'ħinijiet speċifiċi biss, x'inhuma dawn il-ħinijiet?

Kemm l-MCOL kif ukoll il-PCOL huma disponibbli l-ħin kollu. Meta talba tasal qabel id-9.00 f’jum meta l-qorti tkun miftuħa, it-talba tiġi pproċessata dakinhar. Meta tasal wara d-9.00, din tiġi pproċessata fil-jum li jmiss li l-qorti tkun miftuħa. It-talba normalment tiġi stampata u mibgħuta lill-konvenut fil-jum li tiġi pproċessata.

CE Filing hija disponibbli wkoll 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa, suġġetta għall-manutenzjoni ta’ rutina.

4 Id-dettalji tat-talba għandhom ikunu pprovduti f'xi tip ta' format partikolari?

Kemm għall-MCOL kif ukoll għall-PCOL, attur jintalab jimla sensiela ta’ skrins. Kull skrin jittratta biċċa informazzjoni speċifika li hija meħtieġa - pereżempju l-isem u l-indirizz sħiħ tal-kreditur, l-isem u l-indirizz tal-konvenut jew tal-konvenuti u l-ammont ta’ flus li jkunu qed jintalbu u d-dettalji tat-talba.

Is-sistemi tal-MCOL u tal-PCOL jissejvjaw awtomatikament l-informazzjoni hekk kif din timtela fuq l-iskrin. Jekk timtela biss parti minn skrin, kreditur jista’ jissejvja dik l-informazzjoni billi jagħżel l-opzjoni Save li tidher fin-naħa ta’ fuq u ta’ isfel ta’ kull skrin. Fl-MCOL dawn id-dettalji jiġu ssejvjati għal 28 jum biex kreditur jingħata biżżejjed żmien biex jiġbor kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa. Il-PCOL tissejvja abbozz tat-talba b’mod indefinit sakemm it-talba tiġi sottomessa jew titħassar mill-utent.

L-informazzjoni inizjali dwar il-partijiet u l-avukati tagħhom tiġi sottomessa f’formola online. CE Filing tippermetti lill-parti ttella’ dokumenti daqslikieku kienet qed tagħmel dan b'mod fiżiku; l-unika restrizzjoni hija d-daqs, jekk dokument ikun kbir wisq, ikun jeħtieġ li jiġi ppreżentat f'biċċiet.

5 It-trasferiment u ż-żamma tad-dejta kif isiru b’mod fiż-żgur?

Is-sigurtà hija ta’ importanza kbira kemm fis-sistema tal-MCOL kif ukoll f’dik tal-PCOL. Minħabba li xi informazzjoni li kreditur jipprovdi tista’ tkun ta’ natura sensittiva, is-sigurtà tiġi pprovduta permezz ta’ ID tal-utent u passwords uniċi. Is-sit għandu wkoll protezzjoni tas-sigurtà u jikkripta d-data li tgħaddi minn fuq l-Internet. Madankollu, il-partijiet għandhom jinnotaw li kwalunkwe email li tintbagħat jew tasal ma tistax titqies bħala sigura.

Il-kredituri jridu jirreġistraw mal-MCOL u mal-PCOL qabel ma jkunu jistgħu joħorġu t-talbiet online. Ladarba jkunu rreġistraw, dawn jiġu mitluba jagħżlu ID tal-utent u password. Kemm l-ID kif ukoll il-password iridu jkunu twal mhux inqas minn 8 u mhux aktar minn 12-il karattru, u jkunu kombinazzjoni ta’ ittri u numri.

L-MCOL u l-PCOL jitolbu wkoll lill-kreditur jagħżel mistoqsija tas-sigurtà u jipprovdi tweġiba għaliha meta jirreġistra. Dan għall-eventwalità li l-kreditur jinsa l-password tiegħu. Is-sistema tibgħat il-password permezz ta’ email bil-kundizzjoni li l-mistoqsija tas-sigurtà tkun ġiet imwieġba b’mod korrett. L-IDs tal-utent ladarba jintesew ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati.

CE Filing hija metodu sigur għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni bejn il-qrati u l-partijiet u l-bankiera tagħhom.

6 Huwa meħtieġ li tintuża xi tip ta' firma elettronika u/jew sistema li biha jiġi rreġistrat il-ħin?

Mhumiex meħtieġa firem elettroniċi, għalkemm tapplika l-proċedura ta' lloggjar deskritta fit-tweġiba għall-mistoqsija 5. Kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija 3, il-ħin li fih jiġi ppreżentat rikors jiddetermina l-jum li fih tiġi pproċessata t-talba.

