Limiti ta' żmien fuq il-proċeduri

Slovenja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X’inhuma t-tipi ta' skadenzi rilevanti għall-proċeduri ċivili?

Skont il-liġi proċedurali Slovena, terminu huwa perjodu ta’ żmien ristrett b’żewġ punti fiż-żmien - il-bidu u t-tmiem tal-perjodu ta’ żmien - li fih jista’ jitwettaq u, b’mod eċċezzjonali, ma jkunx jista’ jitwettaq att proċedurali partikolari.

Il-liġi Slovena tirrikonoxxi termini differenti:

  • termini sostantivi u proċedurali: it-termini sostantivi jiġu stabbiliti minn liġi sostantiva sabiex jiġu affermati d-drittijiet u huma maqsuma f’termini ta’ preskrizzjoni negattiva, li mal-iskadenza tagħhom dritt jiġi tterminat bil-liġi, u termini ta’ limitazzjoni, meta dritt ma jkunx jista’ jiġi affermat aktar jekk il-parti opposta toġġezzjona. It-termini proċedurali jiġu stabbiliti għat-twettiq ta’ atti proċedurali;
  • termini statutorji u ġudizzjarji: it-termini statutorji u t-tul ta’ żmien tagħhom jiġu stabbiliti direttament mil-liġi, filwaqt li t-termini ġudizzjarji jiġu stabbiliti minn qorti, wara li tqis iċ-ċirkostanzi kollha ta’ kawża partikolari;
  • termini li jistgħu jiġu estiżi u li ma jistgħux jiġu estiżi: it-termini ġudizzjarji jistgħu jiġu estiżi, filwaqt li t-termini statutorji ma jistgħux;
  • perjodi ta’ żmien suġġettivi u oġġettivi: il-perjodi ta’ żmien suġġettivi jibdew meta persuna eliġibbli ssir taf b’avveniment partikolari jew tkun kisbet opportunità li twettaq att proċedurali, filwaqt li l-perjodi ta’ żmien oġġettivi jibdew meta sseħħ ċirkostanza oġġettiva partikolari;
  • preskrizzjoni proċedurali u termini indikattivi: malli jiskadi terminu ta’ preskrizzjoni proċedurali, att proċedurali li għalih japplika t-terminu ma jkunx jista’ jitwettaq aktar b’konsegwenza effettiva, filwaqt li l-ksur ta’ terminu indikattiv ma għandux konsegwenzi legali diretti.

2 Il-lista tal-jiem varji li mhumiex meqjusa jiem tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Skont ir-Regolament Nru 1182/71, ‘jum tax-xogħol’ ifisser il-jiem kollha minbarra l-btajjel pubbliċi, il-Ħdud u s-Sibtijiet. Il-btajjel pubbliċi li ġejjin huma indikati bħala jiem mhux tax-xogħol fis-Slovenja mill-Att dwar il-Btajjel Pubbliċi u l-Jiem Mhux tax-Xogħol fir-Repubblika tas-Slovenja (Zakon o praznikih in dela prostih dnevih v Republiki Sloveniji; bl-abbrevjazzjoni ZPDPD):

  • L-1 ta’ Jannar - L-Ewwel tas-Sena;
  • It-8 ta’ Frar - Jum Prešeren, il-Btala Kulturali Slovena;
  • Is-27 ta’ April - Il-Jum tar-Rewwixta Kontra l-Okkupazzjoni;
  • L-1 u t-2 ta’ Mejju - Il-Btala ta’ Jum il-Ħaddiem;
  • Il-25 ta’ Ġunju - Jum is-Sovranità;
  • L-1 ta’ Novembru - Jum il-Qaddisin Kollha;
  • Is-26 ta’ Diċembru - Jum l-Indipendenza u l-Unità.