Billi CE Filing hija metodu ta' preżentazzjoni tad-dokumenti, ma hija meħtieġa l-ebda firma elettronika. Il-ħin tas-sottomissjoni huwa jew il-ħin tal-ħlas tat-tariffa rilevanti jew id-data u l-ħin kif stabbiliti fir-regoli rilevanti.

7 Għandhom jitħallsu xi tariffi tal-qrati? Jekk iva, kif jistgħu jitħallsu u hemm xi differenzi bejnhom u bejn it-tariffi għall-proċeduri mhux elettroniċi?

It-talbiet maħruġa online jattiraw tariffa aktar baxxa minn dawk maħruġa manwalment, billi huma anqas intensivi fir-riżorsi għall-persunal tal-qorti. It-tariffi tal-qorti kemm għall-MCOL kif ukoll għall-PCOL għandhom jitħallsu permezz ta’ karta ta’ kreditu jew ta’ debitu, u l-PCOL tippermetti wkoll ħlas permezz ta’ debitu dirett għall-organizzazzjonijiet u l-avukati. Dawk intitolati li jitolbu remissjoni tat-tariffa ma jistgħux jużaw l-MCOL jew il-PCOL. Jekk tintalab remissjoni tat-tariffa, ir-rikors ikun jeħtieġ prova li tkun trid tiġi vverifikata minn membru tal-persunal tal-qorti. Għal dik ir-raġuni, ir-rikorsi għar-remissjonijiet tat-tariffi mhumiex disponibbli online. L-atturi li jħossu li jikkwalifikaw għar-remissjoni tat-tariffi jridu jikkuntattjaw il-qorti lokali tagħhom u joħorġu talba manwali flimkien mar-rikors tagħhom.

It-Tariffi pagabbli huma l-istess daqslikieku l-kawża tkun inħarġet b'mod fiżiku. It-tariffi jitħallsu jew permezz ta’ karta ta’ kreditu jew akkont.

8 Huwa possibbli li wieħed jirtira talba li l-proċeduri dwarha jkunu nbdew permezz tal-internet?

Filwaqt li huwa possibbli jitħassru t-talbiet magħmula permezz tal-MCOL u l-PCOL qabel ma jiġu sottomessi, wara li jiġu sottomessi, it-talbiet ma jkunux jistgħu jitħassru. Huwa possibbli li jiġu kkanċellati proċedimenti mitluba permezz tal-MCOL jew tal-PCOL ladarba jkunu nħarġu bl-istess mod bħal fil-każ ta’ proċeduri mhux elettroniċi. It-tariffi tal-qorti ma jistgħux jiġu rimborżati meta ssir talba għall-kanċellazzjoni wara li jkunu nħarġu l-proċedimenti.

B'CE filing, kawża tista’ tiġi rtirata bl-istess mod daqslikieku dan sar permezz ta’ preżentazzjoni fiżika.

9 Jekk ir-rikorrent jibda proċeduri permezz tal-internet, huwa possibbli u/jew obbligatorju li l-intimat jirrispondi permezz tal-internet ukoll?

Jekk talba tkun inħarġet permezz tal-MCOL jew tal-PCOL, konvenut jista' jirrispondi b’mod elettroniku billi juża l-password tal-login ipprovduta fuq quddiem tal-formola tat-talba. Mhuwiex obbligatorju li wieħed jirrispondi permezz tal-internet.

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe regola, kawża miftuħa permezz ta' CE Filing tkompli bħala kawża miftuħa permezz ta' CE Filing.

10 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat jirrispondi għat-talba?

Il-konvenut jista’ jirrispondi online għal talba magħmula permezz tal-MCOL b’5 modi. Huwa jista’:

  • Iħallas it-talba kollha
  • Jagħmel ammissjoni sħiħa
  • Jagħmel ammissjoni parzjali
  • Jippreżenta konferma tan-notifika
  • Jikkontesta t-talba
  • Jagħmel kontrotalba kontra l-attur

Meta l-konvenut jissottometti risposta, il-kawża tiġi trasferita lill-qorti lokali tal-konvenut. Meta ssir kontrotalba, il-kawża tiġi trasferita lil qorta xierqa. Fiż-żewġ ċirkustanzi, il-kawża tipproċedi daqslikieku kienet inħarġet f’format mhux elettroniku.

Jekk il-konvenut jagħmel ammissjoni parzjali, il-kreditur jiġi mistoqsi jekk ikunx lest li jaċċetta din l-ammissjoni. Jekk tiġi aċċettata, l-attur jista’ jitlob lill-qorti biex tagħti sentenza kontra l-konvenut u tibgħat ordni għall-pagament. Jekk ma tiġix aċċettata, il-kawża tkompli bħala kawża kkontestata.