Il-jiem mhux tax-xogħol fis-Slovenja jinkludu wkoll:

  • Ħadd il-Għid u t-Tnejn ta’ wara l-Għid;
  • Il-15 ta’ Awwissu - It-Tlugħ is-Sema tal-Madonna;
  • Il-31 ta’ Ottubru - Jum ir-Riforma;
  • Il-25 ta’ Diċembru - Il-Milied.

3 Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għall-iskadenzi fir-rigward ta’ proċeduri ċivili differenti?

Ir-regoli ġenerali dwar it-termini proċedurali fil-liġi Slovena huma preskritti mill-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku; bl-abbrevjazzjoni: ZPP). L-Artikoli 110 sa 112 u 116 sa 120 taz-ZPP huma direttament applikabbli fil-proċeduri ta’ qorti ċivili u, mutatis mutandis, fi proċedimenti mhux kontenzjużi, fi proċedimenti ta’ infurzar u sigurtà u fi proċedimenti għal ftehim obbligatorju jew falliment minħabba insolvenza ta’ impriża jew il-likwidazzjoni tagħha.

4 Meta jkun meħtieġ li att jew formalità jitwettqu fi żmien stabbilit minn qabel, dan meta jibda jiddekorri?

Il-liġi Slovena tirrikonoxxi l-għadd ċivili tal-perjodi ta’ żmien, li huwa l-għadd bil-jiem. Il-perjodi ta’ żmien jiġu kkalkolati f’jiem, xhur u snin. Jekk perjodu ta’ żmien ikun espress f’jiem, il-jum tan-notifika ta’ dokument tal-qorti jew il-jum tal-avveniment minn meta jibda l-perjodu ta’ żmien ma jiġix inkluż fil-perjodu ta’ żmien. Minflok, l-ewwel jum tal-perjodu ta’ żmien huwa l-ewwel jum li jkun imiss. It-termini li huma espressi f’xhur jew snin jiskadu fi tmiem il-jum tal-aħħar xahar jew sena, li n-numru tiegħu jikkorrespondi għad-data meta beda t-terminu. Jekk ma jkun jeżisti ebda jum bħal dan fl-aħħar xahar, it-terminu jiskadi fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar. F’dawn il-każijiet, il-perjodi ta’ żmien jibdew fil-jum li fih ikun seħħ l-avveniment minn meta jingħadd il-perjodu ta’ żmien (pereżempju, jekk ikun meħtieġ li att proċedurali jitwettaq fi żmien sena min-notifika ta’ dokument u n-notifika seħħet fil-25 ta’ April 2005, il-perjodu ta’ żmien jiskadi fil-25 ta’ April 2006). Jekk l-aħħar jum ta’ perjodu ta’ żmien ikun Sibt, Ħadd, btala pubblika jew jum mhux tax-xogħol ieħor definit bħala tali mill-Att dwar il-Btajjel Pubbliċi u l-Jiem Mhux tax-Xogħol fir-Repubblika tas-Slovenja (ara l-punt 2 hawn fuq), il-perjodu ta’ żmien jiskadi fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara. Il-jiem imsemmija hawn fuq ma għandhom ebda effett fuq il-bidu u l-kors tal-proċedimenti, minħabba li l-perjodu ta’ żmien jiddekorri mingħajr interruzzjoni f’dawn il-jiem ukoll. Eċċezzjoni għal din ir-regola hija l-vaganzi ġudizzjarji (bejn il-15 ta’ Lulju u l-15 ta’ Awwissu), li matulhom ma jista’ jibda jiddekorri ebda perjodu ta’ żmien; minflok, dan jibda fl-ewwel jum wara l-vaganzi ġudizzjarji.

L-avvenimenti li warajhom jibdew il-perjodi ta’ żmien ħafna drabi huma n-notifika ta’ dokument tal-qorti, azzjoni mill-parti opposta jew avveniment mhux proċedurali.

5 Il-bidu tad-dekorrenza jista’ jiġi affettwat jew modifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew ta’ notifika tad-dokumenti (servizz personali minn marixxall jew servizz postali)?

Skont il-liġi Slovena, id-dokumenti jiġu nnotifikati bil-posta, minn uffiċjal ġudizzjarju, f’qorti jew bi kwalunkwe mod ieħor preskritt mil-liġi. Meta perjodu ta’ żmien jibda jiddekorri man-notifika, il-metodu ta’ notifika tad-dokumenti ma jkollu ebda effett fuq meta jibda jiddekorri l-perjodu ta’ żmien. Il-perjodu ta’ żmien jibda jiddekorri meta effettivament tkun seħħet in-notifika jew meta titqies li seħħet f’konformità mal-liġi.

In-notifika tad-dokumenti hija rregolata mill-Artikoli 132 ff. taz-ZPP. Dan jiddistingwi bejn notifika mhux personali (ordinarja) u notifika personali bil-posta, u notifika permezz ta’ mezzi elettroniċi siguri, li jistgħu jkunu wkoll personali jew ordinarji.

Fin-notifika mhux personali tad-dokumenti (l-Artikoli 140 u 141 taz-ZPP), in-notifika titqies bħala li seħħet fil-jum li fih marixxall jagħti d-dokumenti lil destinatarju fid-dar jew fuq il-post tax-xogħol tiegħu. Jekk id-destinatarju ma jkunx jista’ jinstab fid-dar tiegħu, id-dokumenti jistgħu jingħataw lil persuna adulta fil-familja tiegħu. Jekk il-marixxall jinnotifika d-dokumenti fuq il-post tax-xogħol tad-destinatarju u dan ma jkunx qiegħed hemm fil-ħin tan-notifika jew il-marixxall ma jkunx jista’ jsib lill-persuna minħabba proċeduri tax-xogħol fuq il-post tax-xogħol, in-notifika titqies bħala li seħħet meta d-dokumenti jingħataw lil persuna awtorizzata sabiex taċċetta l-posta jew lil persuna li hija impjegata f’tali post tax-xogħol. Jekk id-destinatarju jkun jgħix f’akkomodazzjoni u l-marixxall ma jkunx jista’ jsibu hemmhekk, id-dokumenti jingħataw lil persuna hemmhekk li tkun awtorizzata sabiex taċċetta l-posta tar-residenti. It-terminu jibda l-għada li ssir din in-notifika. Jekk it-tali notifika mhijiex possibbli, il-marixxall jiddepożita d-dokumenti f’kaxxa tal-ittri fl-indirizz tar-residenza. In-notifika tkun meqjusa li tkun saret fil-jum li d-dokument jitħalla fil-kaxxa tal-ittri. Jekk id-destinatarju ma jkollux kaxxa tal-ittri jew din ma tkunx tista’ tintuża, id-dokumenti jistgħu jiġu kkonsenjati lill-qorti li tkun talbet li ssir in-notifika jew inkella lil uffiċċju postali lokali, filwaqt li jitħalla avviż tan-notifika fuq il-bieb ta’ quddiem tad-dar li jgħid minn fejn jistgħu jinġabru d-dokumenti. In-notifika titqies bħala li seħħet dakinhar li l-avviż tan-notifika jitwaħħal mal-bieb. L-uffiċċju postali jżomm id-dokumenti għal 30 jum. Jekk id-destinatarju ma jiġborx id-dokumenti f’dak il-perjodu ta’ żmien, id-dokumenti jintbagħtu lura lill-qorti. Jekk id-dokumenti jkunu jridu jiġu nnotifikati lil entità ġuridika, irreġistrata fir-reġistru, jew lil imprenditur indipendenti, u ma jkunx possibbli li n-notifika ssir fl-indirizz tal-istabbiliment irreġistrat fir-reġistru, in-notifika ssir billi d-dokumenti jew l-avviż tan-notifika jitħallew fl-indirizz li jkun irreġistrat fir-reġistru, diment li dan l-indirizz fil-fatt ikun jeżisti.