Jekk il-konvenut jirrispondi għat-talba ta’ pussess, tiġi notifikata kopja lill-attur u titqiegħed fl-atti tal-kawża għas-seduta inizjali dwar il-pussess. Fuq il-PCOL, il-konvenuti jistgħu jimlew il-formola tar-risposta li hija dikjarazzjoni tal-mezzi u hija meħtieġa qabel is-seduta dwar il-pussess.

Konvenut f'kawża ppreżentata permezz ta' CE Filing għandu l-istess opzjonijiet bħal konvenut f’kawża mhux ippreżentata permezz ta' CE Filing.

11 Fir-rigward tal-proċedura elettronika, x'jiġri jekk l-intimat ma jirrispondix għat-talba?

Jekk il-konvenut ma jirrispondix għal talba, il-kreditur jista’ jitlob sentenza fil-kontumaċja online permezz tal-MCOL. Tista’ ssir talba billi tintgħażel l-opzjoni Bidu tas-Sentenza (Judgment Start). Il-kreditur jiġi mitlub jiddeċiedi jekk ikunx irid li l-konvenut iħallas it-talba permezz ta’ pagamenti parzjali jew f’pagament wieħed f’daqqa. Jekk il-kreditur ikun talab l-imgħax bħala parti mit-talba oriġinali, huwa jkun intitolat li jitlob l-imgħax mid-data tal-ħruġ sad-data meta tintalab is-sentenza. Bħal fil-każ tal-bidu tat-talbiet, talba għal sentenza jekk tasal permezz tal-MCOL qabel id-9.00 f’jum meta l-qrati jkunu miftuħa, tiġi pproċessata fl-aħħar tal-jum. Meta tasal wara d-9.00, din tiġi pproċessata fil-jum li jmiss meta l-qorti tkun miftuħa u tista’ ma tidhirx fuq l-MCOL qabel il-ġurnata ta’ wara.

Il-PCOL tista’ tintuża sabiex jitressaq rikors quddiem il-qorti biex tiġi ffissata data għall-pussess meta l-konvenut ikun naqas milli jikkonforma mat-termini ta’ Ordni għall-Pussess. Madankollu, l-evidenza ta’ sostenn meħtieġa trid tiġi ppreżentata direttament lill-qorti u ma tistax tiġi mehmuża ma’ rikors online.

In-nuqqas ta’ involviment fil-proċess min-naħa tal-konvenut f’kawża ppreżentata permezz ta' CE Filing iwassal għall-istess riżultati f’kawża mhux ippreżentata permezz ta' CE Filing.

12 Huwa possibbli li wieħed iressaq dokumenti quddiem il-qorti b'mod elettroniku u jekk dan huwa possibbli f’liema proċeduri u b’liema kundizzjonijiet jista' jsir?

Il-PCOL tippermetti lill-atturi jissottomettu dawn li ġejjin b’mod elettroniku:

  • Korrispondenza ġenerali
  • Rikors ġenerali
  • Talba għall-aġġornament tas-seduta
  • Irtirar tat-talba.

Għall-MCOL, l-atturi jistgħu jagħmlu wkoll dawn li ġejjin b’mod elettroniku:

  • Idaħħlu sentenza permezz ta’ ammissjoni, ammissjoni parzjali jew kontumaċja
  • Joħorġu mandat ta’ eżekuzzjoni.

L-atturi u l-konvenuti jistgħu jissottomettu korrispondenza bl-email u mistoqsijiet permezz tal-MCOL u l-PCOL. Madankollu, huma ma jistgħux jissottomettu korrispondenza jew rikorsi ġenerali b’mod elettroniku.

CE Filing tippermetti li d-dokumenti kollha jiġu ppreżentati b’mod elettroniku.

13 Id-dokumenti ġudizzjarji, b'mod partikolari s-sentenzi, jistgħu jiġu nnotifikati permezz tal-internet?

Is-sentenzi jistgħu jinħarġu kemm fuq l-MCOL kif ukoll fuq il-PCOL, madankollu huma jridu jiġu nnotifikati bil-metodu preskritt fir-regoli.

F'kawżi miftuħa permezz ta' CE Filing, il-parti oriġinarja hija responsabbli għan-notifika.

14 Id-deċiżjoniet ġudizzjarji jistgħu jingħataw b'mod elettroniku?

L-imħallfin ma għandhomx il-faċilità li jibagħtu d-deċiżjonijiet lill-partijiet b’mod elettroniku.

CE Filing ma għandha l-ebda effett fuq l-għoti tas-sentenzi.