Notifika personali (l-Artikoli 142 u 143 taz-ZPP) titwettaq meta n-notifika tkun tikkonċerna azzjoni, deċiżjoni tal-qorti li kontriha huwa permess appell jew rimedju legali straordinarju, ordni ta’ ħlas għall-miżata tal-qorti għall-preżentazzjonijiet skont l-Artikolu 105a taz-ZPP, stedina għal seduta ta’ soluzzjoni tat-tilwim jew l-ewwel seduta prinċipali. Dokumenti oħrajn jiġu nnotifikati personalment biss meta dan ikun meħtieġ bil-liġi jew meta qorti tivvaluta li dan huwa meħtieġ minħabba li d-dokumenti huma oriġinali jew għal xi raġuni oħra li teħtieġ attenzjoni akbar. Il-perjodu ta’ żmien jibda jiddekorri mill-għada li ssir din in-notifika. Il-perjodu ta’ żmien jista’ jiskadi f’jum mhux tax-xogħol, li jfisser li jekk jiskadi f’jum mhux tax-xogħol, il-perjodu ta’ żmien jiġi estiż għall-jum tax-xogħol li jkun imiss.

Jekk tkun meħtieġa notifika personali diretta iżda din ma tkunx possibbli, il-marixxall jista’ jħalli d-dokument f’kaxxa tal-ittri jew iwaħħal avviż dwar in-notifika tad-dokumenti mal-bieb ta’ quddiem tad-dar, li jistabbilixxi t-terminu ta’ 15-il jum li fih id-destinatarju jista’ jiġbor id-dokumenti minn uffiċċju postali lokali, meta jkun sar tentattiv sabiex in-notifika ssir bil-posta, jew inkella mill-qorti li tkun ordnat in-notifika. In-notifika titqies bħala li seħħet meta d-destinatarju jiġbor id-dokumenti mill-uffiċċju postali jew wara 15-il jum jekk id-destinatarju ma jiġborx id-dokumenti. Meta d-destinatarju ma jiġborx id-dokumenti, il-perjodu ta’ żmien jibda jiddekorri mill-għada li sseħħ in-notifika jew minn meta jitqies li seħħet in-notifika.

In-notifika elettronika tad-dokumenti tista’ ssir b’mezzi elettroniċi siguri. Is-sistema ta’ informazzjoni ġudizzjarja tibgħat awtomatikament dokumenti fl-indirizz irreġistrat għan-notifika jew lil kaxxa postali elettronika sigura minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jwettqu n-notifika ta’ dokumenti b’mezzi elettroniċi siguri bħala attività reġistrata abbażi ta’ liċenzja speċjali mill-Ministeru tal-Ġustizzja. Id-destinatarju jrid jiġbor id-dokumenti fi żmien 15-il jum. Id-destinatarju għandu jiġbor id-dokumenti mis-sistema ta’ informazzjoni billi jipprova l-identità tiegħu bil-mod preskritt, jiffirma l-prova ta’ notifika elettronikament u jirritornaha lill-ispeditur permezz ta’ mezz elettroniku sigur. In-notifika titqies bħala li seħħet fil-jum li d-destinatarju jaċċetta d-dokumenti elettroniċi. Jekk id-dokumenti ma jiġux aċċettati fi żmien 15-il jum, in-notifika titqies bħala li seħħet wara l-iskadenza ta’ dan il-perjodu ta’ żmien. Id-destinatarju jrid jkollu l-possibbiltà li jsir jaf dwar il-kontenut tad-dokumenti mill-inqas tliet xhur wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ 15-il jum wara li jkun irċieva d-dokumenti elettroniċi. Jekk id-destinatarju ma jiġborx id-dokumenti, il-perjodu ta’ żmien jibda jiddekorri mill-għada li sseħħ in-notifika jew minn meta jitqies li seħħet in-notifika. Irid jiġi enfasizzat li minkejja li teżisti bażi ġuridika statutorja, in-notifika elettronika għadha mhijiex possibbli fil-proċedimenti ġudizzjarji kummerċjali u ċivili, bl-eċċezzjoni tal-proċedimenti ta’ infurzar, insolvenza u tar-reġistru tal-artijiet. Rigward l-użu ta’ operazzjonijiet elettroniċi, jekk jogħġbok ara s-suġġett ‘ipproċessar awtomatizzat’.

6 Jekk iż-żmien jibda jiddekorri meta jitwettaq xi avveniment, il-jum li fih jitwettaq l-avveniment ikun jgħodd għall-kalkolu taż-żmien?

Meta perjodu ta’ żmien ikun espress f’jiem, il-jum tan-notifika ta’ dokument tal-qorti jew il-jum ta’ avveniment minn meta jibda perjodu ta’ żmien ma jiġix inkluż fil-perjodu ta’ żmien; minflok, l-ewwel jum tal-perjodu ta’ żmien huwa l-jum wara n-notifika tad-dokument tal-qorti jew il-jum wara l-avveniment.

It-termini li huma espressi f’xhur jew snin jiskadu fi tmiem il-jum tal-aħħar xahar jew sena, li n-numru tiegħu jikkorrespondi għad-data meta beda t-terminu. Jekk ma jkun jeżisti ebda jum bħal dan fl-aħħar xahar, it-terminu jiskadi fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar. F’dawn il-każijiet, il-perjodi ta’ żmien jibdew fil-jum li fih ikun seħħ avveniment minn meta jingħadd il-perjodu ta’ żmien (pereżempju, jekk ikun meħtieġ li att proċedurali jitwettaq fi żmien sena min-notifika ta’ dokument u n-notifika seħħet fil-25 ta’ April 2005, il-perjodu ta’ żmien jiskadi fil-25 ta’ April 2006).

7 Meta skadenza tkun espressa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat ikun jinkludi l-jiem tal-kalendarju jew il-jiem tax-xogħol?

Meta terminu jkun espress f’jiem, dan ifisser jiem kalendarji. Il-perjodi ta’ żmien jiddekorru mingħajr interruzzjoni, inklużi Sibtijiet, Ħdud u jiem mhux tax-xogħol. Pereżempju, jekk sentenza ġiet innotifikata nhar ta’ Ġimgħa, il-perjodu ta’ żmien għal appell jibda jiddekorri s-Sibt. Jekk l-aħħar jum ta’ perjodu ta’ żmien ikun Sibt, Ħadd, btala pubblika jew jum mhux tax-xogħol ieħor preskritt bħala tali mill-Att dwar il-Btajjel Pubbliċi u l-Jiem Mhux tax-Xogħol fir-Repubblika tas-Slovenja, it-terminu jiskadi fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara.

Meta jingħaddu t-termini, jeħtieġ li jiġu applikati wkoll ir-regoli speċjali stabbiliti fl-Artikolu 83 tal-Att dwar il-Qrati (Zakon o sodiščih), li jirregolaw il-vaganzi ġudizzjarji. Bejn il-15 ta’ Lulju u l-15 ta’ Awwissu, il-qrati jmexxu biss seduti ta’ smigħ u jiddeċiedu dwar kwistjonijiet urġenti, li huma definiti bħala tali mil-liġi (inġunzjonijiet, il-kura u l-kustodja tat-tfal, l-obbligi ta’ manteniment, eċċ.). Ħlief fi kwistjonijiet urġenti, il-perjodi ta’ żmien proċedurali ma jiddekorrux. Jekk in-notifika tkun saret matul il-vaganzi ġudizzjarji (pereżempju, fl-20 ta’ Lulju), it-terminu proċedurali jibda jiddekorri l-għada tal-aħħar jum tal-vaganzi ġudizzjarji, li huwa s-16 ta’ Awwissu. It-termini proċedurali wkoll ma jistgħux jiskadu matul il-vaganzi ġudizzjarji. Pereżempju, jekk in-notifika tkun saret fl-10 ta’ Lulju, it-terminu ta’ 15-il jum jiskadi fis-26 ta’ Awwissu. Id-dekorrenza tat-termini tiġi interrotta mill-vaganzi ġudizzjarji.