15 Jista' jsir appell permezz tal-internet u d-deċiżjoni li tittieħed fih tista' tiġi nnotifikata permezz tal-internet?

Jista’ jiġi ppreżentat appell permezz tal-PCOL fuq rikors ġenerali, iżda apparti minn dan ma jista’ jsir l-ebda appell b’mod elettroniku permezz tal-PCOL jew l-MCOL. Id-deċiżjonijiet ma jistgħux jiġu nnotifikati permezz tal-internet.

CE Filing ma għandha l-ebda applikazzjoni f’kawżi ta’ appell.

16 Jistgħu jinbdew proċeduri ta' eżekuzzjoni permezz tal-internet?

Meta kreditur jitlob sentenza fil-kontumaċja bi ħlas immedjat permezz tal-MCOL, huwa jista’ jitlob mandat ta’ eżekuzzjoni ladarba l-istatus fuq l-MCOL juri li s-sentenza tkun iddaħħlet, u meta l-konvenut ikun inadempjenti fir-rigward tat-termini tas-sentenza (dan japplika kemm jekk is-sentenza tinkiseb fil-kontumaċja jew b’ammissjoni). Hemm tariffa għall-ħruġ ta’ mandat li l-kreditur jintalab iħallas permezz ta' karta ta’ debitu jew ta’ karta ta’ kreditu. Din it-tariffa tal-qorti tiżdied mal-ammont dovut. Biex jitlob mandat online, il-kreditur irid jilloggja fis-sistema billi juża l-ID tal-utent u l-password tiegħu, jagħżel it-talba u jagħżel l-opzjoni “mandat ta’ eżekuzzjoni”.

Il-mandat irid jinħareġ għal:

Jew il-bilanċ dovut skont is-sentenza

Jew, jekk is-sentenza tkun pagabbli b’pagamenti parzjali, somma minima ta’ £ 50 jew pagament mensili wieħed, skont liema jkun l-akbar ammont.

Ladarba jinħareġ il-mandat, dan jintbagħat b’mod elettroniku lill-uffiċjali ġudizzjarji fil-qorti lokali tal-konvenut. L-uffiċjali ġudizzjarji jagħmlu diversi tentattivi biex jirkupraw il-flus tal-kreditur.

Metodi oħra ta’ eżekuzzjoni - li d-dettalji sħaħ tagħhom jistgħu jinstabu fl-iskeda informattiva dwar l-eżekuzzjoni għall-Ingilterra u Wales - mhumiex disponibbli permezz tal-MCOL.

Il-PCOL tista’ tintuża biex tiġi ppreżentata talba lill-qorti biex toħroġ Mandat ta’ Pussess. Dan jipprovdi mezz biex tiġi eżegwita sentenza jew ordni għall-pussess ta’ art (fejn “art” hija meqjusa li tfisser kemm bini kif ukoll art miftuħa). Jekk l-okkupanti tal-art ma jitilqux b’mod volontarju, uffiċjal ġudizzjarju għandu setgħat skont il-mandat biex ikeċċihom. Jeħtieġ li titħallas tariffa.

Il-PCOL tista’ tintuża wkoll biex jiġi ppreżentat rikors lill-qorti għal Permess biex Jinħareġ Mandat ta’ Restituzzjoni. Il-Mandati ta’ Restituzzjoni japplikaw biss fiċ-ċirkostanzi meta l-uffiċjal ġudizzjarju jkun eżegwixxa b’suċċess mandat ta’ pussess u l-okkupant preċedenti jkun kiseb mill-ġdid il-pussess tal-proprjetà. Madankollu, jekk rikors ikun beħsiebu jibbaża fuq dikjarazzjoni tax-xhieda jew dokumentazzjoni separata, ma jkunx possibbli li r-rikors jiġi ppreżentat online. Ma jista’ jintalab l-ebda metodu ieħor ta’ eżekuzzjoni permezz tal-PCOL.

CE Filing ma għandhiex dispożizzjonijiet dwar eżekuzzjoni.

17 Il-partijiet jew ir-rappreżentanti legali tagħhom jistgħu jikkonsultaw il-każijiet onlajn? Jekk iva, kif?

Il-partijiet jistgħu jaraw l-istatus tal-kawża tagħhom online, u jaraw l-istorja tal-kawżi li jkunu nħarġu minnhom jew kontrihom.

Soġġett għar-regoli fis-CPR, it-tfittxijiet fis-CE Files jistgħu jsiru permezz tat-terminal ipprovdut għal dan il-għan.

Links relatati

Money Claim Online

Possession Claim Online

Regoli tal-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules)

Ministeru tal-Ġustizzja (Ministry of Justice)

L-aħħar aġġornament: 20/04/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.