8 Meta skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin?

Il-liġi Slovena ma tesprimix it-termini f’termini ta’ ġimgħat. It-termini jiġu kkalkolati f’jiem, xhur u snin. Is-Sibtijiet, il-Ħdud u jiem mhux tax-xogħol oħrajn ma għandhom ebda effett fuq terminu, u terminu ma jistax jiskadi f’jum bħal dan. Jekk l-aħħar jum ta’ terminu jkun Sibt, Ħadd, btala pubblika jew jum mhux tax-xogħol ieħor definit bħala tali mill-Att dwar il-Btajjel Pubbliċi u l-Jiem Mhux tax-Xogħol fir-Repubblika tas-Slovenja, it-terminu jiskadi fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara.

Id-dispożizzjonijiet fl-Att dwar il-Qrati li jikkonċernaw it-termini matul il-vaganzi ġudizzjarji huma defiċjenti fir-rigward tat-termini li huma espressi f’xhur jew snin, u li għalihom l-Artikolu 111(3) taz-ZPP jistabbilixxi li huma jiskadu fil-jum li n-numru tiegħu jikkorrespondi għad-data meta beda t-terminu. Il-vaganzi ġudizzjarji ma jaffettwawx id-dekorrenza tat-termini espressi fi snin. Skont il-ġurisprudenza, it-termini espressi f’xhur ma jiddekorrux matul il-vaganzi ġudizzjarji u, b’hekk, jiġu estiżi b’xahar (pereżempju, terminu proċedurali ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri fl-20 ta’ Ġunju jiskadi fl-20 ta’ Settembru, terminu ta’ tliet xhur li kien jiskadi matul il-vaganzi ġudizzjarji, pereżempju fil-5 ta’ Awwissu, jiġi estiż b’xahar u jiskadi fil-5 ta’ Settembru).

9 Jekk skadenza bħal din tkun espressa f’ġimgħat, xhur jew snin, meta tiskadi?

It-termini li huma espressi f’xhur jew snin jiskadu fi tmiem il-jum tal-aħħar xahar jew sena, li n-numru tiegħu jikkorrespondi għad-data meta beda t-terminu. Jekk ma jkunx jeżisti jum bħal dan fl-aħħar xahar, it-terminu jiskadi fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar (pereżempju, jekk ikun meħtieġ li att proċedurali partikolari jitwettaq fi żmien sena min-notifika tad-dokumenti, u d-dokumenti ġew innotifikati fil-25 ta’ April 2005, it-termini jiskadi fil-25 ta’ April 2006; jekk ikun meħtieġ li att proċedurali partikolari jitwettaq fi żmien xahar min-notifika, li saret fil-31 ta’ Mejju 2005, l-aħħar jum tat-terminu jkun it-30 ta’ Ġunju 2005).

10 Jekk meta tiskadi d-data tal-iskadenza jkun nhar ta' Sibt, Ħadd jew festa pubblika jew jum mhux tax-xogħol, din tiġi estiża sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss?

It-termini ma jiskadux nhar ta’ Sibt, Ħadd jew f’jum mhux tax-xogħol ieħor. Jekk l-aħħar jum ta’ terminu jkun Sibt, Ħadd, btala pubblika jew jum mhux tax-xogħol ieħor definit bħala tali mill-Att dwar il-Btajjel Pubbliċi u l-Jiem Mhux tax-Xogħol fir-Repubblika tas-Slovenja, it-terminu jiskadi fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara.

11 Hemm ċirkostanzi li fihom jiġu estiżi l-iskadenzi? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika minn dawn l-estensjonijiet?

Huma biss it-termini li jiġu stabbiliti minn qorti, l-hekk imsejħa termini ġudizzjarji (l-Artikolu 110 taz-ZPP), li jistgħu jiġu estiżi. Terminu ġudizzjarju jista’ jiġi estiż minn qorti fuq talba ta’ parti meta jkun hemm raġunijiet ġustifikati għall-estensjoni tiegħu. Estensjoni ta’ terminu trid tintalab qabel jiskadi tali terminu. It-termini preskritti mil-liġi ma jistgħux jiġu estiżi. Id-dispożizzjoni dwar in-natura mhux estendibbli tat-termini statutorji hija obbligatorja.

12 X’inhuma l-iskadenzi għall-appelli?

Il-partijiet jistgħu jressqu appell kontra sentenza jew deċiżjoni maħruġa fil-prim’istanza fit-terminu tal-appell ġenerali ta’ 15-il jum wara n-notifika tas-sentenza, sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor miz-ZPP (l-Artikoli 333 jew 363(2)).

Huwa stabbilit terminu tal-appell iqsar ta’ tmint (15) ijiem f’tilwimiet li jinvolvu kambjali jew ċekkijiet (l-Artikolu 333 taz-ZPP), u limitu ta’ żmien ta’ tmint ijiem f’kontroversji li jinvolvu dħul bla jedd (l-Artikolu 428 taz-ZPP), talbiet żgħar (l-Artikolu 458 taz-ZPP), għan-notifika ta’ appell f’tilwimiet kummerċjali dwar talbiet żgħar u għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas (l-Artikolu 496 taz-ZPP). It-terminu iqsar ta’ tmint (8) ijiem japplika wkoll għat-tressiq ta’ rimedji legali (appelli u oġġezzjonijiet) fi proċedimenti għall-infurzar u l-assigurazzjoni tal-pretensjonijiet (l-Artikolu 9 tal-Att dwar l-Infurzar u l-Assigurazzjoni tal-Pretensjonijiet Ċivili (Zakon o izvršbi in zavarovanju)).

13 Il-qrati jistgħu jimmodifikaw l-iskadenzi, b'mod partikolari l-iskadenzi għad-dehra jew jiffissaw data speċjali għad-dehra?

Il-qrati jorganizzaw seduti ta’ smigħ meta jkunu preskritti mil-liġi jew meta jkunu meħtieġa matul il-kors tal-proċedimenti (l-Artikolu 113 taz-ZPP). Seduta ta’ smigħ hija appuntament f’post u ħin partikolari għat-twettiq ta’ att proċedurali. Qorti tista’ tiddefferixxi seduta ta’ smigħ għal data aktar tard meta jkollha raġunijiet ġustifikati sabiex tagħmel dan (l-Artikolu 115 taz-ZPP).

Qorti tista’ wkoll testendi t-terminu stabbilit minnha sabiex parti twettaq att proċedurali (terminu ġudizzjarju) jekk ikun hemm raġunijiet ġustifikati għall-estensjoni tiegħu u l-parti tkun talbet li t-terminu jiġi estiż qabel jiskadi.

14 Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni tal-iskadenza jiġi nnotifikat f’post fejn min jirrisjedi fih ma jibbenefikax minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ din l-iskadenza?

Skont il-liġi Slovena, mhuwiex possibbli li terminu jiġi estiż fuq il-bażi li parti hija residenti f’post jew żona partikolari.

15 X’inhuma l-konsegwenzi jekk ma jiġux rispettati l-iskadenzi?

Skadenza maqbuża ġeneralment tfisser it-telf ta’ dritt. Parti titlef id-dritt li tiddepożita rimedju legali (preskrizzjoni negattiva) u rimedju legali ddepożitat tard wisq jiġi miċħud. Qorti tiċħad rikors li parti ma temendax jew ma tissupplimentax f’terminu preskritt.

Jekk skadenza tinqabeż, il-parti tista’ titqies bħala li rtirat it-talba tagħha (pereżempju, f’każ meta parti ma tħallasx miżata tal-qorti fit-terminu statutorju, hija titqies bħala li rtirat it-talba tagħha u l-proċedimenti jiġu sospiżi; l-istess japplika meta ebda parti ma titlob li l-proċedimenti jkomplu fi żmien erba’ xhur wara li jkunu ġew sospiżi).

Jekk parti tonqos milli tidher f’seduta ta’ smigħ, f’xi każijiet hija titqies bħala li rtirat l-azzjoni (pereżempju, jekk ebda parti ma tidher fis-seduta ta’ smigħ, il-pretendent jitqies bħala li rtira l-azzjoni).

Skadenza li tinqabeż jista’ jkollha wkoll konsegwenzi għal parti fi proċedimenti ta’ provi. Skadenza li tinqabeż sabiex jitħallas avvanz għat-teħid tal-provi proposti tfisser li dawn il-provi ma jitteħdux.

16 Jekk id-data ta’ l-iskadenza tkun għaddiet, x’inhuma r-rimedji disponibbli għal dawk li ma jkunux irrispettawha, jiġifieri l-partijiet inadempjenti?

Jekk parti taqbeż skadenza għal att proċedurali partikolari, li jirriżulta fi preskrizzjoni negattiva (li jfisser li l-parti titlef id-dritt li twettaq l-att proċedurali), qorti tista’ tilqa’ t-talba tal-parti li twettqu aktar tard (jiġifieri li tirritorna għall-istat preċedenti; l-Artikoli 116 sa 121 taz-ZPP).

Il-kundizzjonijiet għar-ritorn għall-istat preċedenti huma:

  • parti tkun qabżet skadenza għal raġuni ġustifikata, kif stabbilita minn qorti fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ;
  • tkun inħolqot preskrizzjoni negattiva minħabba li nqabżet skadenza;
  • parti tressaq petizzjoni għar-ritorn għall-istat preċedenti quddiem il-qorti fejn kellu jitwettaq l-att proċedurali, fi żmien 15-il jum mill-waqfien tar-raġuni li wasslet sabiex il-parti taqbeż l-iskadenza; jekk il-parti saret taf biss sussegwentement dwar l-iskadenza maqbuża, mela allura fi żmien 15-il jum minn meta saret taf b’dan; fil-każijiet kollha, fi żmien tliet xhur, jew fi żmien 30 jum f’tilwimiet kummerċjali, minn dakinhar li tkun inqabżet l-iskadenza;
  • att proċedurali li ma twettaqx jitwettaq fl-istess ħin li tiġi mressqa l-petizzjoni għar-ritorn għall-istat preċedenti.

L-iddepożitar ta’ petizzjoni għar-ritorn għall-istat preċedenti ġeneralment ma jaffettwax il-kors tal-proċedimenti, iżda qorti tista’ tiddeċiedi li l-proċedimenti għandhom jiġu sospiżi sakemm deċiżjoni dwar il-petizzjoni ssir finali. Wara li tirċievi petizzjoni f’waqtha għar-ritorn għall-istat preċedenti, qorti ġeneralment torganizza seduta ta’ smigħ li fiha tiddeċiedi dwar il-petizzjoni. Jekk ritorn għall-istat preċedenti jkun permess, il-proċedimenti jirritornaw għall-istat tagħhom qabel id-dewmien u d-deċiżjonijiet maħruġa mill-qorti minħabba d-dewmien jiġu annullati.

Links relatati:

http://www.dz-rs.si/wps/portal/Home/deloDZ/zakonodaja/preciscenaBesedilaZakonov

http://www.sodisce.si/

https://www.uradni-list.si/glasilo-uradni-list-rs

http://www.pisrs.si/Pis.web/

L-aħħar aġġornament: 24/02/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.